Letteratura | Il-ħsejjes imarrdu tat-tqattigħ tal-karti Il-lirika ta’ Mario Vella f’Rub Al Khali

Fil-paġna tal-Kunsll Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar il-lirika ta’ Mario Vella fl-album tal-Brikkuni Rub Al Khali. Billi jpoġġi dan ix-xogħol liriku f’paragun ma’ bosta albums tat-tqattigħ tal-karti – b’mod partikulari mal-album Over ta’ Peter Hammill – Saliba jikkumenta dwar il-merti liriċi ta’ dawn il-kanzunetti li fil-fehma tiegħu ffissaw standard ġdid għall-kitba ta’ din ix-xorta ta’ lirika fil-livell lokali.

“M’għad fadalli xejn għalxiex nissielet għajr għalbiex insemma’ dil-passjoni tiegħi ma nemmen f’xejn, f’ebda mkien fid-dinja”. Hekk werżaq il-kantawtur u poeta Peter Hammill lejn l-aħħar tas-snin sebgħin fi tmiem is-silta Betrayed – bla dubjuwieħed mill-iktar mumenti saljenti tal-album konfessjonali tiegħu Over (1977), jekk mhux ukoll tal-karriera prolifika kollha tiegħu. Niftakar li snin ilu kont iddeskrivejt dan l-album ferm għal qalbi, fuq xi sit mużikali li ormaj insejt liem wieħed kien, bħala “the definite break-up record”. 

Dejjem kelli interess qawwi f’din ix-xorta ta’ dokumenti mużikali li xi ftit jew wisq, b’xi mod jew ieħor, jaqgħu fil-kategorija tal-albums tat-tqattigħ tal-karti. Tul is-snin li kont qattajt nisma’ l-mużika b’mod assidwu  l-iktar mill-bidu tal-għoxrinijiet sa nofs it-tletinijiet  tajjeb jew ħażin smajt sa ħraqt bosta minnhom, spiss b’mod kronoloġiku. Xi wħud forsi wkoll iżżejjed. Ngħidu aħna Lady Sings the Blues (Billie Holiday, 1956), Frank Sinatra Sings for Only the Lonely (Frank Sinatra, 1958), Diamonds and Rust (Joan Baez, 1975), Lonely and Blue (Roy Orbison, 1961), Blue (Joni Mitchell, 1971), Blood on the Tracks (Bob Dylan, 1975), Here, My Dear (Marvin Gaye, 1978), Rumours (Fleetwood Mac, 1977), Tunnel of Love (Bruce Springsteen, 1987), Rid of Me (PJ Harvey, 1993), The Boatman’s Call (Nick Cave and the Bad Seeds, 1997), Sea Change (Beck, 2002) u Back to Black (Amy Winehouse, 2006)  sintendi. Tidher lista twila iżda mhix, żgur mhux itwal mis-sigħat meħtieġa biex dak li jkun jassorbi, fil-fond u bis-sħiħ, dawk il-ħsus kiebja li tħaddat tant tajjeb dwarhom Nick Cave fit-tħaditiet tiegħu The Secret Life of the Love Song u The Flesh Made Word.

Smajthom kemm smajthom, minn żmien għal żmien  wara t-tqattigħ tal-karti daqqa ma’ dik u daqqa mal-oħra  f’widnejja Over dejjem baqa’ jisboq bis-sod lil dawn il-ġabriet ta’ kanzunetti mnebbħa minn stejjer ta’ mħabba mitmuma. Mhux għax meta nqis kollox ngħoddu bl-aqwa wieħed fost dawn kollha. Anzi, nasal ngħid illi akkont f’bosta waqtiet ġieli nħossu mużikalment kemxejn batut u minn daqqiet forsi wkoll tedjanti. Iżda ġaladarba din qabelxejn strettament hija paġna letterarja hawnhekk forsi mhix ħaġa li noqgħod infettaq fi kwistjonijiet purament mużikoloġiċi. F’dan ir-rigward ngħid biss illi kollox ma’ kollox, almenu fis-suġġettività tiegħi, f’Over Hammill seħħlu jiffissa riga gwappa, aktarx singulari, sabiex japprezza u jipprezza albums ta’ din ix-xorta.

