Letteratura | Il-ħeffa li tqarraq

X’inhu l-itqal? Tunnellata rix jew tunnellata ċomb? Il-piż l-istess, imma d-densità differentiAnki fil-kitba, taf tgħallem din. Mark Vella jiżen L-ittra ta’ Osama u stejjer oħra, u jibqa’ inċert dwar it-toqol tal-ħeffa.

L-ittra ta’ Osama u stejjer oħra (Horizons, 2020, €14) jasal għall-punt mingħajr ħafna dawrien u akrobaziji. Kapaċi jpaxxih lill-qarrej, iqanqallu tbissima u xi riflessjoni wkoll. Xi trid aktar? Sikwit, il-pretensjoni taf toqtlu ktieb: dik it-tiftixa miġnuna biex tinħoloq xi ħaġa speċjali, jew inkella l-isforz impost fuq opra li jkollha tgħix u twettaq il-hypepubbliċitarju li jippreċediha.

Madankollu, dil-ġabra nistħajjilha kaxxa kbira u vojta li, bħal meta konna tfal u jagħtuna rigal, tibqa’ ddawwar fiha wara li tkun battaltha, għax forsi kienet kbira wisq għal dak li kien hemm tassew fiha. Il-ħeffa ta’ dawn in-novelli, li lill-qarrej ma tgerrxux u li, biex inwessgħu l-metafora tal-kontenituri, tagħmel dak li hemm miktub fuq il-pakkett, ximindaqqiet inħossha għażżiena, speċjalment meta osservata fil-kuntest tal-proġett editorjali. Niftakar fid-daħla għal Il Momento è Delicato ta’ Nicolò Ammaniti (Solferino, 2012), fejn l-awtur ħareġ bit-titlu tal-antoloġija ta’ rakkonti b’dak li kien jgħidlu l-pubblikatur meta kien jiġi jippreżentalu ġabra ta’ novelli. Mument diffiċli għall-industrija, xi rumanz iridu n-nies, dan mhux se jbigħ. Issa, ma tistax togħġob lil kulħadd, l-aktar fid-dinja tal-ktieb, għax anki għal kemm inħobbu jien lil Ammaniti, dawra fuq il-Goodreads turik li hemm almenu wisq aktar li ddiżappuntahom il-ktieb.

Malta żgur mod ieħor, ma tistax tqabbel, u fil-każ ta’ Portelli, li ma bediex jikteb ilbieraħ, dar bħall-Horizons żgur ma tagħmilx il-kalkoli dwar mumenti inqas jew aktar diffiċli, u xogħol bħal dan jidħol bla problemi fil-katalgu tagħha. Madankollu, hija ġabra li tinħass lightweight, bħallikieku Portelli ġabar biżżejjed stejjer biex jgħaqqadhom f’volum lest biex joħroġ. L-ironija, anki tal-argument li qed nipprova nasal għalih, hi li din kitba tajba. Biex naqilbu għal tqabbila puġilistika, il-boxer ħafif rixa xorta jħallik tara l-istilel jekk jaħsel jolqtok kif imiss, u Portelli jaħfen is-sengħa tan-novella b’mod xieraq biżżejjed u jaf fejn jagħtihom id-daqqiet. Imma forsi jgħarrxu u jbenġlu kemm kemm tant li tinsiehom il-ponnijiet li jaqgħu fuqek, u n-knockout ma jiġi qatt. Jirbaħ bil-punti, forsi? Ma nafx: min-novellieri donnu nistenna wisq aktar, anki meta nqabbel lill-boxers l-oħrajn fl-arena tar-rakkont qasir, u għalhekk qisni xtaqt li l-ġabra ta’ Portelli, almenu bħala proġett editorjali huwa u jinħema għand il-pubblikaturi, seta’ gawda minn editur li jmexxi l-awtur għal xi ħaġa forsi aktar sustanzjuża. Il-kaxxa mimlija tikka aktar biex ma tiddiżappuntahiex lit-tifla ħerqana għar-rigal.

In-novella nistennieha tolqotni bil-kbir. Mhux se ngħid ‘tħallini naħseb’, għax qed nipprova nevita l-klixejiet vojta tal-‘messaġġ’ u tal-‘kitba mexxejja’, imma hija l-ġeneru li, min-natura tiegħu stess, għandu s-setgħa li jaħftek b’intensità inversament proporzjonali għall-qosor tiegħu, u sikwit mingħajr il-bżonn tal-kutrumbajsi u l-effetti speċjali. Imma din il-ħeffa ta’ Portelli taf tqarraq. L-awtur jidderieġi orkestra ta’ kliem fejn ma tintilifx battuta u kull strument jimxi mal-ieħor u jaf fejn għandu jidħol, u jista’ jkun li l-effettività ta’ kitbietu tinsab ukoll fil-fatt li jaħfen it-teknika u jirrakkonta l-istorja b’rieda ġenwina li mhijiex wisq konxja minnha nnifisha. 

Għaliex lil hinn mis-sengħa, hemm ukoll il-viżjoni tal-awtur, u d-dinjiet li jrid joħloq jew jirrakkonta. Portelli sikwit iwassal xeni mgħobbijin b’almenu tifsira waħda li taqta’, u li bix-xieraq tasallek mat-tmiem ippjanat sew tar-rakkont: waqtiet importanti fi ġrajjietna minkejja l-banalità u non-konsegwenzjalità apparenti meta mqabbla mal-piż kożmiku tal-ħajja kollha kemm hi. Għalhekk, kapaċi tqarraq, u lili wkoll, il-ħeffa ta’ Portelli. Għadd ta’ novelli bħal, fost oħrajn, Il-Malja tal-Professur jew Nofs Siegħa fi Praça de Figueira, jisfruttaw l-istramberiji umani kif joħorġu mill-inċidenti minimi li jinbtu fil-proċess ta’ ħbiberija twila jew inkella laqgħa b’kumbinazzjoni.

