Letteratura | It-tifkiriet tagħna tal-Eterni; Rikordji tal-kitba tal-mémoires

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ktieb Kevin Saliba jaqsam magħna l-ħsibijiet tiegħu rigward il-ġeneru letterarju tal-mémoires. Minn memorja dwar l-ewwel laqgħa tiegħu mal-kittieb Herbert Ganado jiftakar x’kien kebbes fih in-namra ma’ din ix-xorta ta’ kitba.Jiftakar f’erba’ snin partikulari – 1994-1997 – meta ta’ kuljum preċett kien jikteb x’kien jgħaddi għala minnu. Għadd ta’ sentenzi minn dawn il-mémoires jidhru (b’tiswijiet minimi) f’ordni kronoloġika pjuttost libera b’tali mod li jsawru narrattiva maħlula. Saliba mbagħad jistaqsi – filwaqt li jirreferi wkoll għal xogħlijiet awtobijografiċi lokali bħal dawk t’Immanuel Mifsud/Toni Sant, Oliver Friggieri, Trevor Zahra, Lino Spiteri u Alfred Sant – x’jistgħu jkunu l-motivi li jħajru lin-nies jiktbu u jperrċu ħajjithom hekk beraħ. Imbagħad, imnebbaħ minn Susan Sontag u Emanuele Severino, joffri mod possibbli kif jistgħu jinqraw il-mémoires tagħna u ta’ ħaddieħor, voldieri bħala tentattiv biex noħolqu mill-ġdid lilna nfusna u forsi wkoll, mhux l-inqas, l-eternità...

Dalgħodu mort il-quddies tat-tmienja... Filgħaxija mort sal-każin tal- Bamboċċu – wara l-Mużew erġajt mort il-każin... Lil Brenda ma rajthiex fil-klassi tal-Malti ta’ Mifsud – naħseb baqgħet titmeslaħ il-Polytechnic ma’ dak il-muqran... Bakkarnilu u fid-disgħa konna s-Seminarju... Penza tal-Maiden xtara pakkett Marlboro u nżilna l-wied inpejpu... Dalgħodu qabel l-assembly erġajna nġarbna qisna mxenqin ħdejn l-uffiċċju nistennew lit-teacher tal-Ingliż tidħol tiffirma... Ittaqqabhieli rasi ommi kultant... Tal-każin tal-Labour qalu li dax-xahar ġej ikellimna Sant – nistaqsih jiffirmali Evelyn Costa... Il-Pappamolla faqa’ t-tubu tal-klassi... Saru jogħġbuni ħafna l-Jethro Tull... Il-Liverpool rebħu 4-3 kontra n-Newcastle f’Anfield fl-aħħar minuti b’gowl ta’ Collymore... X’farsa fih dal-każett tal-qassis... Fenech Adami qal li konna qegħdin photofinish, pulċinell... Is-Surmast iridni naqta’ xagħri... Did-duttrina tas-sess wara ż-żwieġ biss ma nistax nifhimha jien... Qed jgħidu li l-Iron Maiden ser idoqqu Għawdex... Kiesħa dik Galizia, friża... Illum ma mortx il-lezzjoni tal-Philosophy għax bqajt nixrob il-White Arrow... Kultant ngħid missieri qiegħed isegwini... Diska tal-jum: Prodigal Son – Iron Maiden...

Lejn tmiem is-snin sebgħin fil-memorji tiegħu Rajt lil Malta Tinbidel (1977) il-kittieb Herbert Ganado kiteb – fost bosta sentenzi memorabbli oħrajn – illi “nistħajjel li jiena kont l-ewwel wieħed li kelli l-kuraġġ jew il-wiċċ tost [...] li nikteb ħajti kollha bl-istorja intima tagħha”. Għadni niftakar qisu lbieraħ – fil-librerija taċ-ċentru Laburista lokali – naqra dis-sentenza addoċċ minn wieħed mill-erba’ volumi li jsawru dil-ġabra massiċċa ta’ tifkiriet. Niftakar illi dakinhar il-ktieb ta’ Ganado ma ħadtux miegħi għaliex – għandu mnejn sforz simpatiji partiġġjani – il-librar seħħlu jipperswadini biex minflok għal dik il-ġimgħa nissellef Min Hu Evelyn Costa? u drammi oħra (1993) t’Alfred Sant. Il-ktieb ta’ Ganado malajr insejtu iżda dika s-sentenza bħal baqgħet f’moħħi, l-iżjed għaliex ftit tax-xhur qabel kull filgħaxija kont bdejt nikteb kulma kien jgħaddi għala minni – jew kważi – fid-Djarju Ħabib illi kienet tistampa lejn tmiem is-sena l-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ.

