Sit ġdid biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta ssir iżjed aċċessibbli
Is-sit qed joffri mod ġdid kif il-Kostituzzjoni tista’ tiġi mifhuma minn kulħadd

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta — id-dokument li jagħti d-drittijiet u l-libertajiet lill-poplu Malti — ġiet spjegata b’mod sempliċi u aċċessibbli permezz ta’ sit elettroniku ġdid: [www.constitutionofmalta.com](https://constitutionofmalta.com/).
Is-sit qed joffri mod ġdid kif il-Kostituzzjoni tista’ tiġi mifhuma minn kulħadd, irrispettivament mill-età jew il-livell ta’ għarfien legali. L-artikli tagħha ġew maqsuma f’verżjonijiet differenti għal tfal ta’ 5 snin, 10 snin, 15-il sena, u wkoll għall-adulti, sabiex kulħadd ikun jista’ jsib spjegazzjoni li tagħmel sens għalih.
Fuq is-sit jinsabu wkoll paġni b’ħarsa ġenerali lejn il-Kostituzzjoni u oħra li tispjega l-istorja ta’ Malta bħala pajjiż sovran u repubblika. L-għan ewlieni hu li titqajjem iktar kuxjenza dwar id-drittijiet ċivili, kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tagħna, u għaliex il-Kostituzzjoni hi daqshekk importanti fil-ħajja ta’ kuljum.
Is-sit bħalissa hu offrut bl-Ingliż, iżda nispera li fil-futur qarib ikun jista’ jiġi tradott għall-Malti wkoll, sabiex ikun aċċessibbli għal firxa iktar wiesgħa ta’ nies. Kull min hu interessat li jgħin fit-traduzzjoni hu mistieden jagħti l-kontribut tiegħu.
B’din l-inizjattiva, qed nittama li jsir pass importanti lejn edukazzjoni ċivika għal kulħadd — fejn il-Kostituzzjoni ma tibqax biss dokument legali, iżda ssir għodda ta’ għarfien u sors ta’ kburija nazzjonali.
F’pajjiż li għażel li jmexxi lilu nnifsu bħala stat indipendenti u repubblika sovrana għandna nkunu kburin bil-Kostituzzjoni tagħna — u l-ewwel pass biex napprezzawha hu li nifhmuha.