Letteratura | Iġsma iħirsa f’Art il-Weqfin; Frekwenzi ta’ spettri fis-satra

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftakar fil-ġabra ta’ poeżiji Frekwenzi ta’ Spirti fis-Sakra ppubblikata fis-snin disgħin minn erba’ poeti, l-iżjed fi tliet versi partikulari ħafna ta’ Karl Schembri. Ħsiebu mbagħad imur iżjed lura mbagħad fil-ġabra Erba’ Drammi tal-eks għalliem u kollega tiegħu Oreste Calleja, mill-ġdid fit-titlu tad-dramm Iġsma Iħirsa. Saliba jiftaħ kummentarju kontemporanju rigward il-frekwenzi spettrali li saru jrieġu r-rapporti soċjali f’din in-normalità l-ġdida – dinja li tfakkru wkoll fl-istorja F’Art il-Weqfin t’Alex Vella Gera u fi bloggata antika ta’ Immanuel Mifsud li ġġib l-istess titlu tad-dramm ta’ Calleja. Ma tonqosx in-nostalġija. Jispikka l-biki...

Żewġ - Alex Vella Gera
Żewġ - Alex Vella Gera

Fis-snin disgħin erba’ poeti żgħażagħ – Karl Schembri, Kenneth Busuttil, Bernard Cauchi u Karen Vella – ippubblikaw flimkien ġabra ta’ poeżiji bl-isem ferm memorabbli Frekwenzi ta’ Spirti fis-Sakra (1997). Malli ħarġet fiċ-ċrieki letterarji kienet għamlet daqsxejn ta’ ħoss, minkejja li – almenu għal darba – ma kellha ebda barka uffiċjali miktuba mill-Professur Oliver Friggieri. Mhux għax ma kienx fiha poeżiji tajbin, iżda xi ħaġa tgħidli li l-ktieb kien mexa wkoll bis-saħħa tat-titlu. Dika l-ħabta kont student tat-tieni (u allura l-aħħar) sena fil-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela u ġaladarba – flimkien ma’ Norbert Bugeja u Owen Bonnici – kont nieħu ħsieb klabb tal-letteratura għall-poeti żgħażagħ, dan il-ktieb ma damx wisq ma ġie f’idejja. Minnu ma niftakarx wisq versi bl-amment għax ftit li xejn kelli ħin niflieh: ftit tal-ġimgħat wara kelli noqgħod għall-eżami tal-livell avvanzat tal-Malti u għaldaqstant – ladarba konna wasalna lejn tmiem is-sena skolastika – ippruvajt nagħmel tajjeb għaż-żmien mitluf fil-librerija tal-kulleġġ u fil-bars tal-madwar billi fl-aħħar bdejt nikkalkula biss attivitajiet u materjal relevanti għas-sillabu. Iżda baqgħu miegħi, xi mkien f’qiegħ moħħi – sal-ġurnata tal-lum – dat-tliet versi tremendi ma jintesew b’xejn ta’ Schembri: “bejn bikja u oħra / niftakar fik / u nibki iżjed”. Ma niskantax jekk dawk illi bħali ġieli qrawhom dal-aħħar reġgħu ftakru fihom: għandu mnejn ifakkrukom fl-irġiel jew fin-nisa li telqukom. Fil-qraba u l-ħbieb illi sfaw nieqsa. Fix-xogħol u l-flejjes illi tliftu. Jonkella, aħjar, fid-dinja tal-bieraħ illi ħallietna warajha nissieltu f’dik illi issa għandna llum. Iżda jaqbel illi niġi għal dad-diskors iżjed tard. Jgħidu x’jgħidu d-dilettanti romantiċi tal-letteratura, ħadd ma jibda jikteb waqt li jikbi...

