Letteratura | Rumanz pop relevanti

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam magħna ħsibijietu dwar ir-rumanz pop Iżżewwiġt Vegana (X’għamilt b’Idejja...) – traduzzjoni minn Ludvic Azzopardi Ferrando tar-rakkont Ho sposato una vegana (Una storia vera, purtroppo) ta’ Fausto Brizzi. Minkejja r-riżervi tiegħu rigward bosta rumanzi pop, Saliba jgħodd dan it-test b’rumanz relevanti għal żmienna, qabelxejn minħabba t-tema tal-etika fl-ikel. Filwaqt li jinnota l-ħila tat-traduttur, Saliba jkompli billi jiftaħ parenteżi dwar id-deċiżjoni li r-rumanz jiġi ppreżentat lill-qarrejja bħala adattament u mhux traduzzjoni.

Fausto Brizzi
Fausto Brizzi

Nistqarr li maż-żmien tlift l-interess f’rumanzi li b’xi mod jew ieħor jappartienu lill-ġeneru hekk imsejjaħ pop, l-iżjed dawk li joħorġu f’pajjiżna. Għaliex ġara dan ma nafx. Forsi għax ħafna drabi jidhirli li dan il-ġeneru ftit li xejn joffri varjetà. Forsi għax

fl-aħħar mill-aħħar, minkejja bosta differenzi, jidhirli li ħafna minnhom donnhom kollha l-istess: karattri simili, narrattivi prevedibbli, temi diġà eżawriti.

Ftit tal-ġimgħat ilu, wara żjara fl-isptar Mater Dei, inzerta li lmaħt traduzzjoni Maltija ta’ rumanz pjuttost simili fil-ħanut tal-kotba ta’ quddiem il-kafetterija: Iżżewwiġt Vegana (X’għamilt b’Idejja...) Kont diġà smajt bih mingħand xi ħbieb Taljani midħla tal-awtur u direttur ċinematografiku u teatrali Fausto Brizzi. Għall-ewwel kważi ma tajtx kasu, iżda mbagħad il-kurżità għelbitni u qbadt inqalleb fih addoċċ. Forsi għax kont qiegħed proprju l-isptar. Għandu mnejn għax it-temi ewlenin tar-rumanz – b’mod partikulari d-dieta u s-saħħa – snin ilu kont niddiskutihom qatigħ mat-traduttur Ludvic Azzopardi Ferrando. Jista’ jkun ukoll għax it-test sors ta’ dan ix-xogħol, Ho sposato una vegana (Una storia vera, purtroppo), ġieli rreferewni għalih xi ħbieb onnivori Taljani sabiex jispjegawli l-avventuri tagħhom bl-esperimenti fil-ħajja vegana jew veġetarjana. Għandu mnejn għax ifakkarni wkoll fl-esperimenti, din id-darba tiegħi, li kont nirrakkonta lit-traduttur... u xi ftit ukoll f’dika l-pizza stramba – nofsha bil-laħam u nofsha bil-ħaxix – li snin ilu kont qsamt ma’ ċerta veġeterjana li kont niffrekwenta.

Ludvic Azzopardi Ferrando
Ludvic Azzopardi Ferrando

Difatti r-rumanz jippreżentalna l-istorja vera ta’ koppja b’gosti nutrittivi opposti: Fausto onnivoru, Claudia vegana. Il-veganiżmu tal-mara tiegħu huwa pjuttost militanti, tant li iżjed għandu mill-ideoloġiji milli mill-gosti purament djeteteċi. Ma setax jonqos, għaldaqstant, li Claudia tagħmel ħilitha kollha biex tikkonverti lill-maħbub tagħha għal stil ta’ ħajja ferm differenti minn dak li kien dara: daqshekk bottijiet kbar tan-Nutella, addiju għaġin bil-Parmeggiano, daqshekk mitt ħaġa oħra li fiha “ammont ma jispiċċa qatt ta’ veleni għall-organiżmu”. Wara li jinħasel jenħtieġ iħalli l-arja tnixxfu minflok juża xugaman. Minn daqshekk – minkejja t-tradizzjonijiet kulinari tal-kultura Taljana – Claudia tippersisti u jirnexxielha, u kif. Iżda lejn l-aħħar imbagħad jiżvolġu ċerti żviluppi li jqajmu bosta mistoqsijiet...

