Letteratura | Il-memorja kollettiva tal-poplu tagħna Għemilna, drawwietna, ġrajjietna

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam magħna l-ħsus u l-ħsibijiet tiegħu dwar iż-żewġ volumi etnografiċi Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom tal-kittieb u r-riċerkatur Dr. Steve Borg. Filwaqt li jagħmel dan fid-dawl tat-teoriji storjografiċi tal-istoriku Franċiż Fernand Braudel, jistaqsi jekk huwa bħala ċittadin Malti kif ukoll il-ġenerazzjonijiet Maltin tal-millenju tabilħaqq jistgħux jidentifikaw ruħhom mal- konċittadini li twieldu fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda. 

“L-istorja kollha jenħtieġ tiġi mobilizzata kemm-il darba tassew irridu nifhmu l-preżent”. Hekk kien stqarr l-istoriku ċelebri Franċiż Fernand Braudel. Tul is-snin, anke ferm qabel bdejt nieħu interess fit-teoriji u fil-ħidmiet storjografiċi tal-isotriċi tal-iskola t’Annales, is-sugu din l-istqarrija kont smajtha mingħand bosta persuni li b’xi mod jew ieħor ħallew marka sinifikanti fuq l-iżvilupp intellettwali tiegħi – mill-għannej Fredu Abela l-Bamboċċu fil-każin tal-futbol l-antik tal-Fgura sal-Professur Oliver Friggieri matul il-lezzjonijiet tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

Forsi ma setax jonqos illi dan id-diskors kważi dejjem smajtu b’referenza għat-tagħlim tal-ilsien Malti u tal-istorja tiegħu – dak l-element kulturali Malti li jisboq fil-wisa’, almenu fil-fehma tiegħi, lil kwalunkwe fenomenu kulturali ieħor illi qatt seta’ kellu dan il-poplu. Għaldaqstant il-biċċa l-kbira tar-riċerki tiegħi f’dan ir-rigward, tajjeb jew ħażin, wettaqthom f’din id-direzzjoni. Iżda l-lingwa, minkejja li filfatt mingħajrha ma tista’ tingħad u tinkiteb ebda storja, mhix l-istorja kollha. Lura għal kliem Braudel, jekk niġu f’dan “sempliċement ir-riħa tat-tisjir għandha l-ħila tevoka ċiviltà sħiħa”. 

Għandu mnejn nistgħu ngħidu dan b’referenza għal kull għemil, drawwa u ġrajja li ssawwar l-identità u l-memorja kollettiva ta’ poplu. Kemm ilu nafu dejjem dehrli li sewwasew hekk jemmen ir-riċerkatur Dr. Steve Borg. Sintendi, kull diskussjoni li kelli miegħu tul dawn l-aħħar snin dejjem telqet mill-kelma Maltija. Mal-ħin imbagħad sikwit kont insibni mitluf, anzi kważi misrum, f’taħditiet assidwi dwar il-fawna u l-flora, ix-xtieli u s-siġar, is-snajja’ u l-għodod, l-ikel u x-xorb, ir-raba’ u l-għelejjel, il-vetturi u l-bhejjem, l-istrumenti u l-makjetti, il-bliet, l-irħula u l-widien, l-immigrazzjonijiet, id-dijaspori u l-bqija. Ġieli ngħaqad magħna l-lessikografu Ġużi Gatt. Minn daqqiet kont nistaqsi lili nnifsi mnejn ġej dan it-tagħrif kollu, jekk xi mkien hemmx letteratura aċċessibbli li tiddokumenta l-imgħoddi mbiegħed ta’ niesi b’mod sistematiku. 

Jum minnhom, daqs erba’ snin ilu, it-tweġiba bħal waslet għandi waħidha waqt żjara bla ħsieb fir-residenza ta’ Borg: dakinhar ilmaħt għall-ewwel darba t-tiposkritt tal-ewwel volum tat-triloġija ta’ studji etnografiċi. Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethomgħoxrin sena riċerka ma taqta’ xejn, erbatax-il sena kitba, daqs terz ta’ miljun kelma. Sentejn ilu ħareġ it-tieni volum. It-tielet wieħed għandu jkun għandna dalwaqt. It-triloġija tirrakkonta l-ħajja ta’ diversi anzjani Maltin u Għawdxin li twieldu matul l-ewwel nofs tas-seklu li għadda. Ġaladarba ż-żmien ma jaħfirha lil ħadd ma setax jonqos li Borg ħtieġlu jwettaq dawn l-intervisti wiċċ imb wiċċ b’ċerta urġenza. Kif jirrimarka huwa stess fid-daħla għall-ewwel volum: “ma’ kull xiħ jew xiħa li tmut qiegħda tgħib parti minn Malta l-qadima, qiegħed jiftaqar bis-sħiħ l-ilsien Malti, tintesa xi ħila jew xi drawwa, xi talba, xi daqqa jew anki xi għanja antika”.

