
Espressament kuntent
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Ħaley Xuereb taqra l-ewwel żewġ kotba fis-sensiela diġitali e-spresso – litteralment kotba bil-Malti li tista’ taqrahom f’ħin qasir. Xuereb tikkonkludi li dal-kotba se jisfidawna u jiskomodawna, u jistednuna “nilagħbu man-nar”. Ara għalxiex taħseb hekk

Nistqarr magħkom li r-riċensjoni ta’ Sitt Ġrajjiet u ara Naqra Kif Spiċċajna ta’ Leanne Ellul u Meta Nsir Disgħa ta’ Keith Borg mis-sensiela e-spresso ta’ Merlin Publishers ħabbtitni ftit. Ġiegħlitni, b’ċerta skumdità, niffaċċja t-tensjoni bejn il-gosti letterarji personali tiegħi u l-ħtieġa ta’ kritika rigoruża u bilanċjata. Bħala qarrejja/kittieba li tħobb is-surrealiżmu, il-metafora u t-trasformazzjoni femminili fil-letteratura, sibt lili nnifsi kemm milquta kif ukoll imfixkla b’dawn iż-żewġ kotba - dawn iż-żewġ kotba li fit-titlu tagħhom jużaw in-numri 6 u 9 - numri ħelwin, u laqtuni għax multiples ta’ 3 u definittivament mhux għal raġunijiet oħra! Is-sensiela e-spresso ta’ Merlin tfittex li tiddemokratizza l-letteratura Maltija b’opri qosra, diġitali, li jistgħu jinqraw fi spazju ta’ pawsa għall-kafe. Din is-sensiela bdiet b’żewġ stejjer qosra qosra li definittivament ma tistax tifhimhom fil-ħin li tieħu biex tibla’ espresso. Sitt Ġrajjiet, ta’ Ellul — li huwa dramm poetiku u liriku — jisfida l-konfini tal-ġeneru, billi jgħaqqad djalogu qasir u f’xi waqtiet kważi inkantatorju ma’ struttura episodika u frammentata. L-ambjent huwa distopiku, ippreżentat mill-perspettivi ta’ Leslie u Ashley, li jippruvaw jitfgħu t-tħassib kollettiv — fuq il-gwerra, il-kriżi ambjentali, id-drittijiet tan-nisa, u l-aljenazzjoni — fi spazju teatrali. L-ambizzjoni hawnhekk hija notevoli, mhux biss fil-kontenut iżda wkoll fil-forma: Ellul tintrabat mad-dramm mhux biss bħala forma ta’ rappreżentazzjoni, imma bħala illuminazzjoni.
Imma hawn jidħol il-paradoss. Għalkemm hemm riskju emozzjonali kbir, id-dramm kultant ibati minn dak li Hans-Thies Lehmann jiddeskrivi bħala l-perikli tat-“teatru postdrammatiku”: il-ħtieġa li tissuġġetta għal kollox, riskju li twassal għal eċċess tematiku u telf ta’ fond narrattiv u karatterjali. Id-djalogu, għalkemm evokattiv, xi drabi jiżloq f’dikjarazzjonijiet aktar milli f’skambji konvinċenti. L-istruttura nnifisha — sitt ġrajjiet u framment finali — issir bħal ċellula f’ċella: magħluqa fiha nfisha iżda ħajja, iżżomm fiha l-enerġija mħarbta tad-dramm.
Nerġgħu lura għal Meta Nsir Disgħa ta’ Borg, li joffri xenarju kompletament differenti: suġġettività lirka, il-ġeneru u l-politika tal-vuċi. Kull poeżija hija “indirizzata” lejn muża femminili — referenza għat-tradizzjoni tal-invokazzjoni — li tħallat it-teoriji psikoanalitiċi tar-relazzjoni bejn l-artist u l-muża ma’ dik l-urġenza poststrutturalista li tinterroga fejn u kif jinħoloq it-tifsir. Li kieku in-nota tas-semiotic chora ta’ Julia Kristeva — infinita, materna, sovvertenti — seta’ jkollha dar fil-poeżija kontemporanja
Maltija, żgur li kienet tankra hawnhekk, fejn is-suġġett femminili jinbidel kontinwament u jiġi mitoloġizzat, imnebbaħ minn nisa poeti Maltin.
Dan l-approċċ huwa affaxxinanti inizjalment; il-poeżiji jużaw il-metafori b’mod kuraġġuż. Huma strutturalment innovattivi u ma jibżgħux mill-fond interpretattiv. Madankollu, hemm riskju tal-formula fil-poeżija: fejn kull invokazzjoni tissokta b’trasformazzjoni f’ċirku magħluq. Il-passjoni tinbidel f’mudell, u l-mudell f’prevedibbiltà. It-teorija tad-djaloġiżmu ta’ Mikhail Bakhtin tissuġġerixxi li vera polifonija poetika jew drammatika titfaċċa fejn jikkontendew vuċijiet konfliġġenti, iżda ħafna minn Meta Nsir Disgħa joffri aktar affermazzjoni korali tiegħu nnifsu kontra l-estern milli tensjoni dijaloġika.
Il-kuntest jagħmel differenza wkoll. Il-qarrejja Maltin, mibżuqa minn sistema edukattiva li għal snin inkoraġixxiet il-kodifikazzjoni ta’ kanun strett tal-poeżija għall-eżamijiet tal-Livell Ordinarju, u forsi b’demografija mdorrija b’rumanzi Emilio Lombardeski u novelli taċ-ċikwejra oħra li kważi dejjem ikollhom isem ta’ mara bħala titlu, x’aktarx ma jkunux ippreparati għal dawn it-testi. Iż-żewġ kotba ta’ Ellul u Borg jirreżistu l-passività; jisfidaw lill-qarrej biex iħoss l-iskumdità, biex jikkonfrontaw l-ambigwità u l-kontradizzjoni, aktar milli jirrikorru għal formuli mgħallma jew mistoqsijiet sempliċi. Din hija l-virtù tagħhom, iżda wkoll, minn perspettiva prattika, barriera għal impenn u fehim aktar wiesa’.
U xorta hemm valur ċar f’dik id-diffikultà. Ir-rikorrenza tagħha fix-xogħlijiet ta’ Ellul u Borg mhijiex trivjali; hija daqqa t’għajn metatestwali lill-qarrej, tfakkira li l-letteratura tagħmel ix-xogħol tagħha proprju permezz tal-kapaċità għar-riflessività, għall-ħolqien ta’ tifsira doppja, għall-irrepetibbiltà li toħloq, mhux stasi, iżda differenza ġdida kull darba. Jekk hemm qafas teoretiku li jista’ jgħinna nifhmu dawn il-kotba, hija l-kitba bħala logħba: il-letteratura mhux bħala artefatt didattiku, iżda bħala magna luċida li tistedinna għall-logħba astratta tagħha, anki waqt li tirreżisti soluzzjonijiet faċli.
Waqt li ktibt din ir-reċensjoni, sibt lili nnifsi nerġa’ nħares lejn il-preġudizzji u l-limitazzjonijiet tiegħi stess. F’pajsaġġ letterarju li spiss jipprova ma jilgħabx man-nar, biex ma jinħaraqx żgur, dawn it-testi huma prova li l-letteratura Maltija kapaċi tħawwad, tisfida, u taħji