Paulo Freire: Edukazzjoni kritika li toħlom u tistaqsi minflok edukazzjoni skjava tal-ekonomija

F'analiżi mill-aktar profonda f'għeluq il-100 sena mit-twelid ta' Paulo Freire, il-Professur Carmel Borg janalizza dak li jemmen - edukazzjoni li toħloq nies kritiċi u ċittadini attivi fis-soċjetà u mhux edukazzjoni taċ-ċertifikati, li toqtol il-ħsieb u toħloq kultura ta' silenzju u passività... 

Paulo Freire (1921-1997) kien wieħed mill-ewwel edukaturi-ħassieba ta’ statura internazzjonali li kiteb dwar ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni, il-politika, il-kolonjaliżmu u l-liberazzjoni.  Deskritt b’kull tip ta’ aġġettiv, minn sovverżiv sa qaddis, u minn riformista sa Lenninist, l-ideat tiegħu, speċjalment dawk pedagoġiċi, jitqiesu minn xi wħud bħala attentat ta’ impożizzjoni ideoloġika, u minn ħafna oħrajn bħala boxla fil-bini u t-tisħiħ tal-kultura demokratika msejsa fuq il-ġustizzja soċjali.   

Isem Freire marbut mal-litteriżmu... f'perjodu fejn l-illiteriżmu kien marda nazzjonali 

Isem il-ħassieb, edukatur u attivist Brażiljan huwa marbut intimament mal-litteriżmu.  

F’perjodu storiku fejn l-illitteriżmu kien meqjus bħala marda nazzjonali u r-rata għolja ta’ litteriżmu bħala simbolu tal-avvanz ta’ pajjiż, Freire mar ‘l hinn mil-litteriżmu funzjonali, u waħħad il-kompetenza fil-qari tal-kelma mal-ħila fil-qari tad-dinja.  Għal Freire, Il-litteriżmu kritiku, marbut mal-litteriżmu funzjonali tal-massa, kien ifisser it-tweġiba pedagoġika demokratika f’dinja kkaratterizzata minn dittatorjati, polarizazzjoni ideoloġika, segregazzjoni razzjali, tensjoni nukleari, qawmien kulturali u popolari, movimenti rivoluzzjonarji u radikali, attakki paramilitari ta’ lwien differenti, bini mill-ġdid ta’ soċjetajiet ċivili wara d-dittatura, gwerer għall-indipendenza u mixjiet politiċi lejn il-ħelsien minn dipendenza ekonomika u militari, avvanzi soċjali u teknoloġiċi, ġirja spazjali, u attentati ta’ u reżistenza vjolenti għan-nazzjonalizazzjoni tal-ġid komuni u għal għotjiet tal-art lill-bdiewa, fost kisbiet politiċi, traġedji, esperimenti soċjali u tensjonijiet oħra.    

Kien iż-żmien fejn bosta kienu jaċċettaw il-preżenza tal-Istat fil-ħajja personali, soċjali u ekonomika tagħhom, b’ħafna ekonomiji nazzjonali ppjanati u maħsuba biex joffru tweġiba għal-liberaliżmu ekonomiku, mibni fuq it-twemmin li s-suq għandu l-ħila jsolvi l-problemi soċjali u ekonomiċi.  

Il-Brażil tal-oligarkija, f'xifer taqlib kbir 

Freire trabba u mmatura f’Brażil mmexxi minn oligarkija, f’xifer taqlib politiku u soċjali kbir.  Nofs kontinent li ma kienx se jibqa’ rurali u kajman kif kien.  Lanqas il-poplu ma kien se jibqa’ relattivament depolitiċizzat.  Pajjiż li bil-mod beda jara qawmien politiku tal-massa; poplu li beda jisfida l-eġemonija tradizzjonali tas-sidien tal-art u dik aktar waħħara tal-industrijalisti; blokk eġemoniku  li ma kellu ebda interess  fl-emanċipazzjoni u l-ħelsien ta’ ċittadini mħollija jemmnu fid-destin, u jgħixu fl-injoranza, is-superstizzjoni u r-relazzjoni folkloristika mad-dinja. F’kuntest akbar, il-gwerra l-bierda ħolqot opportunitajiet għall-ħalliema biex jimmaġinaw u jissieltu għal dinja differenti milli kienet.  F’dan kollu, l-edukazzjoni tal-massa kellha rwol importanti li tgħallem u timmobilizza l-popli favur it-trasformazzjoni soċjali.  Biex dan seta’ jiġri, l-edukazzjoni kellha tinbidel fl-għanijiet u l-pedagoġija, u tieqaf tippretendi li hija newtrali.  Freire imbotta din l-aġenda edukattiva f’pajjiżu, mill-eżilju, u bħala ċittadin tad-dinja, f’Brażil meħlus mid-dittatura u fi triqtu lejn id-demokrazija.   