Il-pubblikatur Merlin Publishers jinterpreta din ix-xejra pjuttost reċenti, voldieri “l-ikel tajjeb għas-saħħa u moralment aċċettabbli”, bħala waħda mill-ossessjonijiet tal-klassi tan-nofs ta’ żmienna. Jidhirli li dan mhux il-każ. F’dawn l-aħħar snin stajt nosserva kemm din ix-xorta kuxjenza – illum ferm iżjed aċċessibbli bis-saħħa tal-midja soċjali – bil-mod il-mod qiegħda trabbi wkoll l-għeruq tagħha fost il-klassijiet kollha. Għaldaqstant kemm il-pubblikatur u kemm it-traduttur għandhom għaliex ikunu kuntenti jekk f’dar-rigward forsi marru

xawgħiet, l-iżjed għax pubblikazzjonijiet b’temi bħal dawn sar ikollhom udjenzi ferm usa’. Wara kollox, wieħed mir-rwoli ta’ Merlin Publishers dejjem kien li jippubblika letteratura li tilħaq lil għadd kbir ta’ qarrejja differenti u mhux biss letterati u akkademiċi. F’dan ir-rigward l-għażla tat-traduzzjoni ta’ dan ir-rumanz pop relevanti ta’ Brizzi kienet deċiżjoni ferm għaqlija.

F’kummenti li kien ta lill-ġurnal lokali l-pubblikatur kien ilmenta li minkejja li l-kultura Taljana hija ferm qrib dik Maltija ftit li xejn aħna midħla tal-letteratura tal-ġirien tagħna. Esprima wkoll ix-xewqa li dan ir-rumanz ta’ Brizzi jkun pass importanti fit-tqarrib letterarju bejn dawn iż-żewġ popli. Kemm dan huwa tassew ma nafx, iżda hu x’inhu, f’din it-traduzzjoni ta’ Azzopardi Ferrando żgur hemm potenzjal biżżejjed biex dan tabilħaqq iseħħ. L-istil mexxej u idjomatiku tat-traduttur bosta drabi jħabbtuha tajjeb ħafna mal-pinna komika ta’ Brizzi, tant li l-umoriżmu divertenti li tant jispikka f’dan it-test spiss ma jintilifx.

Il-pubblikatur jiddeskrivi x-xogħol ta’ Azzopardi Ferrando bħala adattament u mhux traduzzjoni. Ngħid għalija dan il-fatt laqatni ħafna, tant li nemmen li jixraqlu din il-parenteżi. Tradizzjonalment it-terminu adattament kien jintuża sabiex jenfasizza li x-xogħol inkwistjoni jkun eżerċizzju letterarju trasformattiv illi fil-biċċa l-kbira ma jsegwix il-prassi klassika tat-traduzzjoni letterarja. Dan jiġri spiss f’każi meta test letterarju jiġi adattat għal mezzi artistiċi oħrajn, fosthom it-teatru u ċ-ċinema. F’dawn l-aħħar snin, madankollu, donnu t-tifsira ta’ dan it-terminu – għall-unqas f’ċerti ċrieki akkademċi – inbidlet b’tali mod illi ġieli saret tirreferi għal kull xogħol ta’ traduzzjoni. Saħansitra ġieli smajt it-termini tradattament.

Din id-deċiżjoni tal-pubblikatur kapaċi tqajjem bosta kwistjonijiet traduttoloġiċi. Għaliex qiegħed jiġri dan? X’siwi għandhom dawn it-termini? Tassew qegħdin jgħinuna? Fl-aħħar mill-aħħar, mhux kull traduzzjoni għandha effett trasformattiv? Kif ikkumentajt f’intervista mat-traduttologa Dr. Claudine Borg, ngħid għalija dejjem ippreferejt il-kelma trasformazzjoni minflok traduzzjoni. Jista’ jkun illi qegħdin naqtgħu qalbna mill-possibbiltà tat-traduzzjoni? Hu x’inhu, fejn ser naqtgħu linja bejn dawn il-ġeneri ta’ attivitajiet letterarji li jipproduċu test ġdid minn sors diġà eżistenti?

Deċiżjonijiet bħal dawn – almenu għat-traduttologi militanti – jistgħu jkunu ibsin daqs dawk illi jkollu jieħu Fausto f’dan ir-rakkont. Una storia vera, purtroppo..

More in Arti