L-Isbaħ Fjura – Charlene Rae b'kanzunetta b’messaġġ personali f'Jum il-Missier

Il-kanzunetta għandha kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares

Imwielda fil-belt ta’ New York ġewwa iżda residenti ġewwa r-raħal pittoresk ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-kantanta Charlene Rae għandha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, kif ukoll lejn il-ġeneru ta’ mużika rock, tant hu hekk li tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tamalgamhom flimkien. Dan kien il-punt tat-tluq għall-kanzunetta L-Isbaħ Fjura.

Fuq kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares, L-Isbaħ Fjura hija kanzunetta oriġinali bil-Malti li Charlene Rae, permezz tal-paġni uffiċjali fuq Facebook u Instagram iddiskreviet bħala “personali, dedikazzjoni għal missieri, bniedem lli għalkemm ħalla ħafna swied il-qalb, tani ħafna kuraġġ tul ħajti."

L-għażla tad-data tar-rilaxx tal-kanzunetta, il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju ma kienx wieħed b’kumbinazzjoni iżda waħda bi ħsieb, għaliex hija l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Jum il-Missier. Għaldaqstant, Charlene Rae flimkien mat-tim tagħha ħasbu li l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta jista’ joffri wens lil dawk li tilfu lill-għażiż missierhom. 

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura, hija akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika, maħdum minn Angie u Duane Laus ta’ Lava Graphics, fejn l-iskop hu li wieħed jifhem aktar r-relazzjoni bejn missier u bint, permezz tal-lirika mirquma bl-aktar mod sentimentali.

Mil-lum 18 ta’ Ġunju, L-Isbaħ Fjura hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes  grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

More in Arti