Letteratura | Xi mkien bejn it-tifsir u l-kewn; Fl-ibgħad ilħuq tad-diskors, fl-ibgħad limiti tal-ħsieb

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa Kevin Saliba jikkummenta dwar il-ġabra ta’ poeżiji Rota Roża ta’ Charlie Grima. Qabelxejn jaqsam magħna diversi mumenti li qasam snin ilu ma’ Grima, kemm b’mod fiżiku u kemm b’mod mentali permezz ta’ xi versi tiegħu li – għal xi raġuni enigmatika – baqgħu jidwu f’moħħu x-xhur. Saliba jġarrab il-poetika ta’ Grima bħala lingwaġġ stakkat mill-jien iżda daqsinsew iddistakkat mit-tifsir. Mill-ftit li jafu u mill-ħafna li qrah minn żmien għal żmien jaqbel ukoll m’Alex Vella Gera li, fid-daħla preċiża tiegħu għal din il-ġabra, irrimarka li Grima mhux biss jikteb il-poeżija iżda wkoll jitħadditha, sewwasew għax poeta l-ħin kollu. Imbagħad, b’rabta man-nozzjonijiet tal-impossibbiltà tal-letteratura u tal-mibegħda għall-poeżija – filwaqt li jistqarr illi minn banda jistmerr il-fakultà tal-lingwa, fis-sens Battaljan tal-espressjoni – Saliba jidentifika medda poetika komuni bejn ċerti vrus ta’ Grima u dawk tal-poeta Amerikan Alvin Feinman: xi mkien bejn it-tifsir u l-kewn, fl-ibgħad ilħuq tad-diskors, fl-ibgħad limiti tal-ħsieb... forsi wkoll f’xi “mera tonda fejn l-infinit jittappan bis-swaba’ tal-imqass...”

Naħilfu ħafna bl-ewwel impressjonijiet. Issib min saħansitra jemmen illi t-tieni lok għall-ewwel impressjoni ma jeżistix. Għajni dejjem għokritni minn dad-diskors. Ibda biex għax spiss jidhirli li l-impressjonijiet – tal-ewwel, tan-nofs, tal-aħħar – kultant ma tridx toqgħod fuqhom wisq. Hu x’inhu, xi minn daqqiet taħbat ma’ nies, anzi stranġieri, illi kapaċi jaħsduk – sa mill-ewwel ftit uqat li qatt tkun qattajt magħhom, sa mill-ewwel erba’ kelmiet illi jlissnulek jew jiktbulek. Fihom sarma dal-qtajja’: għiduli intom, pirkażu, x’taqbad twieġeb lil stranġier illi, wara ’qas biss ħames minuti, f’ħin bla waqt jiġi jgħidlek: “strieħ, toqgħodx tiġri wara ħajtek. Int borża duħħan, mera tonda fejn l-infinit jittappan bis-swaba’ tal-imqass.” 

Proprju hekk sirt nafu kważi ħmistax-il sena ilu ’l Ċharlie Grima, jew aħjar, liċ-Ċali – bl-artiklu mehmuż għall-enfażi: jikkwotali dal-vers minn poeżija tiegħu fit-terrazza tal-Kavallier San Ġakbu bi tweġiba għal xi ħaġa li għedtlu. Id-diskors insejt x’kien. Niftakar biss li konna ltqajna – bis-saħħa ta’ Alex Vella Gera – biex niddiskutu ġabra ta’ poeżiji li konna twebbilna nippubblikaw. Minn dika il-lejla ma niftakarx wisq. (Biex tgħaxxaqha mbagħad mill-Belt fettlilna nerħulha lejn Paceville – forsi wkoll għalhekk ma niftakarx.) Iżda daka l-vers, daka l-mument, dika l-immaġni tiegħi niġri nilheġ wara ħajti, il-mera tonda, l-infinit jittappan, is-swaba’ tal-imqass, għadhom friski f’moħħi sa dal-ħin. Dawn il-versi taċ-Ċali dik il-ħabta kienu baqgħu jidwu f’moħħi bosta xhur: fl-appartament t’Antoine Cassar, f’rue Bonnevoie, fil-Lussemburgu – waqt sessjoni ta’ reġistrazzjoni pubbliċitarja ta’ dil-poeżija – inħkimt fit-tul minn daħk isteriku li qajla flaħt inrażżnu. Xħin kważi telaq kulħadd, imbagħad, mal-ħsieb tagħha biss tani attakk qalil ta’ paniku tenaċi li kważi dam sejjer il-lejl kollu – episodju stramb illi sal-lum, psikoanaliżi u mhux, m’iniex fiż-żgur jekk jistax jitfisser bis-sħiħ. Ftit xhur wara: attakk sfrenat ta’ daħk ieħor, did-darba fi Pjazza Navona ġo Ruma. 

