Letteratura | L-Eżistenzajaliżmu Virtwali

Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, din il-ġimgħa Kevin Saliba jiddiskuti l-ġabra ta’ studji filosofiċiVirtual Existentialism (Meaning and Subjectivity in Virtual Worlds) ta’ Prof Stefano Gualeni u Dr Daniel Vella. Jibda billi jagħraf bis-sħiħ il-ħtieġa u s-siwi ta’ din id-dixxiplina akkademika emerġenti, b’mod speċjali fil-filosofija u fil-psikoloġija. Iqis din il-ġabra bħala punt ta’ tluq validu ħafna biex tinfetaħ diskussjoni dwar l-eżistenzjaliżmu virtwali f’pajjiżna. L-analiżi tiegħu madankollu tkompli billi tesprimi xettiċiżmu dwar jekk id-dinjiet virtwali tabilħaqq joffrux kontinwità awtentika mad-dinja attwali u dwar jekk l-essri-fid-dinja-virtwali għandux xi vantaġġi eżistenzjali kbar fuq l-essri-fid-dinja-attwali. Saliba jemmen ili fl-aħħar mill-aħħar fil-biċċa l-kbira m’għandux, tant li jisħaq illi dina x-xorta ta’ konnessjoni f’bosta persuni għandha l-potenzjali li tikkawża sens ta’ skonnessjoni ontoloġika.

Ftit tas-snin ilu għalliema tal-filosofija kient ilmentat miegħi li l-istidji dwar id-dinja virtwali saru prominenti ħafna f’ċerti universitajiet fl-Ewropa. Kienet qasmet miegħi t-tħassib tagħha li dawn is-suġġetti m’għandhomx jingħataw wisq importanza, l-iżjed fil-fakultajiet tal-filosofija fejn suppost isir tagħlim dwar materji iżjed “serji”. “Donnu sar suġġett leġittimu dan, din il-ħaġa ma tkiddekx?”, staqsietni.

Kienu rimarki li laqtuni qatigħ. Minn banda għax dejjem kont tal-fehma li l-filosofija u l-psikoloġija m’għandhom qatt joqogħdu lura milli jistħarrġu l-fenomeni dominanti li jikkaratterizzaw l-epoka tagħhom. Għaldaqstant parti minni qajla setgħet tifhem għala din l-għalliema – minkejja l-intellett tagħha – kienet qiegħda

turi oppożizzjoni bħali din. Mill-banda l-oħra, parti minni – dika l-ħabta iżgħar – setgħet tifhem it-tħassib tagħha rigward il-fatt li d-dimensjoni tad-dinja virtwali saret tokkupa spazu tant u tant kbir fil-eżistenza tagħna. Dak iż-żmien ġo fija kienu diġà bdew jinbtu bosta riżervi dwar dan il-fenomenu. Maż-żmien dawn ir-riżervi komplew jikbru, tant li ormaj saru mhux biss tħassib ta’ natura purament filosofika iżjed żviluppaw fi ħsus li ngħid għalija ngħoddhom b’serji ħafna. Fi ftit kliem, mal-mogħidija tas-snin dan it-tħassib flimkien mal-esperjenza tiegħi ta’ kulma hu irreali welled fija stat li minn żmien għal żmien baqa’ jaħkimni: is-sikkaġni bi kważi kulma huwa virtwali.

Dixxiplina akkademika emerġenti

Madankollu ltqajt b’ferħa l-aħbar illi żewġ għalliema Maltin fl-Istitut tal-Logħob Virtwali tal-Università ta’ Malta – Prof Stefano Gualeni u Dr Daniel Vella – ippubblikaw ktieb mal-pubblikatur Palgrave Pivot – ippubblikaw flimkien ġabra ta’ studji ferm metħtieġa u tassew interessanti dwar ir-rapport bejn l-eżistenzjaliżmu u d-dinja virtwali. Din il-ġabra ta’ essejs filosofiċi – Virtual Existentialism (Meaning and Subjectivity in Virtual Worlds) – tiġbor fiha t-tkomplija tal-ktieb Virtual Worlds as Philosophical Tools ta’ Dr. Gualeni u l-aħħar żviluppi fuq it-teżi tad-Dottorat ta’ Dr. Vella rigward is-suġġettività u d-dinja tal-logħob virtwali. Is-sodisfazzjon tiegħi b’din l-aħbar ġej l-iżjed mill-fatt li minkejja l-attitudni attwali tiegħi li din id-dimensjoni, minn dejjem kont tal-fehma li l-eżistenzjaliżmu għandna tkun għodd filosofika ewlenija fl-istħarriġ ta’ fenomi bħal dawn li għandhom potenzjal biex jittrasformaw b’mod radikali l-modi kif ninteraġixxu magħna nfusna, mal-oħrajn u mad-dinja.