Ħtieġlu wkoll iwaqqa’ ċertu ħajt farradi li fl-imgħoddi kien ibejjen bis-sod l-irħula mill-bliet. Il-Professur Oliver Friggieri kemm-il darba ilmenta, spiss b’sogħba liema bħalha, li l-bliet u l-irħula tagħna mas-snin donnhom ilkoll saru xorta waħda u li għaldaqstant ormaj illum pajjiżna qisu sar belt waħda mdaqqsa. Għandi nifhem li Borg, għad illi ferm inqas imdaħħal fiż-żmien minn Frigigeri, fil-fond nett iħoss jagħfas fuqu l-istess diżappunt. Abbli kien dan is-sentiment, fost ħsus oħra, li nebbħuh ifittex iwettaq din ir-riċerka akkademika mill-aktar fis: niġu f’dan, Malta li għex fiha Borg tul żogħżitu żgur mhix dik li jgħix fiha llum. Ngħid għalija lanqas Malta li ħallejt warajja daqs ħmistax-il sena ilu mhi dik li sibt ma’ wiċċi daqs seba’ snin ilu meta fettilli niġi lura. Ħaġa ċara mbagħad li Malta li jiftakru l-anzjani li tħaddtu ma’ Borg illum bilkemm tingħaraf.

Dr. Steve Borg wettaq dan ix-xogħol etnografiku b’reqqa akkademika notevoli, tant li m’hemmx kapitlu wieħed li mhux imriffed b’bosta referenzi għal dokumenti storiċi maħżuna fil-Librerija Nazzjonali tal-Belt Valletta u fl-Arkivji Nazzjonali tal-Imdina u tar-Rabat Għawdex. Ta’ ġieħ ukoll l-użu l-ġmiel tiegħu tal-ilsien Malti u n-narrattiva fl-ewwel persuna li saħansitra t-tnejn jagħtu xeħta letterarja valida lil xogħol essenzjalment storjografiku. Mhux ta’ b’xejn li l-ewwel volum ta’ din is-sensiela rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tar-Riċerka Ġenerali. Biss, kif spiss sar jiġrili dan l-aħħar meta naqra kotba Maltin, il-mistoqsijiet li qajmu fija dawn iż-żewġ volumi tawni ferm iżjed fuq xiex naħseb mill-kontenut tar-riċerki nfushom. 

Jiena u naqra dwar l-aħħar tmunier ta’ dgħajsa tal-latini, ta’ Wied il-Għajnija għomorha u żmienha tagħmel il-gambli, ta’ bugħaddas Ġirbi li kien jogħdos bil-libsa tar-ras, tad-daqqaq Naxxari taż-żaqq, ta’ baħri u ħabbież minn Ħal-Qormi, ta’ familja li għexet fil-batterija ta’ Kemmuna u ta’ dik l-anzjana li oħroġ il-għaġeb għexet fil-‘Palazz’ ta’ din il-gżejra, il-ġrajjiet tal-familja Maltija Tripolitana involuta mal-ajruplani tal-baħar f’Marsaxlokk, ta’ Żebbuġi mgħallem fis-snajja’ tal-bini u tar-raba’ li jitħaddet b’dak il-kliem Malti li tant inħobb nisma’, taż-Żejtuni li kien jimla’ mellej tal-irfus fl-istivi, u mhux l-inqas dwar l-intriċċi bejn il-Faxxisti Taljani u l-imperjalisti Britanniċi tas-snin tletin, jien u naqra u nistħajjel dan kollu ma stajtx ma nistaqsix x’konnessjoni tassew fadalli  bħala Malti  ma’ dawn il-persunaġġi, ma’ dika l-klassi bniet tal-iskola primarja tal-gvern tal-Marsa li tidher fuq il-faċċata tal-ewwel volum, ma’ dawk il-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol li jidhru fuq dik tat-tieni.

Fernand Braudel kien wissiena wkoll illi “dejjem ser ikun hemm inħawi fejn l-istorja tad-dinja ma tasalx, inħawi ta’ skiet u injoranza mhux mimsusa”. Dan jista’ jingħad ukoll għall-istorja ta’ kull poplu. Allura nistaqsi wkoll kif din il-ġenerazzjoni Maltija li tiela’, l-hekk imjseħa tal-millenju – din il-ġenerazzjoni li forsi donnu qajla mqar fehmet biżżejjed l-implikazzjonijiet soċjoloġiċi u kulturali ta’ ġrajjiet soċjopolitiċi li ġraw biss mal-għoxrin sena ilu – tista’ qatt issib jew għall-inqas tara kemxejn lilha nfisha fil-memorja kollettiva ta’ dawn l-erwieħ hekk itturufnati.

Proprju jien u nikteb dan qiegħed nistaqsi wkoll jekk it-tagħrif illi nkun nista’ nagħti lil xi storiku dwar ġensi ħamsin sena oħra hux ser ikun siewi daqs dan illi ġabar Borg f’dawn il-volumi. Frankament, niddubita. La nerġa’ niltaqa’ ma’ Dr. Steve Borg nistaqsih ukoll bosta u bosta ħwejjeġ oħra.

Nistgħu ninterpretaw is-sensiela Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom bħala attentat f’waqtu kontra n-nisi. Ħabat li llum hawnhekk insejt ngħid ħafna xorti. Nittama li dakinhar ma ninsa xejn...

More in Arti