Letteratura | 360 grad Bis-sod jew biss għall-mod tal-kelma

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu mal-awtriċi żagħżugħa Josianne Block rigward l-ewwel rumanz tagħha 360°. Qabelxejn jistaqsiha dwar l-esperjenza tagħha fi Brussell, b’mod partikulari dwar dik tal-kultura tal-qari li sabet f’din il-belt Ewropea. Id-diskors idur fuq l-użanza, ormaj kważi mitlufa, tal-kitba tal-ittri u fuq kif din waqgħet taħt il-madmad tat-teknoloġiji komunikattivi l-ġodda. Saliba jistaqsi wkoll lil Block – b’referenza għax-xogħlijiet tal-kritiċi letterarji tal-moviment formalista New Criticism u tal-ħassieb Franċiż Roland Barthes –  safejn ħalliet lilha nfisha taħrab tul il-kitba tar-rumanz tagħha. B’rabta ma’ dan, jistaqsiha wkoll sa liem punt il-persuni li tiltaqa’ magħhom – fosthom l-istudenti tagħha – jinsabu fil-karattri li ħolqot f’dan it-test. Itemm dan id-djalogu billi jpoġġi f’dubju l-implikazzjonijiet interpersonali tat-titlu tar-rumanz, l-iżjed bil-mistoqsija dwar jekk qattx nistgħu tassew ngħidu li nafu persuna oħra minn fuq s’isfel – 360 grad

Josianne Block
Josianne Block

Qabelxejn kurżità: f’intervista li tajt m’ilux lil Rachelle Deguara għas-sensiela radjufonika Minn Taħt il-Qoxra għedt illi qattajt żmien tgħallem l-Ingliż fi Brussell. Kif kont sibtha s-sitwazzjoni edukattiva hemmhekk? U xi ngħidu għax-xena kulturali, l-iżjed dik letterarja? Tul iż-żmien illi qattajt ngħix fiċ-ċentru tal-Lussemburgu l-ktieb kien preżenti ħafna madwari, tant li kważi kien parti wkoll mill-għamara, biex ngħiduha hekk, tal-ambjent urban ta’ ċerti nħawi tal-belt. Ħwienet tal-kotba kemm trid, spiss imballati bin-nies. Fil-bars tal-madwar f’xi ħin jew ieħor issib nies jaqraw kotba jew rivisti. Għad illi għad-daqs tagħna kien diġà tassew qed isir ħafna, għall-bidu minn banda ħadt kemxejn ta’ xokk kulturali meta rritornajt lura Malta. Meta inti ġejt lura minn hemmhekk, ħassejt illi ngħatajt perspettiva usa’ dwar is-swieq tal-ktieb barranin? Mingħajr ma ninsew l-argument tan-nuqqas relattiv ta’ riżorsi u lok għaċ-ċirkulazzjoni tal-kotba, u bla ma ninsew lanqas illi anke f’pajjiż bħall-Italja – minn tant fl-Italja! – donnu bħal waqgħet bruda kulturali manja, akkont fejn taħseb illi qegħdin f’pajjiżna llum apparagun mal-esperjenza tiegħek fil-kontinent? 

L-ewwel ħaġa li kont innotajt meta bdejt naħdem fi Brussell kienet il-kilba tat-tfal għat-tagħlim. Minkejja li ta’ età żgħira, jien u nkellimhom kont ninnota li dat-tfal diġà għandhom sfond kulturali b’saħħtu ħafna u kienu kapaċi jitkellmu fuq ħafna ħwejjeġ. Bqajt impressjonata għax għalija kienet xi ħaġa ġdida. F’pajjiżna b’xorti ħażina niffokaw wisq fuq it-tagħlim bl-amment u fuq il-marki tal-eżamijiet. Iktar ma bdejt niskopri l-belt u n-nies li jgħixu fiha, iktar bdejt nifhem mnejn ġejja dil-kilba. Minkejja li Brussell hija belt multikulturali ħafna, nazzarda ngħid li l-qari huwa aspett li jgħaqqad lill-abitanti flimkien. Mhux biss – kif għedt sewwa int – il-ktieb issibu kullimkien (fil-kafès, fil-bars, fil-postijiet tax-xogħol, fil-parks...), iżda jsiru wkoll ħafna avvenimenti letterarji b’mod regolari, kemm f’ċentri tal-arti bħall-BOZAR u kemm fi ħwienet tal-kotba u f’postijiet oħra li kapaċi jattiraw lin-nies. Din ma nnotajthiex biss fi Brussell iżda anke meta kont nistudja l-Italja. Kien hemm bar partikolari li kull ġimgħa kien jagħmel lejla letterarja b’awturi differenti. L-ewwel darba li mort kont bqajt mistagħġba bl-ammont ta’ żgħażagħ preżenti. M’iniex qed ngħid illi f’Malta s-sitwazzjoni ma tjibitx f’dawn l-aħħar snin. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Inizjamed jagħmlu ħafna xogħol biex jippromovu l-letteratura u l-qari, iżda ħasra kif kważi dejjem tara l-istess nies fl-attivitajiet tagħhom. Jenħtieġ inrawmuha iktar il-prattika tal-qari fiż-żgħar biex din tibqa’ xi ħaġa normali anke meta jikbru. Qed nistenna bil-ħerqa l-ftuħ tal-mużew tal-letteratura fil-Belt. Nemmen illi dan jista’ jiftaħ bibien ġodda.     