Dil-għada tiegħi ma kinitx kwistjoni ta’ wiċċ tost. Wisq inqas ta’ kuraġġ. Ir-raġuni għala kont tħajjart inżomm djarju f’moħħi qatt ma kienet ċara u – kienet x’kienet – żgur ma kinitx daqstant serja. M’iniex fis-sew lanqas sewsew l-għaliex – tard fl-1997 imbagħad – kont waqqaft sobtu u ħesrem dil-prattika li kienet baqgħet għaddejja kuljum qabel norqod preċett tul kważi erba’ snin. Għandu mnejn f’dik l-età ormaj kont xbajt dejjem nikteb l-istess ħwejjeġ tas-soltu: illum qrajt dak il-ktieb, għada sejjer il-ġnien niltaqa’ ma’ dik u nispera li did-darba tħallini; filgħaxija smajt dak l-album; x’passata manja erġajna għaddejna bit-teacher tal-Physics; qed iwaħħlu fija li tajjart apposta s-salvavita tal-Mużew – maż-żmien dawn l-istejjer ħbatt bdejt inħosshom isiru kemxejn monotoni. Terġa’ u tgħid, qatt m’għaddhietli minn moħħi nippubblikahom: djarji li kważi kull paġna minnhom tiftaħ “illum mort hemm” jew “dalgħodu ma tantx studjajt” ma tantx jipprometti. Forsi jrid altru ma jkollokx x’tagħmel biex toqgħod taqra u tqarra lin-nies daċ-ċuċati, anke jekk jinzertaw tiegħek. Hekk jew hekk, dawn mhuma xejn għajr cahiers de jeunesse – bħalma qalilna Arthur Rimbaud: “Ħadd ma jkun serju ta’ sbatax”. Biss, dawk is-snin kienu biżżejjed – anzi iżjed minn biżżejjed – biex rabbew bis-sod fija n-namra għall-ġeneru letterarju tal-mémoire.

Tul dawn l-aħħar xhur – bħalma ġieli rrimarkajt qabel hawnhekk – il-kitba tal-memorji personali donnu kibret ħafna fil-popolarità, anke fix-xena letterarja tagħna. L-iżolament tal-pandemija – flimkien mal-bżiegħ subkonxju li donnha d-dinja issa waslet f’tarf l-aħħrijiet – nissel f’ħafna nies il-ħtieġa li jaljenaw rashom mir-realtà immedjata billi jfakkru u ġieli wkoll jiċċelebraw l-imgħoddi. Oħrajn imbagħad ippreferew qabelxejn jirreġistraw fil-pront il-ħsus tal-mument, aktarx biex jiġri x’jiġri jħallu daqsxejn rikordju – ma jmurx alla-ħares-qatt jintemm kull rikordju. Ngħid għalija dal-bżonn – almenu apparagun mal-biċċa l-kbira – dam ħafna ma beda jagħmel bija: kellhom jgħaddu x-xhur qabel ma t-tifkiriet baqgħu baqgħu sa ma ħadu r-riedi fuq ix-xewqa (impossibbli) tiegħi li xi darba ninsa kollox. Forsi għax id-dnub ma jorqodx: mhux talli mbagħad maż-żmien spiċċajt inqalleb fil-mémoires tiegħi talli – bla ’qas ittendejt – l-iskrivanija tiegħi bil-qajl il-qajl imtliet kważi kollha b’kitbiet ta’ dix-xorta jew bi studji fuq dan il-ġeneru ta’ kitba. Għandu mnejn f’dil-biċċa kellha x’taqsam ukoll il-mewt t’ommi...