L-Edukazzjoni: Daqs kemm tiftaħlek moħħok, taf iċċekknu u żżommok fl-injoranza 

Freire jistqarr li l-edukazzjoni hija munita b’żewġ uċuħ: daqskemm teħles tista’ tjassar; daqskemm tiftaħ imħuħ tista’ ċċekken il-fruntieri tal-ħsieb; u daqskemm tgħin fl-iżvilupp tista’ tħalli poplu jgħum fl-injoranza u bit-tama tal-premju etern. Għall-ħassieb, edukatur u attivist Brażiljan, l-edukazzjoni hija s-salmura tal-emanċipazzjoni daqskemm hija l-ħmira tad-dittatorjat, qiegħa fertili għad-demokrazija daqskemm hi eġemonija tal-ftit.   

Bi tweġiba għal din l-istqarrija, Freire ppjana u wettaq diversi proġetti f’kuntesti post-kolonjali filwaqt li ddjaloga man-nies, kemm wiċċ imb’wiċċ kif ukoll permezz ta’ kullana ta’ kitbiet, mifruxa fuq medda ta’ tletin sena; kitbiet li jirriflettu t-tlaqqim ta’ ħsibijietu mal-ħsibijiet  ta’ dawk li ħadmu, iddjalogaw u kitbu miegħu.  Kitba li titkellem daqs kemm tkitteb, dejjem minn għajnejn il-maħkumin, u bit-tama li l-fidwa tkun esperjenza mġarrba minn kulħadd.  Djalogu li baqa’ sejjer wara mewtu, u li nfirex ferm ‘l hinn mill-kuriduri edukattivi.   

Edukazzjoni fi gwerra kontra l-ħsieb u l-intelletwalità 

Freire fehem il-periklu ta’ sistema edukattiva li tħarreġ aktar milli teduka, li tirriproduċi aktar milli tifforma, li tiċċertifika aktar milli tgħallem, strumentali aktar milli intellettwali, reattiva aktar milli proattiva, dejqa aktar milli ħolistika, u deskrittiva aktar milli kritika.   

Għal Freire, dawn l-għażliet pedagoġiċi u kurrikulari għandhom għeruq ideoloġiċi, għażliet li jnaqqru l-importanza taċ-ċittadinanza kritika.  Edukazzjoni fi gwerra kontra l-profondità tal-ħsieb, l-intellettwaliżmu, l-akkademija, ir-riċerka impenjata u parteċipatorja u l-ħsieb kritiku. Proċess edukattiv li jipproteġi lill-istatus quo soċjali u ekonomiku mill-possibilità tal-mistoqsija, is-sogru u d-dubju, u minn azzjoni kollettiva ta’ bixra trasformattiva.   

Hekk kif l-għajta ta’ min għandu kull interess li l-edukazzjoni taqdi primarjament l-iżvilupp ekonomiku u l-prodott gross domestiku qed tkompli togħla fil-volum, Freire iwissina li t-twarrib tal-ħsieb kritiku - l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza kritika - għandu l-effett li jdgħajjef il-ħeġġa u l-ħila taċ-ċittadini li jiskopru l-verità dwar il-ħtif u l-konċentrazzjoni tal-ġid u l-poter, id-diżlivelli materjali,  il-ħajja prekarja, id-diskriminazzjonijiet u l-oppressjonijiet, l-isfruttament tal-ambjent, it-tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiema, u l-kolonjaliżmu politiku, ekonomiku u kulturali, fost fenomeni oħra.  Temi li wieħed irid preparazzjoni intelletwali u attitudni sovverżiva biex ikun jista’, b’kuraġġ, mhux biss jirrifletti b’mod sistematiku, interdixxiplinarju u profond, iżda wkoll biex jissogra jimmobilizza favur relazzjonijiet soċjali differenti.   

Freire jargumenta favur edukazzjoni li tirkupra t-tradizzjoni demokratika u kritika biex il-proċess edukattiv tassew iservi liċ-ċittadini qabel l-ekonomija, lid-demokrazija, qabel it-tkabbir ekonomiku.  Biex dan iseħħ, ħidmet l-edukaturi trid twassal biex jinħolqu spazji profetiċi u trasformattivi, inħawi politiċi li jikkontradixxu ċ-ċiniżmu u d-disperazzjoni ta’ kotra li donnha hija nieqsa mill-‘kuraġġ ċiviku’.    

