Letteratura | L-utli u l-ħelu

Mawra l-ħanut tal-kotba tal-ajruport tlaqqa’ lil Mark Vella ma’ Sbieħ il-Ħadd ta’ Alex Mizzi u tqanqal riflessjoni dwar xi nfittxu fil-qari, l-industrija tal-kotba, u l-kwalitajiet sottovalutati tal-ħlewwa u tas-sempliċità

Sbieħ il-Ħadd kont sibtu l-ajruport, u x’aktarx ma kontx niltaqa’ miegħu mod ieħor. F’dak il-mument fejn tkun insejt iġġib x’taqra għal fuq l-ajruplan, jew inkella trid toqtol siegħa qabel l-imbark, f’dan l-ispazju tal-kotba dejjem jirnexxieli nistad xi ħaġa mhux mistennija. Tant li kien dan il-ktieb li faqqasli l-ewwel ħajra biex xi darba nibda nikteb ir-reċensjonijiet.

Sad-disgħinijet, niftakar xi għaxar ħwienet tal-kotba l-Belt, kollha bl-identità partikolari tagħhom. Sapienza ta’ Triq ir-Repubblika kienu mbagħad librara primi li tlifnih it-tip tagħhom: isiru jafuk u x’taqra, jissuġġerulek titli ġodda, u dejjem b’impjegati jafu x’qed ibigħu. Kollha għalqu llum, bi skerz tas-suq li għadni ma fhimtux imma li x’aktarx għandu spjega mill-aktar ovvji li forsi ma rridx nifhimha, u l-kotba llum tixtrihom, fil-biċċa l-kbira, mingħand bejjiegħ wieħed biss. Offerta xotta li ssir aktar problematika meta l-bejjiegħ, minkejja li b’xi mod imkisser fil-kotba, iħaddem mudell fejn il-ħanut donnu aktar moħħu jbigħ ħwejjeġ oħra li jattiraw klijenti li mhux bilfors interessati fil-ktieb. U x’aktarx ma jixtruhx. Il-ħaddiema, anki minħabba l-kundizzjonijiet iddettati minn dan il-mudell partikolari, qajla jafuh il-ktieb, bla ebda ħtija tagħhom. Il-ktieb bħala kommodità oħra, u li kull ma teħtieġ intermedjarju bażiku li jipproċessa t-transazzjoni.

Id-dinja tal-kotba nbidlet, m’għandniex xi ngħidu, anki bil-possibiltajiet online, u speċjalment dan l-aħħar. Ma tantx għadni nfittxu fil-ħwienet il-ktieb. Anki għax nbidlet l-esperjenza, speċjalment għall-qarrejja regolari, ta’ kif jakkwistaw ktieb u saħansitra ta’ kif isiru jafu bih. ‘Sapienza’, kif bqajt insejjaħlu, u li issa xorta jbigħ il-kotba taħt sid u isem ieħor, għadu l-istess toqba dejqa, imma fiż-żmien kien jinħass ikbar, minkejja t-tisrip qalb in-nies kokka jqallbu fl-ixkafef jew xi parruċċan bilqiegħda jaqra ħafna u ma jixtri qatt. Kont tħossok dħalt tassew f’dar il-kotba, taqsam eċitat ma’ wieħed mill-aħwa sidien il-meravilja ta’ ktieb li ma tlaqtux minn idejk, u taħbat, tista’ tgħid dejjem, f’qarrejja ħbieb. 

Rifugju. Mhux tal-midinbin, imma daż-żmien, bħala qarrej tħossok qed tpatti għal xi għemil malli tidħol f’dawn il-ħwienet. Il-qarrejja jafuhom il-ħwienet tal-kotba, kif għandhom jinħassu, kif għandek tħossok ġo fihom. Jafu li m’għandekx tħoss sens ta’ għaġla qisek qed tagħmel xirja oħra biex taqtagħha mil-lista. Jiddejqu tikka żgur li qabel ma jħallsu, se jipproponulhom biċċtejn ċikkulata nofs prezz. U l-agħar, Computer says No: il-ktieb li tlabt għalih ma jkollhomx, u mhux għax jafu li m’għandhomx, u allura lesti jordnawhulek, bħal dak li qallu li ma stajtx ordnajtu int minnufih.  