Ktieb ieħor b’titlu sod illi baqa’ miegħi tul is-snin kien id-dramm Iġsma Iħirsa ta’ Oreste Calleja. Ma nafx għaliex dan it-titlu kien laqatni daqstant. Dan id-dramm iltqajt miegħu kmieni fis-snin disgħin fl-iskola sekondarja waqt il-lezzjonijiet tal-Malti. Kien parti mill-ġabra Erba’ Drammi(1972) għad illi strettament Iġsma Iħirsa ma kienx parti mis-sillabu tal-matrikola. Xorta waħda: id-drammi Anestesija u Ċens Perpetwu ta’ Calleja kienu parti mill-eżami finali tal-Malti tat-tielet (jew ir-raba’?) sena. Ħaġa stramba kif dawn id-drammi ma kinux jiġu mgħallma minn Calleja nnifsu li, dak iż-żmien, kien membru sħiħ tal-persunal akkademiku tal-liċeo fejn kont nattendi. Minflok, lil Calleja marru fdawlu l-missjoni tant impossibbli li jgħallimni npenġi. L-ambizzjoni li jseħħli noħloq xi ħaġa bil-kreyons u l-pniezel kienet mietet sobtu fuq ommha ferm qabel. Meta kelli xi tmien snin kont immur nipprova nitgħallem għand tifla tampari – figlia d’arte, illum artista stabbilita. F’dil-biċċa għandu mnejn f’moħħi kien hemm sempliċement ix-xewqa li naqta’ daqsxejn mill-ambjent tad-dar. Għandu mnejn ukoll l-istint subkonxju li nqatta’ ftit tal-ħin fil-kumpannija ta’ tifla. Hekk jew hekk, din l-għalliema inzertat kienet l-ewwel tifla li qatt bist fuq wiċċha, proprju fil-kindergarden. Miegħi nnifsi, fi ċkuniti, kont insibha bħala Sara, għax kienet “tpenġi kulma tara”. Safrattant dwari żgur kellha fehma differenti: “Uff, mela xejn ma taf tpenġi int!?” Inksirt u ma mortx iżjed. Mur għidlu allura mbagħad lil Calleja li tgħidx kemm kont nistkerraha dika l-lezzjoni żejda – terġa’, sewwasew l-aħħar waħda ta’ nhar il-Ġimgħa u allura tal-ġimgħa kollha – f’daka l-blokk bini kiesaħ silġ u ikrah dawgħa. Lil Calleja bqajt qatt m’għedtlu b’dad-dwejjaq tiegħi. Lanqas daqs għoxrin sena wara – meta erġajt iltqajt miegħu bla ħsieb ta’ xejn – did-darba bħala traduttur kollega fl-Unità Maltija tat-Traduzzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. M’għedtlux lanqas illi kważi xejn mill-ġabra Erba’ Drammi ma kien baqa’ wisq ċar f’moħħi għajr it-titlu ta’ dramm minnhom illi ’qas biss kien fis-sillabu: Iġsma Iħirsa.

Id-dramm Iġsma Iħirsa jirrakkonta l-istorja ta’ xi ħadd li jibda jfittex l-ispettaklu teatrali ideali. Nisimgħu dwar normi insensati imposti fuq l-arti. Naqraw dwar kuluri u karattri sterilizzati, stil Commedia dell’Arte li dal-aħħar donnu reġa’ sar xi daqsxejn moda. U dan mhux biss bis-saħħa tad-drammi reċenti ta’ Mario Philip Azzopardi. Anzi iżjed għax f’dad-dramm ta’ Calleja – bħalma ġieli jiġri fit-teatrinital-Commedia dell’Arte – il-komiku ma jdumx ma jinbidel fit-traġiku – wara d-daħk jiġi l-biki, l-iġsma jsiru iħirsa. Sewsew bħalma qiegħed jiġri bħalissa: f’dil-ħajja bażika li l-filosofu Taljan Giorgio Agamben bir-raġun kollu jsejħilha “la nuda vita” – il-ħajja b’ta’ fuqha senduqha – m’hawnx ġisem illi ma sfax ħares daż-żmien. Ħares għax qabelxejn issa ħlief inħarsu mill-bogħod m’aħniex, u t-tieni għax issa – mill-ġdid u iżjed minn qatt qabel – kważi kull ġisem sar biss aċċessibbli permezz tal-frekwenzi tal-ispirtili jidhru fuq l-iskrijns tagħna kull meta jeħtiġilna niltaqgħu. Waħda mill-memes komiċi ferm f’waqthom illi dal-aħħar spiss rajtha tagħmel ir-ronda fuq Facebook ixxebbah il-laqgħat tal-ispiritisti – voldieri dawk illi jittantaw jinbxu lill-mejtin – mal-laqgħat illi sikwit sar ikollna bejnietna aħna l-ħajjin. B’dan il-messaġġ nejjieka din trid bħal tissuġġerixxi li l-laqgħat virtwali tagħna fuq l-internet huma l-verżjoni moderna ta’ dawn is-seduti: “Elisabeth are you here? – Make a sound if you can hear us – Is anyone else with you? – We can’t see you. Can you hear us?” Se ci sei batti un colpo...