Il-kantawtur Awstraljan Nick Cave fit-taħdita tiegħu The Secret Life of the Love Song f’ħin minnhom jaċċenna għall-erotografomanija, voldieri “x-xewqa ossessiva tal-kitba tal-ittri ta’ mħabba”. Cave jispekula li qabelxejn din hija għamla ta’ attività erotika. Ċerti psikologi jgħodduha b’attività diżordinata u vizzjuża, saħansitra b’patoloġija sesswali. Hu x’inhu, Cave jiddefendi din il-pratka: jirrimarka li “l-iżjed forma għażiża ta’ korrispondenza, l-ittra ta’ mħabba, jaħasra, bħall-kanzunetta ta’ mħabba, sofriet taħt il-madmad tal-ħeffa bierda tat-teknoloġija, taħt il-madmad tan-nuqqas ta’ kont u ta’ ruħ illi għandna llum fi żmienna.” Naqtgħek taqbel ma’ dil-osservazzjoni ta’ Cave. Abbli bħali tifhimha wkoll illi dan jgħodd għal ħafna metodi ta’ komunikazzjoni oħra jew għal bosta forom ta’ attivitajiet komunikattivi fir-rapporti personali, anke dawk mhux strettament amorużi. Ħafna, bħali, jgħidu illi hemm – jew aħjar żmien ilu kien hemm – ċertu faxxinu f’li tikteb ittra b’ċerta kaligrafija u kura, titwiha, iddaħħalha f’envelop, tagħlaqha, fl-imgħoddi f’ċerti każi kienu jagħlqu kollox bl-inċira, tibgħatha, tistenna, tithenna, titherra u sebaħ u dalam. Ir-rumanz tiegħek 360º fil-biċċa l-kbira magħmul minn ittri bejn żewġ persuni stranġieri għal xulxin: ħafna ittri, ġieli postcards – użajt dan il-mezz ta’ komunikazzjoni partikulari. F’din id-deċiżjoni stilistika, hemm xi ħjiel ta’ protesta letterarja sottili kontra l-esiġenzi immedjati tal-konvenzjonijiet komunikattivi tal-lum? 

Naqbel miegħek illi hemm ċertu faxxinu fil-kitba tal-ittri u li llum sfortunatament dan qiegħed intilef. Jekk inħarsu lejn l-istorja tal-letterarja naraw illi bosta kittieba nqdew bl-ittri biex jesprimu aspetti importanti f’ħajjithom: Frans Kafka, Emily Dickinson, George Orwell. Il-ġeneru epistolari minn dejjem kien jattirani għax narah jagħti xejra personali ħafna lill-kitba. Iżda mbagħad irridu noqogħdu attenti: minkejja li forsi l-qarrej isibha iktar faċli jirrelata mal-kontenut t’ittra iżjed milli ma’ kontenut ieħor inqas realistiku, ktieb magħmul biss minn ittri faċli jmewwet l-interess tal-qarrejja. Jekk din tiegħi forsi kienet protesta letterarja sottili, din l-għażla għamiltha inkonxjament. Ridt inġib lura dak illi qed nitilfu kaġun tat-teknoloġija. Għalkemm naf illi llum diffiċli ngħixu mingħajrha, konxja wkoll illi t-teknoloġija għaġġlet il-ħajja u qerdet ħafna affarijiet, fosthom il-kitba tal-ittri. Din jaf tidher xi ħaġa minima, iżda fil-verità ġġib magħha konsegwenzi ikbar, bħall-fatt li llum il-ġurnata sirna nbatu ħafna iktar fl-ortografija għax donnu l-prijorità saret li niktbu ta’ malajr biex mingħalina niftehmu. Madankollu naħseb illi l-intenzjoni ta’ dal-ktieb ma kinitx protesta kontra l-modi komunikattivi tal-lum, iżda messaġġ u tfakkira liż-żgħażagħ illi hemm modi ta’ komunikazzjoni oħrajn possibbli u li dawn għandhom il-benefiċċji tagħhom ukoll.   