Biex ġej? Għax inħoss li ironikament il-ħanut tal-ajruport immexxi mill-istess kumpanija huwa l-aħħar fdal ta’ xorta ta’ esperjenza ta’ żjara lill-kotba. Minkejja l-ħamba kollha tan-nies ġejja u sejra u t-tħabbiriet tat-titjiriet, diż-żona ddurha mingħajr stennija u pretensjoni, sempliċement għax imneżża’ mill-awra tal-ħanut klassiku. Tassumi mill-ewwel li ta’ wara l-bank xogħolhom mhux li jtuk parir dwar xi jmissek taqra, u allura tispiċċa int mal-ixkafef, daqslikieku inzertajt quddiem vetrina ħelu ssejjaħlek tagħżel minnha. Sempliċement roqgħa kkonfinata kemm hemm bżonn, imma rifuġju, mill-ġdid, did-darba mit-tlellix tad-duty-free, tad-ditti u tad-dmir tax-xiri għax-xiri.

Il-ħlewwa tal-ktieb ta’ Alex Mizzi, li bdejt ingawdiha jien u nistenna l-ajruplan, baqgħet miegħi tul it-titjira, fejn ħassejtni ġarrejt miegħi xi ħaġa tassew Maltija, mhux ikkonfezzjonata bħall-prodotti tradizzjonali li kontinwament jiġu vvintati biex it-turisti jieħdu lura d-dar togħma ‘awtentika’ u ‘ġenwina’ ta’ pajjiżna. Sbieħ il-Ħadd m’għandux it-togħma sfurzata ta’ likuri morri maħluqa minn xejn storiku, jew inkella l-ħwawar żejda u aljeni li ma jiqfux ifaqqsu fuq il-ġbejna fqajra tagħna. Letteratura li tammetti n-nuqqas ta’ pretensjoni, saħansitra qabel ma tibda, fejn id-daħla tal-awtur tispjega li minkejja l-proġett tiegħu hu biex jidħol f’ruħ in-nies u jikkataloga dinja li qed jaraha tinbidel malajr (u forsi wisq), dawn jafu wkoll ikun stejjer “għal min ma jridx jaħseb wisq”. Lil hinn minn umiltà falza min-naħa tal-awtur, donnu hemm l-għarfien li għad hemm post għal kitba li saħħitha tistrieħ fuq il-ħlewwa u s-sempliċità, u li tista’ tħalli effett fuq il-qarrej mingħajr ix-xinxilli żejda tat-teknika jew inkella l-isfruttament imtaqqal ta’ tematiċi kbar f’ġieħ il-passa tal-ħsieb għaddejja dak il-ħin. Ħila fiha nnifisha, l-għażla li tikteb dwar li taf b’onestà u li ttella’ l-poetiċità anki mill-aktar realtajiet prożajċi u inkonsegwenzjali tal-ħajja ta’ kuljum.

Xogħol in-novella, wara kollox, li sikwit tagħfas fuq realtajiet dojoq b’nies komunissimi u spiss ġrajjiet inkonsegwenzjali. Il-kitba ħelwa u mexxejja, daż-żewġ aġġettivi li spiss inroxxuhom kif ġie ġie għal meta ma nkunux nafu ngħidu mod ieħor, spiss nassoċjawha ma’ kitba timida, newtrali jew moralistika li tibqa’ fil-wiċċ tal-affarijiet u li tant tippersisti f’diversi espressjonijiet kulturali tagħna. Iżda ’storja ħelwa’, dik id-definizzjoni li donna nagħtu donnu lil storja tajba li tgħaddilek siegħa żmien u mhux wisq aktar, jaf għandha dimensjonijiet oħra: apparti l-morr li bilfors jimxi labranzetta magħha u lill-istorja ħelwa jagħmilha serja, hemm ukoll dimensjoni ta’ naturalezza tal-espressjoni, anki minkejja l-ingombru tad-dmir li jassumi l-awtur letterarju. 