In-narratur ta’ dika l-imbierka storjella Li Tkisser Sewwi t’Alex Vella Gera ilmenta – proprju ftit snin ilu meta ħsibna li kellna l-problemi – illi “f’dal-pajjiż tal-ħara ma ssibx għoxx imġiddem.” Allaħaresdat-tizju fittizju kellu jkun tad-demm u l-laħam: min jaf x’kien jaħseb illum? Ftit tal-jiem ilu kont appik ser nistieden mara – illi inzerta għadna daqsxejn minn Sara – biex forsi mqar immorru nieħdu kafè xi mkien. Kien biħsiebni nsegwi bir-reqqa kollha l-linji gwida politikament korretti tal-moviment metoo billi fi kliemi ma nkunx goff u żgarbat bħall-karattru kamikaże li kien ħoloq Vella Gera. Iżda dlonk reġa’ darli. Lanqas ħaqq. Fejn taqbad tmur? Kullimkien magħluq: saħansitra fomm in-nies. Filgħaxijiet ’qas biss tara sulamank ruħ fit-triq. Anke l-irħula u l-ibliet saru iħirsa. F’dal-baħħ illi ftit tal-jiem ilu reġa’ invada u invaża kullimkien f’salt – f’din l-art fejn reġa’ waqaf kollox keda – it-titlu tad-dramm ta’ Calleja reġa’ tela’ jtektek fil-qurriegħa ta’ rasi bosta drabi. Mhux għax bħalissa mhu jiġri xejn. Mhux li b’xi mod jew ieħor m’għadniex nikkomunikaw. Lanqas għax m’għandna xejn dwar xiex nitħaddtu. Ibda biex il-Koħħu dal-aħħar infexx jikxef kollox u l-aħwa tal-Maksar ittellgħu l-Qorti. Dal-ħin stess għadha kif faqqgħet ukoll kontroversja nobis dwar id-disinn rebbieħ tal-mafkar nazzjonali ta’ Oliver Friggieri. Ġa daħal it-tieni messaġġ virtwali dalgħodu: “rajtx! kont ngħidlek jien li tinten dil-biċċa ta’ Daphne!”; “hemm xi kruha ta’ monument għamiltulu lil Friggieri miskin!” Żvolġew iżjed żviluppi fl-arkitettura: fl-inħawi tax-Xagħra t’Għawdex qegħdin iħejjulna ġgant godli ġdid. Xi ultras tal-Ispartans – bħalma kienu għamlu sena ilu dawk tal-Furjana kif ukoll tal-Liverpool – ħarġu mill-ħażż daqsxejn iżżejjed billi ħarġu jiċċelebraw ir-rebħ ormaj ċert tal-ewwel kampjonat wara xi tletin sena. Intant inġemgħu erba’ anzjani jilagħbu t-tombla u għamilna spettaklu bihom. Instabu varjanti ortografiċi ġodda fl-istrutturi RNA tal-viru mentri tniedew l-ewwel gwerer bierda rigward il-programmi ta’ distribuzzjoni internazzjonali tal-vaċċini. Imbagħad it-Top of the Pops: l-arkitetti lokali u internazzjonali tal-bijopolitka – bħal donnhom irrikattatti mill-istabbiliment xjentista – ħabbrulna kalzri inviżibbli ieħor illi mistenni jsalva ħafna ħajjiet billi jisfratta ferm iżjed ħajjiet. Intant, żdied il-qgħad. Żdied minn kollox: l-ansjetà, id-dipressjoni, is-solitudni, il-qtigħ il-qalb, id-disprament. Issokta jisplodi bis-sod il-konsum bil-goff tal-alkoħol u ta’ bosta sustanzi narkotiċi. Żdiedu wkoll il-vjolenzi domestiċi – mhux biss fuq in-nisa. Ħżienu qatigħ ir-rapporti bejn in-nies. Sintendi, żdiedu wkoll is-suwiċidji. Iżda qisu xejn minn dan ma donnu baqa’ jappartieni wisq lid-dinja esterna ta’ dari jew, almenu, lil dak illi kien għad fadlilna minnha.

