Letteratura | F’ġieħ il-kapriċċi tal-patrija; Il-ħrejjef fl-istejjer, l-istejjer fil-ħrejjef

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jaqsam ħsibijietu rigward il-ġabra ta’ stejjer qosra Għall-Glorja tal-Patrija (Kapriċċi Patrijottiċi) ta’ Alekx Farrugia. Qabelxejn moħħu jmur lura lejn is-snin studenteski u mbagħad professjonali meta bejnu u l-kittieb nibtet kumpannija formattiva, fil-biċċa l-kbira msejsa fuq l-attiviżmu u l-ġurnaliżmu politiku fi ħdan l-għaqda Pulse, il-Malta Labour Party u l-ġurnali tal-General Workers Union. Imbagħad, mir-riflessjonijiet tiegħu dwar Farrugia bħala ħassieb politiku jgħaddi għal analiżi dwar Farrugia bħala kittieb politiku. F’dawn iż-żewġ kapaċitajiet ta’ Farrugia – dejjem mixħuta fuq il-kapriċċi tal-patrija – Saliba jagħraf il-ħrejjef fl-istejjer, l-istejjer fil-ħrejjef...

Alekxs Farrugia
Alekxs Farrugia

Jidħlu nies f’ħajjitna li jdumu magħna ftit tax-xhur u mbagħad jogħsfru kważi bħalkieku qatt ma kien xejn. Ġieli għax il-ħajja tgħaddihom minn toroq oħra, ġieli għax jixbgħu minna jew aħna nixbgħu minnhom. Oħrajn, bil-kontra – u dawn ħafna drabi jkunu biss ftit – jibqgħu magħna bħal donnu b’xi rieda mistura tad-destin. Imbagħad oħrajn jidħlu u joħorġu minn ħajjitna minn żmien għal żmien: kull darba li jidħlu jħallu marka fonda, iħallu ċertu vojt kull darba li joħorġu. Terġa’, kull darba li jfeġġu mill-ġdid jagħtuk jew jgħallmuk xi ħaġa ġdida filwaqt illi – oħroġ il-għaġeb – juruk folja oħra ġdida mill-ktieb illi jsawwar il-personalità tagħhom. Jagħtuk ukoll storja oħra li tkun xi daqsxejn ħrafa kif ukoll ħrafa li tkun xi daqsxejn storja, iżjed u iżjed kemm-il darba bħalek ikunu huma wkoll ħassieba u kittieba tal-patrija.

Dawn kienu bosta mill-ħsibijiet li għaddew minn moħħi jien u naqra Għall-Glorja tal-Patrija (Kapriċċi Patrijottiċi) ta’ Alekxs Farrugia. Lil dan il-ħassieb u kittieb iltqajt miegħu l-ewwel darba – f’naqra ta’ kamra maħnuqa bid-dħaħen tal-pipi fl-Università ta’ Malta – daqs tnejn u għoxrin sena ilu. Kien inkontru purament politiku. Dak iż-żmien konna membri attivi fl-eżekuttiv tal-għaqda politko-studenteska Pulse – ċellula Laburista f’Tal-Qroqq bil-mandat mhux uffiċjali li tmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-Malta Labour Party fost popolazzjoni studenteska fil-biċċa l-kbira nett Nazzjonalista. Lil Farrugia nafu l-ewwel u qabel kollox bħala ħassieb politiku b’għarfien vast u sofistikat ħafna tal-filosofija u tal-letteratura Marksista. Għaldaqstant kien l-ideologu ewlieni – mhux fis-sens dispreġjattiv tal-kelma – ta’ din is-soċjetà xellugija. Sirt ħabib m’Alekx minnufih, l-iżjed għax minkejja li kont għadni m’abbandunajtx għalkollox ix-xellug tat-tielet triq xorta waħda fl-istess waqt bdejt inrabbi interess qawwi fil-Marksiżmu pjuttost ortodoss illi kien iħaddan. “Inutli nibqgħu nraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar kif iriduna nibqgħu nagħmlu Blair u Giddens. Il-kapitaliżmu ma jistax jissewwa. Neħtieġu pannu ġdid”, kien qalli darba. Sal-lum nistaqsi kif Farrugia ma kienx għażel illi jissieħeb mal-Moviment Graffitti. Wara dawk il-kelmiet rebaħni u bdejt niħmar bis-sigħat. Snin wara – meta mbagħad tul ċertu żmien kont sirt Marksist ortodoss aktarx saħansitra iżjed akkanit minnu – xi wħud kienu esprimew l-istess kurżità dwari. 