Għaldaqstant dad-djarji fqajra tiegħi sfaw midfuna – bir-raġun kollu – taħt bosta kotba kollha memorji. Kollha kemm huma, b’xi mod jew ieħor, jappartieni lill-ġeneru tal-mémoiresFl-Isem tal-Missier - Immanuel Mifsud (2010); Noti Jien Noti – Immanuel Mifsud/Toni Sant (2020); Riders on the Storm - John Densmore (1990); L’été (Is-Sajf, 1950) - Albert Camus/Toni Aquilina; Gazza: My Story - Paul Gascoigne (2005); Confessions of a European Maltese - Alfred Sant (2003); Fjuri li Ma Jinxfux - Oliver Friggieri (2008); Jien U Għaddej Fil-Politika - Lino Spiteri (2007); La force de l’âge(Fil-Fjur tal-Ħajja, 1960)-Simone de Beauvoir; Les Mots (Il-Kliem, 1963) - Jean-Paul Sartre; Les Confessions (Il-Konfessjonijiet, 1783) - Jean-Jacques Rousseau; Ecce Homo (Hekk Hu l-Bniedem, 1892) - Friedrich Nietzsche; (What Does This Button Do? (Dil-Buttuna x’Tagħmel?, 2017) - Bruce Dickinson; In My Own Way (Bil-Mod Tiegħi, 1972) - Alan Watts; The Long Hard Road Out of Hell (It-Triq it-Twila ’l Barra mit-Tniebri, 1998) - Marilyn Manson; Autobiography of a Spiritually Incorrect Mystic (Awtobijografija ta’ Mistiku Spirtiwalment Skorrett, 2001) - Osho; Chaque fois unique, la fin du monde (Dejjem mill-Ġdid: Tmiem id-Dinja, 2002) - Jacques Derrida. Spikka sew fuq kważi dawn kollha Il mio ricordo degli eterni (It-Tifkiriet Tiegħi tal-Eterni, 2012) t’Emanuele Severino – awtobijografija b’titlu li mhux biss jagħsar tajjeb ħafna il-viżjoni filosofika ta’ dan l-iġgant tal-filosofija Taljan iżda wkoll – aktarx, forsi, żgur – l-istint, jekk nistgħu nsejħulu hekk, illi spiss iwebbel lin-nies iħażżu ħsibijiethom u ħsushom dwar ġrajjiethom.

Ftit snin qabel ħalliena Severino bħal bassar illi – essenti eterni u mhux – iċ-ċens fuq din l-art kien ser jiskadilu ma jdumx. Għaldaqstant mar kiteb huwa wkoll l-istorja ta’ ħajtu, sintendi skont il-kredu Neo-Parmenidjan tiegħu. Iżda l-punt jibqa’ li kitibha. Għax kos, tassew stramba kif saħansitra xi ħadd illi qatta’ ħajtu kollha jisħaq u jħaqqaq illi – minkejja kull parenza u kull sapjenza – kollox kien minn dejjem u jibqa’ għal dejjem, xorta waħda, imbagħad, madankollu, fi xjuħitu ċeda għall-ħtieġa li jdejjem ismu bil-kitba tal-mémoires. “Kull ġest, għemil, ħsieb, affezzjoni tal-ħajja ta’ kuljum huwa, sa mit-twelid, espressjoni tar-rieda li nkunu għall-Kenn, voldieri tar-rieda għas-setgħa u għall-fidwa”, kiteb f’din l-awtobijografija filosofika tant u tant singulari. (Dan t’hawnhekk żgur mhux il-każ ta’ “mkien-għal-kenn” – min jaf x’jaħseb dwarha din John Portelli?) Ngħid għalija jidhirli li din l-istqarrija ta’ Severino – abbli s-sentenza ta’ Ganado wkoll jekk trid – tista’ sservi ta’ punt ta’ tluq idoneu jew saħansitra ta’ sfond ġenerali għall-modi possibbli kif nistgħu naqraw u ninterpretaw din ix-xorta ta’ letteratura. Kapaċi wkoll tagħtina xi ħjiel siewi rigward għaliex din tinkiteb. Id-diskorsi filosofiċi tipiċi ta’ Severino – inklużi l-argumenti ipotetiċi li seta’ ressaq lilu nnifsu biex jiġġustifika din-nofs kuntrumbajsa – huma kumplessi wisq biex jinġabru hawnhekka fi ftit kliem. Iżda għandi nifhem illi anke hu – minkejja li żgur ħass li kien qed jidneb kontra qaddisu stess – xorta waħda ta l-kunsens lilu nnifsu sabiex, imqar għal darba, ipoġġi f’dubju l-eternità tiegħu. Għaldaqstant, ironikament, forsi anke hu ħass il-ħtieġa urġenti li – għalli jista’ jkun għax forsi qatt ma taf – (jerġa’) joħloqha mill-ġdid... sewwasew bit-tifkiriet tal-eterni. U forsi mhux l-eternità biss, iżda wkoll lilu nnifsu. Min jaf? Ikolli ngħid illi bħal donnu għoddu jistqarr dan f’intervista reċenti rigward din l-awtobijografija mal-Prof. Ines Testoni...