Il-bloggata Iġsma Iħirsa t'Immanuel Mifsud
Il-bloggata Iġsma Iħirsa t'Immanuel Mifsud

Safrattant waqgħet ukoll sikta li għandha daqsxejn mill-omertà kemxejn stil Cosa Nostra tal-aħwa Degiorgio. Bħal bosta ħwejjeġ oħra d-diskors wiċċ imb wiċċ inqata’: qajla sirt tisimgħu fil-konferenzi, fit-tnedijiet tal-kotba, fis-sessjonijiet tal-Palk Ħieles, fl-inħawi stramani tal-kampus, fil-pjazez, fit-teatri, fil-kafes, fiż-żoni tat-tipjip u fil-latrini tal-barijiet. Terġa’ u tgħid lanqas fis-swali fejn isir t-tagħlim. Id-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija, u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta din il-ġimgħa organizza żewġ taħditiet miftuħa Zoom mal-Professura tat-traduttoloġija Susan Bassnett. Is-sena li għaddiet din it-traduttologa kellha tkun waħda mill-mistiedna speċjali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus li jtella’ kull sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Qist li għall-inqas nattendi mqar waħda: żgur ma kinitx ħaġa li nfalli ġaladarba Bassnett kienet, għadha, tibqa’, waħda mill-iżjed akkademiċi influwenti fil-ħsieb, fid-diskors u fil-prattika tiegħi ta’ traduttur, l-iżjed bix-xogħol seminali tagħha The Translator as Writer (Il-Traduttur bħala Awtur, 2006). Maż-żmien din ix-xorta ta’ gratitudni mhux mistqarra faċli ssir bħal balla fuq l-istonku – fis-sens pożittiv tal-idjoma, sintendi. Sena ilu xtaqt ħafna ngħidilha grazzi għall-ħidma tagħha: mingħajrha aktarx ma kontx nippersisti fl-istudji u fil-prattika tat-traduzzjoni. B’xorti ħażina l-festival kien tħassar minħabba l-allarmi inkwetanti tal-ewwel mewġa tal-imxija Corona. Dil-ġimgħa għaldaqstant ħtaft dil-okkażjoni sabiex almenu nagħmel dan. Madankollu f’dal-apprezzament tiegħi – imwassal tramite l-frekwenzi tal-mezzi soċjali ta’ din-normalità l-ġdida – kien hemm dika x-xi ħaġa nieqsa. Qatt daqs dal-aħħar jiem, difatti, m’għaraft in-nuqqasijiet ontoloġiċi serji ta’ dil-metamorfożi komunikattiva li aktarx ser tibqa’ magħna matul il-bqija ta’ din is-sena.