Daqstant ieħor nemmen illi d-dimensjoni virtwali għandha tiġi mistħarrġa bis-sħiħ ukoll mill-psikoloġija, tant li f’dawn l-aħħar xhur bosta mir-riċerki tiegħi ħadu din l-iżvolta b’enfażi fuq il-midja soċjali. Il-mistoqsija ewlenija li jpoġġi Prof Gualeni fil-ktieb tiegħu – imnebbħa mill-postfenomenoliġija u mir-riflessjonijiet seminali ta’ Martin Heidegger dwar it-teknoloġija – hija jekk id-dinjiet li mhumiex attwali

jistgħux jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-fil-filosofija. It-twemmin tiegħi f’dar-rigward huwa affermattiv ħafna u għaldaqshekk il-ħidma ta’ dawn l-istudji emerġenti ma tkiddnix – xejn affattu. Pjuttost huma, ngħid għalija, l-efffetti eżistenzjali u psikoloġiċi ta’ tad-dinja virtwali – kemm fuqi nnifsi u kemm fuq l-oħrajn – li xi minn daqqiet għandhom ħabta jkidduni. Niġi għal dan iżjed tard.

Xogħol akkademiku validu

Qabelxejn nifraħ lil Prof Gualeni u Dr Vella ta’ dan ix-xogħol akkademiku validu li wettqu. Kien ta’ gost kbir għalija li naqra diskussjonijiet validi ħafna dwar dan il-fenomenu b’referenzi kontinwi għal diversi eżistenzjalisti, fosthom Eugen Fink, Helmuth Plessner Martin Heidegger, Jean-Paul Sartre u Hubert Dreyfus – ħassieba li maż-żmien ifluwenzaw bil-kbir il-mod kif naħseb dwar il-valur tad-dinja virtwali b’mod ġenerali. Il-kittieb tad-daħla, Olli Tapio Leino mill-iSchool of Creative Media ta’ Hong Kong, jiftaħ il-ktieb billi jilmenta dwar il-falliment ta’ ħassieba bħal Dreyfus li jifhmu s-siwi eżistenzjali tad-dinjiet virtwali. Għad illi f’dar-rigward g’bosta aspetti l-pożizzjoni tiegħi hija pjuttost kuntrarja, xorta waħda ħadt gost nara li studju bħal dan irrefera għax-xogħol ta’ dan l-iskular Amerikan ta’ Heidegger illi b’xorti ħażina ħalliena m’ilux. Il-pożizzjoni Prof Gualeni u Dr Vella, min-naħa l-oħra, tvarja ħafna u tagħti stampa pjuttost inbilanċjata dwar bosta kwistjonijiet eżistenzjali pertinenti. Matul il-ktieb fost ideat oħrajn jevalwav l-argument li l-logħob virtwali minnfhom infushom huma essenzjalment strutturi eżistenzjali li saħansitra jeħtieġu wkoll il-kura. B’mod simili jissuġġerixxi li minflok ngħoddu lil dawn l-istrutturi eżistenzjali b’alternattivi għad-dinja attwali forsi jenħtieġ inqisuhom bħala dominji eżistenzjali ġodda li jixxebilku mal-essri tagħna fid-dinja attwali u saħansitra jiddependu minnhom.

Ngħid għalija minkejja li ma nħossx li għandi niċħda il-valur filosofiku ta’ din il-pożizzjoni, xorta waħda nibqa’ nħoss ċerti riżervi. L-argumenti ta’ Prof Gualeni u Dr Vella huma luċidi, riċerkati u elaborati. Biss, kull meta niltaqa’ ma’ difiżi skjetti u konvinċneti ta’ din ix-xorta – minkejja li nagħraf il-validità tagħhom – xorta waħda

nibqa’ b’dika t-togħma morra. Nistqarr li l-kompetenza tiegħi f’dan il-qasam – sewwasew fir-rapport bejn l-eżistenzjaliżmu u d-dinja virtwali – m’huwiex komplut u rigoruż daqs ta’ dawn iż-żewġ ħassieba. Għaldaqstant għandu mnejn f’dan l-istadju l-argumenti tiegħi m’humiex konvinċenti għall-aħħar, forsi wkoll xi minn daqqiet kemxejn superfiċjali. Madankollu naqra kemm naqra teoriji konviċenti dwar l-impatt eżistenzjali pożittivi tad-dinjiet virtwali f’sens wiesa’, il-ħsibijiet tiegħi iżjed donnhom jibqgħu leali lejn kif minkejja kollox inħossuna fis-dinja xħin nidħlu f’dad-dimensjonijiet.