Issa niġi għall-punt: hekk ukoll nemmen illi għamel Mario Vella, tal-inqas żgur fix-xena mużikali lokali – daqs tliet snin u nofs ilu, sewwasew f’Jum San Valentinu – bil-lirika li ħażżeż għall-album tal-grupp Brikkuni Rub Al Khali. Insostni dan mhux għax nidentifika xebh mużikali qawwi bejn dawn it-tnejn, xejn affattu. U għad illi hawnhekk, irrid jew ma rridx, ikolli nikkonċentra l-iżjed fuq il-valur letterarju tal-lirika u tal-effetti katartiċi li dawn jistgħu jnisslu, lanqas ma qiegħed ngħid dan għax jidhirli li Over u Rub Al Khali jirribattu t-trawma tat-telf tal-maħbuba bl-istess ħsus preċiżi. Xejn minn dan. Niġu f’dan f’tal-ewwel nisimgħu spettru wiesa’ ħafna ta’ ħsus differenti, mid-disprament totali sar-riżentiment punġenti, mentri f’tal-aħħar b’ċerta sogħba ninnota nixfa ta’ burdati mdagħdgħa – element illi spiss infittex b’ċerta ħerqa f’avvenimenti mużikali ta’ din ix-xorta. Iżjed minn hekk, f’OverHammill ma jesprimi ebda ħjiel ta’ tama, fidwa jew ta’ xi għamla ta’ twemmin fl-ideali Romatiċi tas-seklu tmintax, lanqas f’waqtiet kalmi u introspettivi bħas-silta ċelebri This Side of the Looking Glass. Mario Vella, mill-banda l-oħra, f’dan it-“token break-up album”, jagħżel illi jħalli s-sliem jirrenja, spiss b’ton ta’ rassenjazzjoni li jagħti lok – l-iżjed fl-aħħar silta Ma Sejħet Ismek Nirtgħod – għall-possibbiltà ta’ traxxendenza spiritwali li lili spiss tfakkarni fis-silta And No More Shall We Part ta’ Nick Cave. Bħal Hammill, Vella jsemma’ l-passjoni li għaddiet għala minnu, iżda mbagħad, bil-kontra tiegħu, ma jiqafx jemmen.

Rub Al Khali u Kevin Saliba flimkien ma' Mario Vella, Ġugar, 2017
Rub Al Khali u Kevin Saliba flimkien ma' Mario Vella, Ġugar, 2017

Għaldaqstant f’dawn l-aspetti abbli hemm xmara taqsam bejn dawn iż-żewġ eżamplari liriċi. Biss, Hammill u Vella xorta waħda jiltaqgħu, fl-aħħar mill-aħħar, fil-fawwara tas-sinċerità għerija li mhux biss issawwar iżda wkoll tgħargħar lil dawn iż-żewġ eżerċizzji qalila ta’ trażmutazzjoni emozzjonali. Il-kritiku mużikali Michael P. Dawson f’reċensjoni li dehret fir-rivista elettromika Goldmine kien iddeskriva Over bħala “a stunning piece of verbal open-heart surgery, served well by its haunting musical settings”. L-istess kien għadda minn moħħi meta smajt dan l-album ta’ Mario Vella u l-Brikkuni, l-iżjed waqt is-siltiet ĊparAguirreGħaxar Snin,Stella u sintendi t-title track Rub Al Khali – aktarx l-ikbar diska li qatt ġiet irreġistrata fl-ilsien Malti.

Hemm wisq iżjed x’jingħad dwar Rub Al Khali. Ibda mill-bosta merti mużikali notevoli li ġibdu l-attenzjoni ta’ diversi semmiegħa u kritiċi lokali u spiċċa fil-modi kif dawn il-liriki offrewli tant wens fi żminijiet fejn anke jien kont għadni nittanta ngħaqqad dawk il-ħsejjes imarrdu tat-tqattigħ tal-karti, meta anke jien twaddabt “ġo qoffa mal-bqija”, meta anke jien twiddibt “b’dazji moħbija”, saħansitra anke meta “f’tarf ħalqi (wkoll) inġema’ l-abjad ta’ xlieqa”. Jiġri x’jiġri u “ddur kemm iddur iċ-ċentru jibqa’ fejn ikun”, iżda dan kollu mhux għal-lum.

“L-iżjed punt sensibbli f’dan il-luttu huwa li jkolli nitlef ċertu lingwaġġ – il-lingwaġġ tal-imħabba. Minn issa ’l quddiem daqshekk ser nibqa’ ngħid « inħobbok »” kien stqarr il-kittieb u filosofu Roland Barthes fil-kapolavur tiegħu Fragments d’un discours amoureux (Frammenti ta’ Diskors ta’ Mħabba). Għandu mnejn din il-kundanna kiefra tgħodd għal bosta maħbubin midruba – ma tridx wisq biex anke għalija l-ewwel wieħed. Iżda jekk qatt tassew kienet – issa wara Rub Al Khali – għandna għax nifhmu li m’għadhiex tgħodd għal Mario Vella.

More in Arti