Il-paljaċċu prim illi kien qiegħed jixxadinja f’nofs il-pjazza nfexx jidħak quddiemi. Għandu mnejn ħaseb illi kien seħħlu jimpressjonani bil-bużullotti ferm makakki tiegħu. Xejn minn dan. Mur għidlu x’kien il-kaġun. Iċ-Ċali, reġa’ għamilhieli ja mgħarraq! Reġa’ feġġ mix-xejn biex jixħetna hemm: xi mkien nofs triq bejn il-kewn u t-tifsir. Hekk nistħajjilhom bosta mill-versi tiegħu li issa jinsabu lkoll miġbura fil-ġabra Rota Roża: xbihat ontoloġikament stakkati mill-jien iżda intant iddistakkati mis-semantika tat-tifsir fl-istess mentri. Dawn it-tendenzi poetiċi taċ-Ċali kont diġà smajt bihom ftit tal-ġimgħat qabel mingħand Vella Gera. Niftakar li kont ukoll rajt (u mhux qrajt) xi żewġ poeżiji tiegħu fuq l-internet. Ngħid is-sew għall-ewwel ma impressjonawni xejn. Ibda biex għall-ewwel primavista iddarrast ħafna mill-ortografija mħarbta, min-nuqqas t’ekonomija u minn stilistika b’punteġġjatura xejn konvenzjonali. Kważi kollox inbidel imbagħad – bħal donnu waqa’ xi seħer jew niżlu n-nirien ta’ Pentekoste – wara dika l-lejla fil-Kavallier San Ġakbu. 

Għad nikteb iżjed dwar dawn l-impressjonijiet, iżda did-darba, għal darba, fil-biċċa l-kbira ser nillimita l-kummentarju tiegħi għal dak illi diġà deher. Hemm raġuni għal dan – anzi mhux biss waħda – iżda anke dan imur lil hinn mill-fini ta’ dan l-artiklu. Fid-daħla għall-ġabra Rota RożaAlex Vella Gera jikkummenta li “hemm min jilbes il-libsa ta’ poeta biex jivvjaġġa minn fuq karta vojta. Hemm min jinża’ l-libsa meta jsib ruħu jimraħ f’nofs dik il-karta vojta. U hemm min ma jilbisx ilbies ta’ poeta għax huwa l-ħin kollu poeta. Wara għoxrin sena ħbieb miegħu, nista’ ngħid bla tlaqliq li l-awtur tal-versi f’dan il-ktieb huwa tat-tielet tip”. Diparti tiegħi ma nistax ngħid illi naf liċ-Ċali mal-għoxrin sena. Jekk niġu f’dan, lanqas biss nista’ ngħid illi ili nafu ħmistax-il sena. Filwaqt li Vella Gera qatta’ xhur (jew snin) twal fil-kumpannija tal-poeta, ngħid għalija ltqajt miegħu ftit drabi biss: dakinhar f’San Ġakbu, dakinhar tat-tnedija tal-ġabra tagħna Ħbula Stirati li tinkludi wħud mill-poeżiji li nsibu f’Rota Roża, darbtejn oħra l-Belt, waħda minnhom bla ħsieb. Fuq l-internet – ġaladarba Ċali u l-internet ma tantx huma ħbieb – tkellimna biss xi ftit drabi, l-iżjed fuq Albert Camus, Henri Bergson u fuq ċerta Netherlandiża li, skont is-servizz primittiv tal-midja soċjali hi5, konna ilna t-tnejn moħħna fiha (u hi fina) xhur sħaħ bla ma konna nafu. Xorta waħda – minkejja l-ftit skambji li kellna tul is-snin – f’dar-rigward ma nistax ma naqbilx ma’ Vella Gera: Grima jitħaddet bil-poeżija għax poeta l-ħin kollu.