Konnessjoni jew skonnessjoni?

Argument bħal dan jenħtieġ ferm iżjed spazju. Jista’ jkun li l-fehmiet tiegħi huma influwenzati żżejjed mit-tħassib tiegħi rigward l-effetti eżistenzali (u psikoloġiċi) diżastrużi li – fil-fehma tiegħi iżda mhux biss – il-mezzi tal-midja soċjali qegħdin iħallu fuqna lkoll. Mill-banda l-oħra, jidhirli li diffiċli tifred għalkollox il-logħob virtwali mill-midja soċjali u għaldaqshekk għandi tendenza nissuspetta li hemm bosta argumenti li jgħoddu għaż-żewġ dinjiet virtwali daqsinsew. Uħud mill-argumenti mressqa fil-ġabraVirtual Existentialism (Meaning and Subjectivity in Virtual Worlds) ġieli jissuġġerixxu li d-dinja virtwali tista’ titqies bħala tkomplija tad-dinja attwali iżjed milli bħala interruzzjoni. Fis-suġġettività din l-esperjenza nħossha ftit li xejn, tant li ironikament spiss inġarrab il-konnessjoni virtwali – b’mod speċjali l-midja soċjali – bħala skonnessjoni ontoloġika li toħnoq il-komunikazzjoni umana u mhux l-inqas l-awtentiċità tal-essri tagħna fid-dinja. Forsi jien antikwat: il-fehmiet tiegħi f’dan ir-rigward ma jitbegħdux wisq minn ċerti twissijiet profetiċi ta’ Heidegger dwar it-teknoloġija u mill-ilmenti provokanti ta’ Dreyfus rigward id-dinjiet virtwali b’mod partikulari u l-internet b’mod ġenerali. Żgur m’iniex waħdi f’din il-fehma.

Il-ħarba fl-immaġinarju

L-argument interessanti ħafna li jsir f’Kapitlu 5, fejn id-diskussjoni tkompli b’referenzi għax-xogħol ta’ Sartre L-Immaġinarju (L’Imaginaire), huwa bla dubju

wieħed mill-punti saljenti ta’ din il-ġabra ta’ studji. Hawnhekk naqbel bis-sħiħ mal-idea li ma nistgħux ngħaddu mingħajr ma naħarbu fl-immaġinarju – u għaldaqstant segwejt b’interess kbir l-analiżi taż-żewġ letturi bejn il-virtwlità suġġettiva ta’ dawn id-dimensjonijiet u t-tenettivi bikrin ta’ Sartre li jifhem l-istrutturi tal-koxjenza b’mod fenomenoloġiku.

Madankollu nibqa’ nistaqsi: huwa vallapena li naħarbu mill-essri-fid-dinja billi nfittxu refuġju proprju f’dina x-xorta ta’ immaġinarju? L-essri-fid-dinja-virtwali għandu xi vantaġġi eżistenzjali fuq l-essri-fid-dinja-attwali? L-esperjenza suġġettiva tiegħi – u ta’ bosta persuni li ltqajt magħhom b’mod attwali, virtwali u anke f’ċerti riċerki – tissuġġerixxi li f’dan kollu vantaġġi hemm ftit li xejn. Hu x’inhu tassew nirrakkomanda ħafa din il-ġabra ta’ Prof Gualeni u Dr Vella, b’mod partikulari lill-istudenti tal-filosofija u tal-psikoliġija li għandhom interess fid-dinamiċi tad-dinja virtwali. Nispera li dan il-ktieb flimkien ma’ dawn il-ftit ħsibijiet tiegħi dwaru jkunu punt ta’ tluq illi jifaħ din id-diskussjoni fost l-intellettwali tagħna, bit-tama li nifhmu aħjar x’qed nerbħu u x’qed niċħdu – b’mod speċjali bħala eżistenti soċjali – meta ninxteħu f’dimensjonijiet fejn fuq kollox issaltan l-immaġni virtwali.

More in Arti