Letteratura | 
Għar-ripar fiċ-ċpar... Oui, bien sûre...

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, din il-ġimgħa Kevin Saliba jmur lura f’Belt il-Lussemburgu permezz tal-ġabra ta’ stejjer qosra t’Alfred Sant Ċpar. Mir-rakkonti divertenti ta’ ċertu Dinu dlonk jgħaddi għat-tifsiriet psikoloġiċi serji tan-narrattivi ta’ Sant, sakemm għodwa minnhom isib ruħu mgeżwer ġo gverta kbira u ħoxna ta’ ċpar. Il-linja li tofroq il-ħolm mir-realtà tiddennes mhux ftit filwaqt illi tidħollu – f’tebqa t’għajn – stedina xejn mistennija biex imur ifittex iż-żmien mitluf

“Time’s up!”, smajtu jgħildilhom l-inviġilatur jien u ħiereġ qajqajl minn dika l-kamra ser taqa’ u ma taqax xi mkien lejn il-Forti Sant’Iermu. Kont diġà lestejt l-eżami għat-tradutturi daqs ħames minuti qabel. Warajja tfaċċa mill-bieb l-eks kollega tiegħi Sandro Mangion. “Time’s up. Oui, bien sûre...”, niftakarni ngħidlu jien u nieżel it-taraġ. Ħriġt minn hemm ġew b’ċerta ċertezza. Kont żgur li għamiltha. Wara dawk ix-xhur kollha nitħarreġ taħt Joe Felice Pace ridt inkun altru tromba biex ma ngħaddix. Almenu hekk kien żgurani d-direttur tal-kumpanija li kienet torganizza l-korsijiet fit-traduzzjoni...

Anke d-Dinu hekk kien qalli...

L-addiju għand id-Dinu

Dakinhar mill-Belt Valletta bqajt sejjer dritt ir-raħal bħal biex niċċelebra fil-ħanut tad-Dinu. ’Qas ilħaqt dħalt li m’għedtlux illi fi ftit ġimgħat oħra nkun tlaqt lejn Brussell. “Iss’int bħalek x’sejjer tagħmel hemm f’dak iċ-ċpar?,” qalli b’dak it-ton ċiniku tas-soltu huwa u jixxotta t-tazzi. “Xorta hemm rebħek mela ’qq**** Ġagint! Imbasta dejjem moħħok fi Fredu Sant! Xejn ma ngħidlek insomma – iddeverti!” Dak il-ħin ftit li xejn tajt kasu. Niġu f’dan kważi qatt ma tajt wisq kasu. Ma tridx tieħu għalih: ilsienu laxk u mar-raba’ grokk stenna minn kollox, fosthom bosta anedotti divertenti miżgħudin b’żinnati li qatt ma setgħu ġraw, dagħa ferm ikkulurit, botti u risposti u kulħadd jismu Karmu jew Ġagint. Iżda dik il-mistoqsija nejjieka baqgħet tħuf f’moħħi sikwit. “X’sejjer tagħmel hemm f’dak iċ-ċpar?” 

Mhux dik il-mistoqsija biss. Ix-xena komistorika kollha baqgħet tgħaddi minn quddiem għajnejja bosta drabi, qisha ħolma. Waħda minnhom meta snin wara, ċertu kittieb Malti – ħadd għajr Alfred Sant innifsu – ippubblika l-ġabra ta’ stejjer qosra Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti (2013). Dika l-ħabta inzerta kont ninsab bieżel inħejji kollox sabiex nerġa’ lura Malta wara tmien snin ngħix tabilħaqq fiċ-ċpar: mhux sewwasew fi Brussell iżda f’Belt il-Lussemburgu. Ħabat ukoll, bla ħsieb ta’ xejn, li dan kien l-ewwel ktieb bil-Malti li ġie f’idi malli nżilt lura – forsi għalkollox, min jaf? – fuq dina l-blata. 

Rakkonti divertenti?

F’din il-ġabra ta’ għaxar stejjer Sant kompla fejn kien ħalla daqs erba’ snin qabel fil-ġabra Pupu fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti (2009). Niftaħ daqsxejn ta’ parenteżi: l-enfażi fuq il-kelma divertimenti nsibha pjuttost mhux f’lokha minn kittieb tax-xeħta tiegħu. (Misteru dan, forsi daqs it-titli tal-artikli tiegħu fit-Times of Malta li dejjem kienu jibdihom bl-ittri Pr.) Niftakru jispjega, waqt intervista ma’ Norman Hamilton fuq One TV dwar Pupu fil-Baħar, li jenħtieġ illi kittieb tajjeb ikollu l-ħila jiddeverti lill-qarrejja. Għandu mnejn bil-kelma divertiment jien u Alfred Sant nifhmu ħwejjeġ differenti ħafna. B’dan mhux bilfors qiegħed ngħid illi Sant il-kittieb m’huwiex awtur divertenti, xejn affattu. Madankollu jidhirli li n-nom divertimenti ftit li xejn jagħmel ġieħ lir-rakkonti tiegħu. Forsi jixraq iżjed għall-istejjer mistħajla tad-Dinu. 