Fl-intervista msemmija qabel laqatni ħafna l-mument x’ħin għedt illi meta kont tifla kont tikteb stejjer dwar sħabek tal-klassi. Kienu l-materja prima tal-immaġinarju tan-narrattivi tiegħek. Maż-żmien tlaqthom għal riħhom, iżda mbagħad snin wara – meta bdejt tesperimenta bil-kitba – bħal qisu dawn reġgħu ġewk lura fil-menti. Sintendi jiġuk ukoll nies illi tiltaqa’ magħhom, ngħidu aħna l-istudenti tiegħek qabelxejn – inevitabbli. Mhux qed ngħid illi bilfors tikteb fuqhom b’mod konxju iżda – trid jew ma tridx – mill-inkonxju tiegħek partijiet minnhom isibu ruħhom f’xi karattri jew f’xi sitwazzjoni li toħloq. Naf ħafna nies, fosthom studenti sintendi,  illi ġieli jistaqsu jekk jinsabux fil-karattri tal-kotba miktuba mill-awturi li jafuhom b’mod personali, l-għalliema pirkażu. Forsi bħali, ġieli ġew nies jistaqsuk tikteb l-istorja ta’ ħajjithom. Oħrajn jagħtuk x’tifhem illi joħolmu li ġà ktibtha. Iżda mbagħad issib ukoll nies illi dal-ħsieb idarrashom. Qatt għaddhielek minn moħħok illi xi nies – l-iżjed l-istudenti adoloxxenti tiegħek qabelxejn – jistgħu jaħsbu dawn il-ħwejjeġ huma u jaqraw 360º? Tiskomodak xejn dil-ħaġa?

360° (Klabb Kotba Maltin)
360° (Klabb Kotba Maltin)

Mill-bidu kont naf illi dan il-ktieb kont se niktbu għall-adoloxxenti. Għaldaqstant kont naf ukoll illi – irrid jew ma rridx – l-istejjer tal-istudenti tiegħi kienu se jispiraw kulma hemm fil-ktieb. M’iniex qed ngħid illi ktibt u rrakkontajt kulma smajt kelma b’kelma – lanqas xejn. Bosta drabi kemm sempliċiment ħadt spunt minn dak illi kont niltaqa’ miegħu kuljum biex imbagħad inkompli niżviluppa idea li ssarraf f’xi ħaġa kompletament differenti.

Eżempju: ma kontx ċerta għandix ninkludi l-esperimentazzjoni bid-drogi fil-ktieb. Imma ċertu avveniment partikulari fl-iskola fejn kont ngħallem bħal staqsieni: għala tibża’ li t-tema tad-droga serja wisq għal ktieb tal-adolexxenti, meta filfatt taf bi studenti ta’ tlettax jew erbatax li bdew ipejpu l-ħaxixa? Iżda hemm anke mumenti fil-ktieb fejn it-tfakkira f’xi persuni għal qalbi hija iktar ċara u espliċita. Għaldaqstant naf li hemm min ħa jaqra l-ktieb u jinduna li qed nitkellem dwaru. Ma tiskomodanix dil-ħaġa għax kienet għażla li għamilt għax tassew ridt. Kif għedt int, meta kont żgħira kont nikteb stejjer qosra dwar sħabi tal-klassi, imbagħad meta kbirt waħda mill-ħolmiet tiegħi kienet li xi darba nispiċċa f’xi ktieb. Għidli wisq romantika jekk trid, iżda naħseb li hija xi ħaġa sabiħa ħafna li xi ħadd jinkludik f’kitbietu: sinjal li b’xi mod jew ieħor tkun għamiltlu xi differenza. Ta’ min jgħid ukoll hawnhekk illi waħda mill-prioritajiet tiegħi jien u nikteb il-ktieb kienet li noħloq kitba li l-adolexxenti jistgħu jirrelataw magħha, biex iħossuhom inqas waħedhom. Wara kollox l-isfidi li dawn jgħaddu minnhom diġà għadda minnhom ħaddieħor – fosthom il-karattri ta’ 360°.