Kemm-il darba Marshall McLuhan kellu tassew raġun meta qalilna li “l-mezz huwa l-messaġġ” tabilħaqq għandna għalxiex inħokku rasna. Kollox sar bħal dress-rehearsal ta’ dramm illi m’hemmx li jibda. Xejn m’għadu jinħass minnu sabarra. Dad-distakk bejn l-ispirtu u l-ġisem ħassejtu iżjed u iżjed daqs ġimgħa ilu jien u nifli l-proġett ferm siewi ta’ diġitalizzazzjoni tal-portal tar-riċerka tad-Dipartiment tal-Malti malti.mt. Fuq l-istazzjon soudcloud ta’ dal-portal mitqlu deheb smajt diversi intervisti minn kittieba u skulari Maltin illi ħallewna tant snin ilu: Mary Meilak, Ġużè Aquilina, Erin Serracino Inglott, Ninu Cremona, Ġużè Diacono, Ġorġ Zammit, Ġorġ Pisani, Pietru Pawl Saydon, Godfrey Wettinger. Ma naqsitx ukoll il-preżenza ta’ drammaturgu ewlieni ieħor: Francis Ebejer. Tajjeb ma ninsewx illi t-teatru importanti, iżjed u iżjed fi żmienna. Matul dar-riċerki laqtitni b’mod partikulari diskussjoni rigward Il-Libertà tal-Opinjoni Pubblika mmexxija minn Ġużè Aquilina kif ukoll silta minn intervista ma’ Doreen Micallef ippubblikata m’ilux fuq Facebook minn Ġorg Mallia. (Ladarba qatt ma ltqajt magħha kont ili snin biex imqar nisma’ leħinha – issa li qtajt xewqti ma nerġax nħalli dal-pajjiż għalkollox qabel iseħħli nidħol f’dika d-dar.) Lanqas nemmen kultant kif dawn l-ilħna ta’ dawn l-ispirti bħal donnhom jinstemgħu ħajjin u mejtin – fl-istess waqt sagrosant – daqs dawk tan-nies illi s’issa għadhom magħna. Anke dawn il-litterati ta’ dari – dawn l-iġsma tal-iżmna tal-brodu – żmien ilu sfaw huma wkoll iħirsa. Minnhom fadlilna biss leħinhom u xogħolhom. Iżda għall-inqas dawn in-nies sfaw iħirsa biss malli kien għalqilhom iċ-ċens u nfirdu minn magħna. L-agħar biċċa hi li kultant, anzi spiss, in-nies fuq l-iskrijn – l-ispirti tal-iġsma iħirsa li jfeġġu mill-frekwenzi ta’ żmienna – f’għajnejja jidhru, jinstemgħu u jinħassu biss bħala “eki mill-imgħoddi”, xi ftit jew wisq bħall-programmi mużikali tal-golden oldies li kien ixandar Eddie Darmanin fuq Radju Malta. Wipe out!

F’waħda mill-intervisti li saru mal-filosofu Jacques Derrida b’rabta mal-film Ghost Dance (1983) ta’ Ken McMullen kien stqarr, fost bosta ħwejjeġ oħra, illi t-telefon kien sar – il-fantażma. Iżjed tard żied jgħid ukoll illi l-iżvilupp tal-mezzi tal-komunikazzjoni filfatt wessa’ iżjed milli ċekken id-dominju tal-fatati. U mhux biss ta’ Marx, Freud u Kafka iżda ta’ kull wieħed u waħda minna. Derrida saħansitra bassar tajjeb ħafna li “l-ġejjieni huwa l-fantażma”. Temm jgħid ukoll illi minkejja li matul il-jum ma jemminx wisq fl-iħirsa, hekda kif jibda dieħel il-lejl ġieli bħal jaħbat jibdel fehmtu. Ngħid għalija, f’dal-lejl dejjiemi li waqa’ lkoll fuqna dad-dubbji skabrużi ta’ Derrida minn daqqiet issa saru jidħluli wkoll matul is-sigħat tal-jum. Iżda did-darba żgur mhux il-każ li nċemplu lill-ghostbusters. Pertinenti hawnhekk il-kunċett favuluż tiegħu tal-hantologie: l-iħirsa tal-imgħoddi li m’hemmx li jħalluna. Minn banda fi żmienna s-saġġ Spectres de Marx (L-Ispettri ta’ Marx, 1993) ormaj sar japplika mhux biss għall-Marksiżmu iżda – mill-ġdid bħalma bassar tant snin ilu – għall-biċċa l-kbira ta’ dak kollu li sa ftit xhur ili kien issawwar it-tessut ekonomiku u soċjali ta’ ħajjitna. U did-darba bis-sod, l-iżjed meta tqis illi mhux biss l-ilwiek u l-okkażjonijiet soċjali iżda anke n-nies infushom qajqajl, kulma jmur, qed isiru jixbhu dejjem iżjed lill-ispettri: iġsma iħirsa – biżlin daqs kemm weqfin, mikxufin daqs kemm misturin – illi fil-mument qegħdin jgħixu u jitgħajxu biss b’riħet is-srieħi tal-imgħoddi. L-aqwa li issa dalwaqt ser ikollna l-ħaxixa ħalli nkunu nistgħu nibqgħu d-dar mixħutin fuq il-kanapè – kulħadd meqrud – filwaqt illi nsegwu l-bulettini morbużi tal-istatistiċi aggregati fi sħaba nugrufun. Jonkella nisimgħu l-album Sleeping with Ghosts tal-Placebo...