Hu x’inhu, divertenti jew mhux, bil-ġabra Ċpar Alfred Sant reġa’ kompla jsaħħaħ il-qagħda tiegħu fostna bħala wieħed mill-aqwa kittieba tagħna. U dan mhux biss bis-saħħa tal-ħakma soda tiegħu fuq l-ilsien Malti, iżda wkoll permezz tal-immaġinazzjoni tassew għammiela u tat-tekniki letterarji li spiss baqa’ jħaddem b’tant astuzja u ħila matul dawn l-aħħar tnejn u ħamsin sena. 

Għar-ripar fiċ-ċpar 

Sewwasew bħali, iċ-ċpar ma tantx idejqu lil Alfred Sant. Donnu anke hu jsib ripar fiċ-ċpar. Difatti f’artiklu qasir illi tella’ fis-sit web personali tiegħu daqs sena wara li dehret din il-ġabra kiteb hekk: “Stramb kif qed jispiċċa s-sajf fi Strasburgu fejn kont din il-ġimgħa għal-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew. Dis-sena qaluli għamlet ħafna xita matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Issa, it-temp qaleb għal bnazzi u sħana pjaċevoli, mhux waħda tifgak bl-umdità kif għadu qed jiġri f’Settembru fostna. Biss, ix-xemx tidher tard filgħodu, kwazi jkun wasal nofsinhar. Sa dak il-ħin, u speċjalment lejn id-disgħa, il-belt tkun maqbuda fi gverta kbira u ħoxna ta’ ċpar. Il-katidral tarah jintilef f’dil-gverta u anki l-ġnub tat-toroq minn fejn isuquk bilkemm jingħarfu. Mhux kulħadd iħobbhom dawn l-effetti. Lili jogħġbuni. Il-belt donnha tisbieħ bihom, aktar u aktar għax ma jgħabbukx bid-dwejjaq tar-riħ isfel. [...]”

Forsi din stqarrija tgħinna nifhmu aħjar il-leitmotiv ta’ din il-ġabra. Anke l-karattri li ħoloq fin-nisġa kumplessa ta’ dawn l-għaxar narrattivi jinsabu “maqbuda fi gverta kbira u ħoxna ta’ ċpar”. Bosta minnhom ftit li xejn ikollhom ħjiel dwar xi jridu tassew, xi ġralhom tabilħaqq, fejn sejrin sewwasew. Forsi b’mod xi ftit simili għall-esperiment letterarju tiegħu Bħal f’Dizzjunarju (2011), dan il-leitmotiv jirrappreżenta l-mod imdennes kif in-nies għandhom ħabta – fil-livell psikoloġiku – jiftakru jew ifissru l-ġrajjiet enigmatiċi ta’ ħajjithom. Kull rakkont f’din il-ġabra donnu mgeżwer fiċ-ċpar b’tali mod li l-qarrej jibqa’ sal-aħħar maqbud fl-istess dilemmi u inċertezzi li jkiddu lill-karattri ewlenin. 

It-temp ċlampu, il-viżibbiltà baxxa: min fettillu jħoll l-iskorfini tar-roti tal-bażwer li kraxxja fuq mara anzjana u qatilha? (Sens Ċiviku). X’kienu qed jagħmlu dawk is-seba’ rġiel f’dak ir-restorant waqt li fil-belt kienet qed tinġema’ dimostrazzjoni liema bħalha? (Fir-Restorant) X’mar jagħmel Carabott fil-Bajja l-Bajda? (Ġrajja Gotika). Tgħid hemm xi nasba moħbija xi mkien wara l-proposta taċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmenin anniversarju mit-twaqqif tal-Każin tal-Kjari? (It-Tmenin Anniversarju). Liem misteru forsi qed taħbi Klara minn Joyce? (Joyce u Klara). U kif u biex tassew miet it-teologu Tumas t’Akwinu? (Fossa Nuova)

Ħolma ġo ħolma

Din tal-aħħar hija bla dubju l-aqwa storja tal-ġabra. Ma trid xejn biex hija l-aqwa storja li qatt kiteb Sant. Madankollu ngħid għalija ebda waħda minnhom ma laqtitni daqs Ċpar, l-iżjed għax tittratta proprju t-temp mgħajjeb li sikwit rajtu jaqa’ – bħall-ħaqq fuq ir-residenti kollha – fuq il-pajjiżi Benelux, fosthom Brussell. Litteralment, din id-darba, kollox jiżvolġi f’toroq u fi pjazzez imċajpra waqt li Paula tipprova tissielet kontra d-diqa u d-dwejjaq li ħakmuha wara li tilfet impjieg li tant kien għal qalbha. 