Ħsieb ieħor illi għaddhieli, jien u naqra r-rumanz 360º, huwa li aktarx hemm ħafna minnek f’dan il-ktieb. Dan stqarrejtu inti stess, għall-inqas sa ċertu punt, matul l-intervista ma’ Deguara. Għedt illi peress illi dan kien l-ewwel ktieb tiegħek sibtha iebsa li żżomm lilek innifsek ’l barra minnu. Forsi għalhekk imbagħad, f’intervista dwar ir-rumanz illi tajt m’ilux matul l-aħħar edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, għedt illi qgħadt ukoll lura ħafna milli tiġġudika l-ħsus, il-ħsibijiet u l-imġiba tal-karattri. Minn banda dan jorbot ma’ dak illi konna qegħdin ngħidu: did-darba però minflok l-oħrajn il-materja prima issa tkun aħna nfusna. Safrattant, l-esponenti tal-moviment formalista New Criticism kienu (u għadhom) jisħqu li t-test u l-kittieb huma żewġ fenomeni distinti għalkollox u li, għaldaqstant, l-intenzjoni tal-awturi ma tgħodd xejn li xejn – kull min jaħseb mod ieħor ikun qed jagħmel fallaċja. ’Qas biss għandu jinħaseb illi t-test jappartieni lill-awtur, jgħidu. Il-kritiku letterarju Franċiż Roland Barthes kien ressaq teorija pjuttost simili f’saġġ tiegħu msemmi, appuntu, La mort de l’auteur (Il-Mewt tal-Awtur, 1967). Barthes jasal jissuġġerixxi wkoll illi fis-sew it-testi jinkitbu mill-ilsna mħaddma iżjed milli mill-kittieba nfushom. Sintendi mhux kulħadd jaqbel ma’ dawn il-perspettivi. Forsi lanqas int, għax matul l-intervista msemmija bħal qisek għedt ukoll illi qgħadt attenta sabiex – dejjem kemm jista’ jkun – ma tħallix ħafna minnek ifur għal ġol-kitba tar-rumanz 360º. Mel’allura ma tarax lilek innifsek mejta fit-test tiegħek. Għaliex qgħadt attenta biex ma tinkixifx? Issibha imbarazzanti? Taħseb illi rnexxielek? Temmen illi tassew possibbli niktbu mija fil-mija lil hinn minn nfusna? 

Din l-idea li l-awtur huwa mejjet kif ukoll il-funzjoni tal-awtur fir-rumanz, ħolqu dibattitu kbir fix-xena letterarja. Biss biss apparti Barthes, tkellmu dwar l-istess kunċett anke kritiċi letterarji kbar oħrajn bħal Foucault u Derrida. Ikolli nammetti li għalkemm naħseb li s-saħħa tal-preżenza tal-kittieb għandha titħalla f’idejn il-kittieb innifsu, għalija hija impriża kważi impossibbli li l-awtur jiġi eliminat kompletament. Forsi qed ngħid hekk għax dan huwa l-ewwel ktieb tiegħi u, iva, veru, sibtha diffiċli ħafna niddistakka ruħi għalkollox minn dak li kont qed nikteb. Mhux għax naraha xi ħaġa imbarazzanti li nkun preżenti fil-ktieb, iżda għax dan mhux ktieb fuq ħajti. Kieku ridt nikteb dwar hekk, kont nagħmilha b’mod iktar espliċitu. Barra minn hekk, nagħmel distinzjoni kbira bejn il-ħajja personali tiegħi u dak li jiġi trażmess lill-pubbliku. Iżda mbagħad – kif diġà għedt m’ilux f’intervisti oħrajn – din għalija kienet sfida kbira u għalkemm ippruvajt noqgħod lura xorta hemm ħafna minni fil-ktieb. Ta’ min jgħid li din mhix bilfors xi ħaġa ħażina. Anzi, għal xi wħud din jaf tkun għażla konxja, bħall-ewwel kapitlu ta’ Slaughterhouse-Five ta’ Kurt Vonnegut.