L-ambjentazzjonijiet ukoll huma effettivi: bħala emigrant, Portelli jtella’ d-drammi ċkejknin tal-ħajja bejn Malta u l-Kanada, u jinħass minnufih xi ħadd li jaf u jħobb il-pajjiżi tiegħu, fejn l-integrazzjoni u l-għixien fihom jinvolvu l-għarfien tad-dettalji minimi li jagħmlu d-dinamika tal-ħajja, mill-ismijiet tal-ħwienet u l-istabbilimenti sad-deskrizzjonijiet konċiżi tal-mondanità u tal-karatteristiċi partikolari ta’ komunità. Spiss ukoll, dawn l-ambjenti huma l-pretest xieraq għall-kumment soċjali, li għal darb’ oħra jiggravita lejn għeluq ir-rakkont, u li jroxx dawl temporanju fuq realtajiet bħar-razziżmu, il-konfront bejn il-kulturi, u d-diviżjoni politika. Hawnhekk jidħol ukoll il-kumment ta’ Immanuel Mifsud dwar il-ktieb li jinnota sew l-attenzjoni xellugija ta’ Portelli lejn ir-realtajiet tal-ħajja kontemporanja, anki msawra mill-esperjenza kożmopolita tal-awtur u mill-kapaċità li jpitter qagħdiet li minnhom tinbet malajr iż-żerriegħa msoqqija mill-fehim politiku anki tal-ġrajjiet apparentament innokwi — u dan huwa wkoll il-qerq tal-ħeffa — tal-ħajja soċjali tagħna.

Kumment ieħor ta’ Walid Nabhan, espress f’dawk l-assoċjazzjonijiet metaforiċi inużwali tipiċi ta’ minn jitkellem b’lingwa li qatt mhi se tkun għal kollox tiegħu, jiddeskrivi r-rakkonti ta’ Portelli bħala “stejjer pikużi”. Interessanti l-kunċett tal-pika, mhux biss għaliex hemm fil komuni minn rakkont għall-ieħor li proprjament jissejjes fuq il-ħbit tal-verżjonijiet ta’ kif tingħex jew tiġi osservata l-ħajja. Il-pika wkoll bħala effett potenzjali li l-kitba jista’ jkollha fuq il-qarrej, fejn tittantah momentanjament iħares lejn ir-realtà mod ieħor, jew inkella tiżragħlu thewdina li ma jneħħihiex minn rasu kif ġieb u laħaq. Imma forsi hawnhekk fejn li Portelli tonqoslu dik it-tikka s-saħħa, u nerġgħu lura għall-kunċett tal-ħeffa. 

Għaliex, minkejja li kif intqal aktar fuq, m’hemmx dubju dwar is-sengħa, sikwit id-daqqa tasallek mill-bogħod wisq u kemm tgħarrxek. Donnu Portelli jitlef l-ekwilibriju bejn, minn naħa, id-deskrizzjoni tal-ambjenti u tal-karattri u t-tħejjija tal-azzjoni, u mill-oħra, l-effett li missha trodd l-istorja, anki fuq livell ideoloġiku. L-istorja tal-coming out ta’ ħabib, ir-razziżmu li jsofri barrani frisk il-Kanada jfittex appartament, sid ta’ ħanut li jitkissirlu n-negozju minħabba t-tensjoni politika tal-1981: ilkoll stejjer qawwija li forsi jsolvu rwieħhom b’mod faċli, ħafif wisq, f’assjoma xotta xotta, u li tittellfilhom id-dinamika tagħhom għaliex jinħela ħafna ħin fuq azzjoni li mhijiex bilfors l-imitazzjoni li hija xogħol l-awtur u l-artist.

Il-‘pika’ ta’ Nabhan, madankollu, nifhimha f’sens tal-attitudni li x’aktarx juri Portelli fit-trattament tal-ġrajjiet u l-karattri tiegħu. Din mhijiex ġabra naïve li tirrakkonta biss l-istejjer ħelwin, minkejja toni spiss leġġeri u anki mumenti umoristiċi, bħar-rakkont tal-labirint burokratiku li jsib ruħu fih Żaren jitlob għal ‘fakjulejter’ għal ibnu batut fl-iskola. Huwa evidenti l-istint tal-awtur li f’kull ġrajja jara dimensjoni aktar profonda, essenzjalment politika, li ġa tiġġustifika r-raġuni għall-eżistenza tar-rakkont. Portelli jinħass fuq ix-xwiek, implikat sew fil-ħajja, fil-fatt lest jaqla’ ġlieda fuq id-dettalji ħfief li jikxfuna mqiegħda f’ġerarkiji ta’ differenzi li jkollna nissiltuhom. 

Iva, il-ħeffa taf tkun arma letali, bħall-prinċipju mxerred f’ħafna mill-arti marzjali fejn titliġġem l-aggressività biex mbagħad toħroġ mix-xejn daqqa klinika u qerrieda. Imma, il-ħeffa mhix dejjem ħafifa, u spiss id-daqqa, jekk mhix imħejjija sew minn qabel u turik minn fejn ġejja, ma tidrobx daqs kemm tkun riedet.

More in Arti