Nistqarr li frisk lura Malta, jien u naqra din l-istorja, it-tmien snin tiegħi fil-Lussemburgu għaddew minn quddiem għajnejja bħal ħolma ġo ħolma kemxejn imċajpra li m’iniex fis-sew qattx għext, sewsew bħall-ħrejjef divertenti tad-Dinu. Iżda mbagħad, anke daqs tliet ġimgħat ilu meta qrajtha mill-ġdid għall-enneżima darba, bqajt mistgħaġeb kif kull dettall mistħajjel mill-pinna ta’ Sant seħħlu jqanqal fija tant u tant tifkiriet – bħalkieku jiena stess fl-imgħoddi kont – filfatt u fiċ-ċpar – uħud mit-tizji fittizji li jsawru din in-narrattiva daqstant familjari: Paula, Alex, Mauro, saħansitra l-istatista Monterro... mhux l-inqas Julie li – oħroġ il-għaġeb – kważi ma tgħid xejn għajr “oui, oui, bien sûre”. Imbagħad l-eżami u dak l-addiju ħelu għand id-Dinu... 

Għat-tfittxija taż-żmien mitluf 

“It-tifkir tal-ħwejjeġ mgħoddija mhux bilfors huwa t-tifkir tal-ħwejjeġ kif kienu tabilħaqq,” kiteb Marcel Proust fir-rumanz ċelebri tiegħu À la recherche du temps perdu (Għat-Tfittxija taż-Żmien Mitluf). Dan kien l-aħħar ħsieb li għadda minn moħħi qabel irqadt. Minn banda minnu: mir-rakkont Ċpar kont għext biss id-dettalji, f’pajjiż ieħor, fi bnadi differenti, ma’ nies oħra. Iżda xi tliet ġimgħat ilu, f’dik l-għaxija li qrajtu l-aħħar, billejl ħlomt b’Belt il-Lussemburgu kif niftakar illi kienet tassew – fiċ-ċpar għad illi biċ-ċar. Xħin stenbaħt l-għada filgħodu għal mument wieħed anke jien għoddni ħassejtni mgeżwer ġo “gverta kbira u ħoxna ta’ ċpar”, proprju fl-appartament li kelli f’Côte d’Eich. 

Ma skantajtx wisq. Hekk jew b’hekk kont ili x-xhur inberren, minn żmien għal żmien, li għandu mnejn wasal iż-żmien li mmur lura. Is-subkonxju għandu ħafna mill-istejjer tad-Dinu: mal-lejl anke mill-iċken tentufa jkewwes storja – il-linja rqiqa li tofroq il-ħolm mir-realtà tisfa’ mdensa qatigħ. Biex forsi ma tafx kif inlaħlaħ iċ-ċpar tan-ngħas ftaħt il-Facebook: intbaħt f’tebqa t’għajn li proprju tard fil-jum ta’ qabel, ċertu tali – ħadd għajr it-traduttur Malti tar-rumanz Għat-Tfittxija taż-Żmien Mitluf Paul Zahra – kien bagħat javżani li ħarġet sejħa ġdida għat-tradutturi. 

Time’s up?

“Mhux kulħadd iħobbhom dawn l-effetti. Lili jogħġbuni...” Nofsni mniegħes dlonk ftakart fir-rakkont illi qrajt qabel għajni marret bija. “Iċ-ċpar”, din id-darba f’għajnejja, “kien għadu nieżel karg, ileqq fid-dawl safrani tal-fanali mixgħula fil-vjal, bħal duħħan jitqanfed f’mewġ ma’ kullimkien”. Hekk tiftaħ l-istorja ta’ Sant. Forsi xi darba, mhux wisq ’il bogħod, għad nerġa’ nimraħ mill-ġdid lil hinn mid-dar, għar-ripar fiċ-ċpar. Għat-tfittxija taż-żmien mitluf. 

Oui, bien sûre..

More in Arti