Mexxejna wkoll flimkien programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq Radju Kottoner. Darba minnhom, flimkien ma’ Bernard Cauchi, dħakna waħda mill-ikbar daħkiet ta’ ħajjitna. Wara l-gradwazzjoni ma rajtux iżjed, sakemm imbagħad, ftit xhur wara, erġajna ltqajna bla ħsieb fl-uffiċċji tal-Union Press fejn ftit tax-xhur qabel kont bdejt naħdem ta’ ġurnalist mal-gazzetta l-orizzont. Niftakar li kont ilqajt b’ċertu gost l-aħbar li Farrugia kien ingħata kariga editorjali pjuttost influwenti fil-ġurnal it-Torċa. Ir-rapport tagħna kien reġa’ qabad, iżjed u iżjed għax it-tnejn li aħna konna wkoll delegati tal-Malta Labour Party li dika l-ħabta kien beda jirranka qatigħ il-kampanja tiegħu favur il-ftehim tal-Partnership mal-Unjoni Ewropea. Kemm fi żmien il-Pulse bħala kumpanni Soċjalisti u kemm bħala kollegi fi żmien l-Union Press ftit li xejn qtajna sandar: ibda biex il-proposti tagħna biex ntejbu l-livell u l-immaġni tal-ġurnali kważi dejjem waqgħu fuq widnejn torox. Agħar minn hekk – għall-inqas fil-kuntest partikulari ta’ dina n-narrattiva – il-Malta Labour Party tilef l-elezzjoni tal-2003 u għaldaqstant ma seħħlux jerġa’ jerbaħ il-gvern li kien tilef ħames snin qabel wara l-konfront Sant-Mintoff. 

Ftit wara ħallejt il-Blata u mort ngħix il-Lussemburgu. Farrugia kien għeb għalkollox, bħal intradam għalkollox fit-tifkiriet formattivi tal-imgħoddi – memorji li dejjem kienu jagħtuni l-immaġni tiegħu bħala filosofu u akkademiku politiku. Għaldaqstant qatt u qatt ma ħsibt fih ukoll bħala kittieb u kważi nħsadt – daqs erba’ snin ilu waqt reċiviment li attendejna t-tnejn matul il-Presidenza ta’ Malta tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea – xħin qalli li ftit xhur qabel kien ippubblika r-rumanz bl-Ingliż Grasshopper. Nistqarr illi r-rumanz għadni ma qrajtux għad illi l-kurżità rigward din il-folja ġdida ta’ Farrugia xorta waħda baqgħet miegħi. Kien għalhekk ukoll illi mbagħad ma tliftx l-okkażjoni li naqra l-aħħar ktieb tiegħu Għall-Glorja tal-Patrija. Barra minn hekk, kemm domna niffrekwentaw lil xulxin konna nidtħaddtu ħafna dwar il-patrija tagħna. Konna nistaqsu ħafna mistoqsijiet: x’voldieri tkun Malti? Min huma l-Maltin? In-Nazzjonalisti tal-pepè li jitkellmu bl-Ingliż Maltin ukoll? Dawk li bħal Daphne Caruana Galizia jobogħdu l-ilsien Malti jistgħu jingħaddu b’Maltin? Dawk li jridu li l-patrija taqsam is-sovranità tagħha ma’ Stati Ewropej ferm u ferm ikbar kienu qegħdin jittradixxu lill-patrija? Aħna x’aħna: Laburisti, Nazzjonalisti jew internazzjonalisti? Hemm xi rabta bejn il-klassi tal-ħaddiema u l-patrija? Dil-patrija tagħna jixirqilha titqim b’xi glorja? X’sar minnhom il-proġetti nazzjonali ta’ Manwel Dimech u Mikiel Anton Vassalli? Għad fadal lok nitħaddtu dwar il-ħolma Maltija? L-immigranti li jaslu fostna minn kontinenti mbiegħda u jintegraw magħna jistgħu tassew jissejħu Maltin? Jien u naqra dawn l-għoxrin storja li jsawru din il-ġabra tant singulari ma stajtx ma naħsibx illi – minkejja l-mogħdija tas-snin – uħud minn dawn il-mistoqsijiet tagħna bħal donnhom baqgħu jidwu f’moħħ Farrugia. U ma’ dawn issa qiegħed iżid – daqqa b’mod fittizju u daqqa le – bosta mistoqsijiet oħra: min kienet il-Mara l-Ħoxna? Min kien sewwasew l-ewwel Malti? Xi dnub wettaq Pietru Caxaro qabel kiteb Il-Kantilena? L-Assedju l-Kbir tassew intrebaħ kif kienu qalulna l-iskola? X’bixkla mar daħal fiha Dun Mikiel Xerri bla ’qas biss ittenda? X’kien qiegħed jaħseb Eddie Fenech Adami – politiku li dejjem kien jisfa’ fil-mira tal-istqarrijiet għall-istampa li konna nħarbxu f’dika l-kamra bejn pipata u oħra tant snin ilu – wara li rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1987? Qatt smajtu bil-kolonja tal-ħmir? U xi ngħidu għal dawk l-isnobs Maltin illi ħarbu lejn Brussell? 