Mill-ftit li diskussjonijiet illi kelli maċ-Ċali kwantu l-kitba tal-poeżija niftakar battibekk dwar dik illi kont – għadni u aktarx nibqa’ – insejħilha “l-impossibbiltà tal-letteratura”. B’rabta ma’ dan, kmieni s-sena li għaddiet f’din il-paġna kont ktibt dwar kunċett simili – b’referenza għal Samuel Beckett u Will Self – dwar il-falliment inevitabbli ta’ kull letteratura. B’ton simili fil-ktieb tiegħu Il-Mibegħda tal-Poeżija (The Hatred of Poetry, 2016) il-poeta u kritiku Ben Lerner jirrimarka li l-iżjed nies illi jobogħdu l-poeżija huma filfatt il-poeti. Dan għax fl-aħħar mill-aħħar il-poeżija qatt ma tasal twassal – la lilhom infushom u wisq lill-qarrejja – dak illi tassew iħossu li jridu jwasslu. Madanakollu ma nara ebda ħjiel li jista’ jwemminni li dan ma jgħoddx ukoll għal kull għamla ta’ kitba, anzi għal kull forma ta’ użu li jista’ qatt isir mil-lingwa minn kwalunkwe dixxiplina umana, inklużi x-xjenzi soċjali u naturali, mhux l-inqas il-filosofija. Talment nemmen dan – nimmaġina li dan jista’ jaħsad lil bosta – illi fis-sew kultant ma nħossnix nobgħod biss il-poeżija perse: nobgħod il-fakultà tal-lingwa. Mill-ġdid hawnhekk ma nistax ma niftakarx f’Georges Bataille: “Ma nistax ngħodd b’ħieles lil xi ħadd li ma jrawwimx ġewwa fih ix-xewqa li jħoll l-irbit tal-lingwaġġ”.

Għandu mnejn għalhekk uħud mill-poeżiji li jidhru f’Rota Roża jinżluli tant għasel, b’mod partikulari ĦolmaIx-Xemx NieżlaKmieni Filgħodu8 Nifsejja kif ukoll Lillllllllllllllllllllllll – waħda mill-poeżiji Maltin favoriti nett tiegħi minn kull żmien. Il-kritiku tal-ġurnal elettroniku Literary Hub James Geary m’ilux ikkummenta li l-poeżiji tal-poeta Alvin Feinman “jeżistu fl-ibgħad ilħuq tad-diskors, l-ibgħad limiti tal-ħsieb, fejn il-lingwa tibqa’ ssir u tixxejjen bla hedu”. L-istess jista’ jingħad għal bosta versi ta’ Grima – anke mal-ewwel impressjonijiet – l-iżjed meta x-xbihat tiegħu jieħdu r-riedni kollha fuq il-kelma. Iżda mill-ġdid, barra minn hekk, ngħid għalija ġieli nħosshom jeżistu wkoll – bħalma stqarrejt qabel – xi mkien nofs triq bejn it-tifsir u l-kewn... forsi f’xi mera tonda fejn l-infinit jittappan bis-swaba’ tal-imqass...

More in Arti