Ir-rumanz tiegħek jagħti x’jifhem – anzi bħal donnu jiċċelebra l-ħolma – li tnejn min-nies jistgħu jkunu jafu lil xulxin u kollox fuq xulxin daqs il-but, 360 grad. “Sirt tafni, Claire. Sirt tafni sew. 360°”, kiteb Jon lil Claire. Forsi għax jien xħajt xi kemxejn, iżda ngħid għalija xettiku ħafna minn dil-ipoteżi. Ma nimmaġinanix indaħħal ħsibijiet bħal dawn f’moħħ l-adoloxxenti. Anzi, pjuttost sirt nemmen illi jekk xejn l-awturi għandhom jisfidaw dawn l-eċċessi romantiċi, anke fost iż-żgħażagħ. Waħda mir-raġunijiet għaliex ta’ xi sittax sbatax-il sena kienet laqtitni ħafna l-letteratura ta’ Immanuel Mifsud – kittieb li jispirak ħafna – kienet proprju li kellu proża li minn daqqiet tpoġġi f’dubju dawn l-aspettattivi utopiċi. L-intellettwali pubbliku kontemporanju Alain de Botton tkellem ħafna dwar dal-ġenniji. Saħansitra wasal jikkundanna r-rappreżentazzjonijiet letterarji tal-imħabba romantika li nsibu fil-poeżija ta’ xi John Keats u f’rumanzi bħal Madame Bovary (1856) ta’ Gustave Flaubert. Mill-ġdid, bħal fil-każ tat-taħdita ta’ Cave, dak illi jingħad hawnhekk dwar l-imħabba jista’ jingħad għal kull xorta ta’ rapport uman ieħor: mhix ħaġa li aħna – illi ’qas biss nistgħu nkunu nafu lilna nfusna – inwebblu lill-qarrejja tagħna b’dil-idea li tassew nistgħu nsiru nafu ’l ħaddieħor, sa 360 grad. Kapaċi jsegwi minn hawn illi letteratura bħal din għandha ħabta tqarraq: minkejja l-innoċenza, xorta donnu qegħdin bħal nifflertjaw mad-diżastri interpersonali tal-pornografija. Mill-ġdid, mhux bilfors l-awturi qarrieqa, iżda l-kitba. Ara: jien f’dar-rigward xettiku ħafna. Imm’inti: komda tmexxi diċ-ċerta idea fost l-adoloxxenti? It-360 grad hija sempliċement metafora idjomatika jew twemmin personali tiegħek? 360 grad bis-sod jew biss għall-mod tal-kelma?

Naqbel miegħek illi qatt ma nistgħu nsiru nafu persuna kompletament għax lanqas biss naslu nafu lilna nfusna – aħseb u ara. Wara kollox, jien l-ewwel waħda nemmen illi spiss nuru biċċiet differenti tagħna nfusna, dejjem skont in-nies illi nkunu qegħdin nagħmluha magħhom. Il-ħassieba Judith Butler tgħidilna li l-oskurità – il-fatt illi qatt ma nistgħu nsiru nafu lilna nfusna għalkollox – hija parti integrali mill-identità tagħna. Fi kliem ieħor, irridu naċċettawha. Iżda nemmen ukoll li tista’ ssir taf persuna sew ħafna. Ma nara xejn ħażin f’li żewġ min-nies tant iħossuhom qrib illi jħossuhom jafu kważi kollox dwar xulxin. Forsi din hija nozzjoni xi ftit idealista, iżda x’fiha ħażin illi tkun idealist ta’ ħmistax-il sena u temmen li tista’ ssir taf persuna minn fuq s’isfel? Wara kollox, l-idealiżmu jagħtina raġġ ta’ tama f’ħajjitna. Minkejja dan, sirt tafni 360° hija wkoll metafora idjomatika. Jon, il-protagonist, ried ifisser illi lil Claire taha ħafna minnu nnifsu – wisq iktar milli ta lil ħaddieħor. Għaldaqstant ħass illi permezz tal-ittri tiegħu l-protagonista Maltija saret tafu sewwa.

More in Arti