Fil-ġenesi (jew l-apaċi?) tal-bloggosfera Maltija Immanuel Mifsud kien kiteb – fil-blogg tiegħu Il-Blobb tas-Sibt Filgħaxija li wara mbagħad bħal sar jismu Tgedwid... (għax il-ħajja qiegħda xi mkien ieħor) – żewġ bloggati dwar ċerti tipi ta’ fatati. Aktarx imnebbaħ minn Oreste Calleja semmihom Iġsma Iħirsa u Aktar Iġsma, Aktar Iħirsa, rispettivament. F’did-dinja diżtopika l-ġdida tagħna li għandha ħafna mill-istorja t’Alex Vella Gera F’Art il-Weqfin (Żewġ, 2009), fejn ċertu Twanny Misluta – anke huwa minn ġo sħaba nugrufun – dlonk jisfa’ waħdu sulu f’dinja mbattla minn kollox (għajr xi erba’ qtates) kaġun ta’ xi katakliżma manja – insibha bi tqila biex ma niftakarx mill-ġdid fil-biki bħal Karl Schembri: bejn bikja u oħra niftakar f’kollox u nibki iżjed. L-iġsma iħirsa li kien kiteb fuqhom Mifsud fil-blogg tiegħu daqs ħmistax-il sena ilu forsi ftit li xejn għandhom x’jaqsmu magħna l-ispirti mlaħħma ta’ żmienna li sfajna lkoll bħal imġebbla f’Art il-Weqfin. Iżda hu x’inhu, nittama li issa – aħna u ninsabu hawn ilkoll qisna iħirsa “skantati ngħoddu l-ħin” kif kien jgħidilna Friggieri – Sara tkompli tpenġi kulma tara u li l-mara li xtaqt noħroġha għall-kafè issib il-ħila tnaqqax dal-istatwi weqfin tagħna fl-iżjed iġbla sammi... għax il-ħajja tassew qiegħda xi mkien ieħor...

Is-Sur Donald Trump – f’wieħed mill-ftit mumenti kemxejn luċidi li kellu kemm dam iwerwer lid-dinja u jdaħħakha bih fl-istess waqt – ftit wara li skattat l-imxija tal-Virus Corona kien wissiena li “ninsabu fi gwerra kontra għadu inviżibbli”. Minn banda din l-analoġija tolqot il-musmar sewwasew fuq rasu. Mill-banda l-oħra did-dikjarazzjoni jaf għandha wkoll ċerti implikazzjonijiet moralment problematiċi, aktarx daqs il-biċċa l-kbira tad-dikjarazzjonijiet u l-għemejjel pazzeski ta’ Trump. Hu x’inhu, ngħid għalija tfakkarni qabelxejn fis-saġġ Pour une morale de l’ambiguïté (L-Etika tal-Ambigwità, 1947) ta’ Simone de Beauvoir. Hemmhekk il-Kastur qaltilna li fi kwalunkwe qagħda ta’ gwerra jenħtieġ naffaċċjaw dawk l-ambigwitajiet etiċi li ġieli jġgħaluna saħansitra nużaw il-vjolenza sabiex nħarsu l-libertajiet tagħna. Għax tgħid, minn daqshekk bħalissa ambigwitajiet morali u etiċi għandna kemm irridu. Intant, f’did-dinja ta’ fuqha senduqha li imponew fuqna qisu xejn, f’din l-Art il-Weqfin, f’did-dimensjoni l-ġdida tal-frekwenzi tal-ispettri fis-satra – fejn mhux biss l-għedewwa tagħna iżda anke ħbiebna stess saru iġsma iħirsa bilkemm viżibbli – bejn vuċi-frekwenza u oħra, bejn spettru mistur u ieħor, bejn bikja u oħra – fix-xhur illi ġejjin ħsiebi żgur ser jibqa’ jmur lura wkoll, imqar għal ftit, fl-aħħar sentenzi tal-bloggata Iġsma Iħirsa ta’ Mifsud: “U jgħaddu s-snin u tinduna, xi darba, li l-iħirsa tal-gwerra għadhom iħufu. Jaqbżu ’l barra mill-paragrafi stampati fil-kotba, jaqbżu ’l barra minn xi midfna moħbija, u jerġgħu jibdew iduru miegħek, mal-memorja. U dak li mingħalik kien ta’ darba waħda, ta’ darba waħda ilu ħafna, issibu hemm iħares lejk, jistenniek tinfaqa’ tibki.”

More in Arti