L-Edukazzjoni Bankarja 

Freire kien kritiku kbir ta’ pedagoġija edukattiva li hu jlaqqam ‘edukazzjoni bankarja’; proċess edukattiv li jitrasmetti l-għerf u t-tagħrif minn edukaturi ‘esperti’ għall-imħuħ sponoż u passivi tal-parteċipanti, tfal jew adulti.   L-edukazzjoni bankarja hija perikoluża għax timblokka l-poter kreattiv tal-parteċipanti, tirreżisti d-djalogu u timmitoloġizza r-realtà billi tbarri l-interrogazzjoni.  B’dan il-mod, flok li tillibera, l-edukazzjoni bankarja għandha t-tendenza li timmansa u tikkolonizza l-imħuħ.   

L-Edukazzjoni Liberatorja  

F’moħħ Freire, biex l-edukazzjoni toffri alternattiva ġenwina għall-‘edukazzjoni bankarja’, trid tkun proċess li jgħin fl-iżvilupp tal-kuxjenza kritika filwaqt li joffri spazji għal azzjoni trasformattiva.  F’dan il-proċess, il-parteċipanti jieqfu jaċċettaw li huma oġġetti passivi fl-Istorja, u jagħrfu l-potenzjal u l-bżonn li jsiru suġġetti jew protagonisti fit-trasformazzjoni tal-istess Storja.  Ċittadini attivi li jirrifjutaw li jkunu profeti ta’ futur determinat u ċert.   

Il-prattika edukattiva li twassal għall-kuxjenza kritika tistieden lill-parteċipanti biex jgħumu fir-realtà ħalli jsiru jafuha, jifhmuha u jieħdu azzjoni dwarha.  Il-pedagoġija tal-liberazzjoni la tibża’ mill-konfront u lanqas mit-tensjoni qalb l-investigaturi tar-realtà umana.   

Il-pedagoġija tal-liberazzjoni hija msejsa fuq l-għarfien li l-oppressjoni, prodott tad-diżordni soċjali u vjolenti uman, hija riversibbli, u li l-proġett tal-umanizazzjoni tal-bniedem, parti minn frott l-edukazzjoni liberatorja, huwa proġett possibbli. 

Fil-fehma ta’ Freire, biex l-edukazzjoni liberatorja tirnexxi, il-parteċipanti jridu jirbħu s-sens ta’ fataliżmu u qtigħ il-qalb li ħafna drabi jaħkimhom, u jemmnu li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom tista’ tagħmel differenza f’ħajjithom u f’ħajjet dawk ta’ madwarhom.  Biex dan iseħħ, il-parteċipanti jridu jużaw il-proċess liberatorju biex jifhmu d-dinja, jimmaġinawha mill-ġdid u flimkien jibnu soċjetajiet differenti milli huma.  Freire dejjem saħaq li l-edukazzjoni liberatorja hija edukazzjoni kollettiva, li l-edukazzjoni hija dejjem att soċjali. 

 

Il-proċess ta’ kuxjenzizzazzjoni 

Għal Freire, il-vjaġġ tal-fidwa mill-kultura tas-silenzju u l-passività għall-qawmien personali u soċjali huwa mibni fuq proċess ta’ għarfien kumpless tad-dinja - il-kisba tal-kuxjenza kritika. Proċess imdemmel mill-interpretazzjoni profonda u kritika ta’ fenomeni soċjali, ekonomiċi u kulturali, it-tfittxija kontinwa u pubblika għall-għeruq tal-forom differenti tal-oppressjoni, u ċ-ċaħda tal-maġija bħala spjegazzjoni ta’ fenomeni purament materjali. Biex il-proċess ta’ kuxjenzizzazzjoni jixxettel u jħalli l-frott soċjali, dawk li jissieħbu fi ‘ċrieki kulturali’, jew komunitajiet edukattivi liberatorji, iridu jiċħdu l-passività u jieqfu jitrasferixxu r-responsabbiltà umana f’ħoġor il-poter sopranaturali.   

'Ir-riflessjoni mingħajr azzjoni ... huwa tlablib li jipparalizza' 

Freire iqis l-edukazzjoni liberatorja bħala proċess prassjali ta’ riflessjoni-azzjoni-riflessjoni-azzjoni trasformattiva.  Filwaqt li r-riflessjoni tgħin lill-bniedem jifhem ir-realtà, hija azzjonitu li titrasforma l-istess realtà; azzjoni infurmata mil-litteriżmu kritiku ta’ min jifhem l-importanza tal-waqfiet kritiċi li jseħħu ‘l hinn miċ-ċentru tal-azzjoni.   