Kienu x’kienu l-motivi ta’ Severino, kemm-il darba ninxteħtu naqraw il-mémoiresminn dina l-perspettiva, aktarx imbagħad ebda rakkont tal-imgħoddi, ikun xi jkun, tajjeb jew ħażin, tagħna jew mhux – minn Il-Ġenn li Jżommni f’Sikkti ta’ Trevor Zahra sa 10 Snin Nilgħab fl-Ewropa t’André Schembri – ma jibqa’ jidher u jinfthiem l-istess. F’dar-rigward tabilħaqq pertinenti qatigħ ċerta rimarka partikulari ta’ Susan Sontag: “Inkunu superfiċjali jekk nifhmu d-djarju bħala sempliċiment kontenitur għall-ħsibijiet privati u sigrieti tagħna – ħabib tal-qalb trux, mutu u analfabeta. Fid-djarju mhux biss nesprimi ruħi b’mod iżjed miftuħ milli qatt nista’ nagħmel ma’ kwalunkwe persuna oħra, iżda noħloq lili nnifsi. Id-djarju huwa vejjiklu għas-sens tiegħi tal-jien. Jirrappreżentani bħala bniedma emozzjonalment u spiritwalment indipendenti. Għaldaqshekk (jaħasra!) dan mhux biss jirreġistra l-ħajja attwali tiegħi ta’ kuljum iżda pjuttost – f’bosta każi – joffri alternattiva għaliha”. (Reborn: Journals and Notebooks, 1947-1963, 2008). Insibha diffiċli, bħal kważi dejjem, ma naqbilx ma’ Sontag – aktarx fid-dinja tiegħi l-iżjed mara intellò intriganti wara Nina Power. U hemm xi jgħidli li jekk naqraw mill-ġdid, issa skont dan, il-memorji tal-kittieba tagħna – u iżjed u iżjed dawk illi nħarbxu aħna – ikollna, irridu jew ma rridux, almenu għal ftit, nagħtu daqsxejn raġun ukoll lil-leitmotiv primavista dubjuż tat-tifkiriet tal-eterni skont Severino: “dak li jitlaq jgħib għal ftit, iżda mbagħad, kulma jkun għeb jerġa’ jfeġġ”.

Jekk tassew inhu hekk, ma trid xejn biex imbagħad, proprju minn hemm – sewsew minn fuq l-ispallejn tat-tifkiriet tagħna tal-eterni – anke l-iżjed memorji awtobijografiċi banali li jfettlilna nħażżu kapaċi jingħataw sura u tifsira ġdida: ħajja li jsir ħaqqha terġa’ tinqara – jalla bi tbissima iżjed milli biċ-ċiera – mill-ħalliem li ħalaqha u forsi wkoll, anke jekk biss xi darba fil-bogħod, tixxandar...

Diska tal-jum: Changes – Black Sabbath... Għada mmur nisplodilhom il-bomba... Xbajt mill-Mużew... X’inhi seksi l-Gulic... Morna sal-grawnd naraw Belt-Birkirkara... Tal-għaġeb dal-poeżiji t’Achille Mizzi – ġennewni ostja... Ommi ma tridnix immur l-irtir tal-Christian Community għax ser ikun hemm it-tfajliet... Ħija silifli Sheer Heart Attack tal-Queen... Dun Frans wissiena biex ma nersqulux iżjed għall-irtiri tal-vokazzjonijiet – għandu raġun, qażżiżna ’l Alla... Wara l-privat tal-Malti ż-Żejżu sab reġġipettu mal-art u garah mit-triq tal-Mużew għal ġol-klassi tat-tfal tal-Griżma... Qed nieħu gost ħafna fil-lezzjonijiet ta’ Pirandello u Dante... Il-Vanġelu kien sabiħ, imma l-omelija ummima... Xtrajna bejnietna ħames liri telecard u wara l-Youth Centre morna nċemplu lill-qaħba tat-tapit... Ma kienx mument li mort nivvinta nibgħat dika l-kard tal-Valentine’s... Eric tal-każin silifli l-Meditations on First Philosophy ta’ Descartes... Fit-tojlit instab komik pornografiku “jaħraq” fuq it-teachers... Dal-aħħar Mintoff mhux jaqbel ma’ Sant, ħażin ostra – hekk tkun trid Daphne... Sibt il-kexxun naqra mqalleb – tgħidli qalbi missieri sabli s-sigaretti, abbli qed jaqrali dad-djarju...

More in Arti