Is-sena li għaddiet ħarġu bosta bosta xogħlijiet ta’ proża notevoli, fosthom Mill-Bieb ’il Ġewwa ta’ Loranne Vella u L-Aqwa Żmien ta’ Immanuel Mifsud. Promettenti wkoll kienu Bejn Bejnejn ta’ Walid Nabhan u Ħal Maqtugħ u Kitbiet Oħra ta’ John Spiteri Gingell. Fl-istorja reċenti l-kategorija tal-istejjer qosra tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb żgur qatt ma kienet daqstant missielta. Madankollu fost dawn kollha – għad illi b’marġini kemxejn ċkejkna – kienet il-ġabra Għall-Glorja tal-Patrija ta’ Farrugia li rebħet il-premju. Mhux lakemm tiġbor il-bosta elementi li jbejnu lil din il-ġabra minn bosta xogħlijiet ta’ proża oħrajn. Biss, ta’ min għall-inqas nisħaq fuq dan l-aspett partikulari: għad illi l-mistoqsijiet li jagħmel Farrugia l-filosofu politiku jsawru għoxrin kapriċċ patrijott distint minn perjodi storiċi differenti xi ħaġa tgħidli li fl-istess waqt dawn ilkoll bħal jirreferu għal xulxin u jissuġġerixxu l-istess teżi. Kif jgħidilna kumment illi jidher fuq il-qoxra ta’ wara tal-ġabra, “fin-nisġa tal-Istorja dejjem hemm nitfa ħrafa u fit-tifsila ta’ kull ħrafa biċċa Storja”. Għaldaqshekk hemm xi ħaġa oħra tgħidli wkoll illi minkejja li ormaj bħali xjaħ xi daqsxejn Farrugia l-kittieb xorta żgur ma tilifx l-interess fil-Filosofija tal-Istorja – dixxiplina li min jaf kemm ħlejna rieq fuqha f’Tal-Qroqq, dak iż-żmien però fl-isfond tal-Idealiżmu ta’ Hegel u l-Materjaliżmu ta’ Marx u Engles. Għax tgħid, malli għalaqt naqra dawn in-narrattivi għal mument wieħed ħsibt li forsi anke dawk l-istejjer –jew aħjar dawk l-istoriċiżmi – kienu wkoll daqsinsew ħrejjef...

More in Arti