Mizzi jirnexxielu jittraduċi livell karatterjali mingħajr ma jgħabbih b’motivazzjonijiet barranin li mhumiex naturali għalih. Fil-persunaġġi tiegħu, tisma’ espressjonijiet u modi ta’ ħsieb u fehim li huma tant mifruxa ma’ kull kategorija ta’ nies u li huma essenzjalment markaturi tal-karattru Malti kif iddeterminat miċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu.  Il-karattru jesprimu ruħu b’mod li mhux sfurzat jew aċċentwat f’ġieħ effett tar-realtà, jew inkella li jitteħdulu mill-vokabolarju potenzjali kliemu u ħsibijietu għax apparentement iffossilizzati wisq mit-taħdit ta’ kuljum. Il-materjal li jrid jistħarreġ l-awtur qiegħed kollu kemm hu hemm quddiema, ngħixuh ta’ kuljum. Ma jeħtieġx wisq irqim żejjed u barrani, u fil-fehim ta’ x’inhu tassew tipiku, u mingħajr ġudizzju dwaru, toħroġ il-possibbiltà għal forma ta’ risonanza tassew ġenwina għall-qarrej. 

Jien u naqra, mhux biss dan il-ktieb speċifiku, ma jiqfux ifaqqsu f’moħħi l-mistoqsijiet dwar il-qagħda tal-editorja Maltija. Għaliex, anki f’din id-dawra qasira fost il-kotba tal-ajruport, tista’ tiltaqa’ ma’ titli li qajla tkun smajt bihom. Minkejja l-gost tal-iskoperta, mhijiex il-famuża serendipity tal-laqgħa aċċidentali ma’ xi ħaġa kbira li tkun donnha ddestinata u ilha tistennik. X’aktarx, hija r-realizzazzjoni ta’ kemm jinkitbu testi f’Malta li ftit insiru nafu dwarhom, u li jiżvintaw tikka tikka tul fis-snin fir-ringieli alfabetiċi skont kif ifettilu jmexxi x-xogħol id-distributur. Testi li ftit li xejn ikollhom pubbliċità; awturi li qajla tara reċensjoni, tajba jew ħażina, dwarhom; il-mistoqsija tberren dwar kif fl-aħħar jirnexxielu jaqla’ x’jiekol tassew il-pubblikatur u l-ħaddiem tal-kotba. 

Is-sensazzjoni wkoll li, anki jekk proċess naturali, hemm kotba li forsi nonfħuhom aktar milli ħaqqhom, speċjalment jekk ismijiet b’saħħithom jew b’potenzjal ta’ promozzjoni lil hinn minn dak tas-soltu. Minkejja li għal darb’ oħra, is-suq dejjem se jsuq, nissuspetta li hemm firxa vasta ta’ kitba Maltija tajba għal kulħadd, u li kapaċi anki ssaħħar qarrejja oħra, qarrejja differenti, li mhux bilfors qed ifittxu l-aħħar opra kbira, u lanqas ma jridu jitqannew bir-rumanzetti ta’ aqra u armi.

In-novelli ta’ Sbieħ il-Ħadd jidħlu fil-laħam il-ħaj tal-kwotidjanità b’tali mod li jqanqlu rivalutazzjoni ġdida tal-mumenti regolari tal-ħajja li tant huma komuni li bla ma rridu nirriduċuhom għall-banalità awtomatika, ħwejjeġ li għandhom u li kellhom jiġru. Żjara l-isptar, tifkiriet ta’ ħbiberija antika, il-ħajja tal-familja: ġrajjiet tipiċi għall-aħħar, tant li ningħarfu fihom minnufih u li l-awtur jirnexxielu jirrakkonta b’mod li jqanqal riflessjoni, saħansitra anki gravi, mingħajr ma jtellef mill-inevitabbiltà tan-natura tagħhom. Stejjer li jfakkruni fl-osservazzjoni tar-realtà li xxaqleb x’imkien bejn in-neo-realiżmu u l-commedia all’ italiana ħafifa li telgħu bihom anki ġenerazzjonijiet ta’ Maltin. Kull qagħda tal-ħajja tistħoqqilha riflessjoni u kull sitwazzjoni mgħobbija b’potenzjal għar-rakkont. Is-sempliċità u l-ħlewwa, anki fis-sens tal-osservazzjoni bla wisq ġudizzju ta’ għemilna ta’ kuljum, jistgħu jidhru bla snien, imma fl-idejn it-tajba kapaċi jsiru għodod jaqtgħu.

More in Arti