Freire jwissi kontra l-ftim tat-teorija mill-prattika, ta’ ħajja mingħajr ħsieb.  Filfatt, Freire jirreferi għar-riflessjoni mingħajr azzjoni bħala teorizazzjoni vojta, tlablib li jipparalizza u jiddispra.  Mill-banda l-oħra, Freire jistqarr li azzjoni weħidha twassal għall-attiviżmu bla direzzjoni jew għall-karità bla viżjoni.   

Il-mistoqsija hija l-bidu tal-għarfien 

Freire jisħaq li r-riflessjoni li takkumpanja u tinforma l-azzjoni għandha tkun djalogali, u jiddefinixxi d-djalogu bħala t-tlaqqiegħ ta’ bnedmin, medjat mid-dinja, biex jifhmu d-dinja.  Għal Freire, id-djalogu huwa proċess edukattiv li filwaqt li ma jiċħadx l-irwol direttiv u awtorevoli tal-edukatur, ma jittollerax monologi li jiddominaw lil dawk li qegħdin ifittxu l-ħelsien personali u soċjali.  Għalhekk, Freire jiddistingwi bejn il-psewdo-djalogu ta’ edukaturi awtoritarji li jagħtuk l-impressjoni li qegħdin jisimgħu meta filfatt jidħlu għad-djalogu bi skritt lest u bil-mistoqsijiet imwieġba, u d-djalogu awtentiku mibni fuq ir-realtajiet mgħixa mill-membri tal-komunità edukattiva u fuq l-għarfien tat-trasformazzjoni kollettiva.   

Skont Freire, id-djalogu awtentiku jġarraf il-ħitan foloz li ħafna drabi jinbnew bejn l-edukaturi u l-parteċipanti.  Ħitan mibnija fuq l-idea li l-edukaturi għandhom aċċess esklussiv għall-verità xjentifika.  Permezz tad-djalogu ġenwin, l-edukaturi jsiru edukaturi-studenti, filwaqt li l-istudenti jsiru studenti-għalliema.   

Id-djalogu awtentiku joħroġ karatteristiċi fl-edukaturi li rari joħorġu f’edukaturi-predikaturi: is-smigħ attiv; l-umiltà pedagoġika; il-konvinzjoni tal-edukaturi li jistgħu jitgħallmu mill-esperjenzi, l-intwizzjonijiet u għerfet il-parteċipanti; is-sensittività soċjali u kulturali li toħroġ mil-laqgħat umani; l-għejbien tal-maskra li l-edukaturi jafu kollox; l-immaniġjar produttiv tal-vulnerabilità li toħroġ mill-interrogazzjoni ta’ għerfet l-edukaturi; u s-sodisfazzjoni tat-trasformazzjoni reċiproka.    

Il-mistoqsija għandha rwol fundamentali fil-proċess djalogali.  Għal Freire, il-mistoqsija tissimbolizza mument mill-aktar demokratiku, il-bidu tal-għarfien.  Aktar minn hekk, Freire jistqarr li l-mistoqsija hija marbuta mal-eżistenza umana u mal-bidla fid-dinja.  Il-pedagoġija tal-mistoqsija tagħti spazju għas-sejbien ta’ għarfien ġdid; vjaġġ investigattiv, kultant riskjuż.  

Freire rabat il-mistoqsija mal-ħasda, u insista li meta wieħed jitlef il-ħila li jinħasad, jispiċċa jaqa’ fil-burokrazija.  Il-burokrazija tfisser li wieħed jaddatta ruħu mingħajr ma jieħu riskji kbar, mingħajr sorpriżi, u mingħajr ma jistaqsi.  Pedagoġija nieqsa mill-mistoqsija skomda tikkundizzjona lill-parteċipanti biex jaċċettaw it-tweġibiet, l-ideoloġija u l-kultura invażiva tal-edukaturi awtoritarji.   

Konklużjoni 

Edukazzjoni li twelled il-fidwa hija waħda li tistaqsi, tissogra, tittama, toħlom u tħobb; edukazzjoni fejn l-edukaturi-studenti huma mpenjati fi proċess awtorevoli ta’ litteriżmu kritiku u trasformazzjoni kontinwa, u fejn l-istudenti-edukaturi jqisu lilhom infushom bħala msieħba attivi f’proċess li jirrifletti u jaġixxi.  Freire ħallilna wirt miktub u memorji ta’ ħidmietu li jibqgħu jittamaw lil dawk kollha li f’ħidmiethom qegħdin ifittxu alternattivi kredibbli għal soċjetà ċinika, fejn l-edukazzjoni teżisti primarjament biex iddawar ir-rota tal-ekonomija. 

(Artiklu addattat mill-ktieb ta’ Carmel Borg (2013). L-Edukazzjoni Hi Politika. Kitbiet Paulo Freire.  Malta: Horizons) 

More in Arti