Letteratura | Iċ-Ċelibat u l-Lil Hinn

Fil-paġna mtella' mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, din il-ġimgħa, Kevin Saliba jiftaħ djalogu mal-kittieb, direttur teatrali u studjuż tar-reliġjon Dr. Tyrone Grima. It-taħdita tiftaħ b’diskussjoni rigward it-teatru mnebbaħ mill-ħidma soċjali – fil-kuntest tad-dramm Zayden – b’enfażi fuq il-ħtieġa li mid-dimensjonijiet soċjali ngħaddu għal dawk psikoloġiċi. Id-djalogu jkompli billi jistħarreġ iċ-ċelibat u l-lil hinn, qabelxejn billi jiffoka fuq it-tensjonijiet bejn is-sesswalità umana u r-reliġjon Kattolika fil-letteratura ta’ Grima – għall-ewwel b’aċċenn qawwi fuq ir-realtajiet tal-persuni LGBTI u mbagħad b’referenzikomparattivi għall-qagħda tas-sesswalità fil-kulturi Orjentali u f’ċerti skejjel mistiċi Kristjani. Saliba jinterroga wkoll lil Grima dwar it-teoloġija apofatika tal-filosofa u mistika Franċiża Susan Weil u dwar l-aspetti teatriċi fir-ritwali reliġjużi u d-dimensjonijet spiritwali tat-teatru esperimentali.

L-aħħar rappreżentazzjoni teatrali tiegħek tittratta temi soċjali. Qiegħed nirreferi għax-xogħol drammatiku Zayden illi – kif stqarrejt int stess f’intervista li saritlek minn Rachael Deguara għas-sensiela Taħt il-Qoxra – kien imnebbaħ min-narrattivi li ltqajt magħhom matul il-ħidma soċjali tiegħek f’Dar Osanna Pia u f’Dar Mamma Margherita ma’ rġiel żgħażagħ li jisfgħu bla dar. Fost ir-rimarki tiegħek dwar din il-pjaga soċjali spikka – almenu fis-suġġettività tiegħi li tisħaq ħafna fuq id-dinamiċi mentali tal-individwu – il-fehma li bosta minn dawn il-każi soċjali għandhom għeruq u dimensjonijiet psikoloġiċi. Nemmen illi hemm bosta fatturi soċjali li bla dubju għandhom sehem ewlieni fil-kawżi ta’ dawn il-fenomeni. Għaldaqstant daqstant ieħor nemmen illi dawn iridu jiġu ttrattati wkoll b’miżuri u b’interventi soċjali. Biss, madankollu nemmen bis-sħiħ li qabelxejn – kemm-il darba rridu nfejqu l-persuna iżjed milli nattakkaw is-sintomi – jenħtieġ immorru f’ras il-għajn billi nistħarrġu d-dinamiċi mentali tal-individwu. Hawnhekk qed nalludi l-iżjed għall-ġrieħi li mhux biss maż-żmien jikkaġunaw tisfil notevoli fl-istatus soċjali tal-individwu iżda mbagħad ukoll ikomplu jnixxu d-dmija kaġun tal-problemi prekarji li jġib miegħu dan l-istess tisfil. Kemm taħseb illi l-istrutturi soċjali tagħna jinsabu konxji mill-ħtieġa li qabelxejn jaqbel nittrattaw dawn l-isfreġji fil-psike? Sa liema punt taħseb li hemm – anke fil-karattru ta’ Zayden – rabtiet intrinsiċi bejn l-għaks f’sens wiesa’ u d-diżordnijiet fil-personalità?

Diffiċli ħafna tifred is-soċjali mill-psikoloġiku. Din hija t-tensjoni bejn nature nurture: bosta drabi diffiċli tgħid xi jkunu l-għeruq tas-sitwazzjoni problematika tal-persuna. Naqbel li importanti li ż-żewġ dimensjonijiet jingħataw attenzjoni jekk tassew irridu li l-persuna tikber b’mod olostiku. Is-soltu meta niffokaw fuq l-element soċjali niksbu riżultat iktar imminenti imma xorta ma nfejqux il-ġrieħi iktar profondi li ħafna drabi jkunu ġejjin mit-tfulija. F’Zaydendan l-aspett joħroġ ċar. L-udjenza rat li minkejja li Zayden (isem fittizju u stojra mibnija fuq bosta rakkonti) sab għajnuna u strutturi biex ikun jista’ jibda kapitlu ġdid u jintegra ruħu aħjar fis-soċjetà Maltija, il-bżonn iktar qawwi tal-imħabba u tas-sens ta’ familja waqqfuh milli jilħaq il-potenzjal tiegħu. Meta ħdimna fuq dan ix-xogħol teatrali jien u l-attur protagonist Jacob Piccinino domna ħafna nesploraw kif ser intemmu d-dramm proprju minħabba din il-kwistjoni. Ridna fairy tale ending fejn fl-aħħar mill-aħħar, minkejja n-negliġenza tal-ġenituri, Zayden xorta waħda jsib il-paċi? Ħassejna li tmiem bħal dan seta’ jserraħ wisq il-kuxjenza tal-udjenza billi jagħtiha dak illi tixtieq tara u tisma’ (wish fulfilment) iktar milli jqajjem sensibilizzazzjoni soċjali dwar dak illi fil-fatt hu. Fl-aħħar mill-aħħar (u did-deċiżjoni wasalna għaliha biss daqs jumejn qabel l-ewwel rappreżentazzjoni!) ħolqna tmiem fejn Zayden jibqa’ jħoss it-tbatija tal-ġerħa tiegħu, anke fuq il-livell psikoloġiku. Imma l-mistoqsija tibqa’ tberren f’moħħu, daqskemm tibqa’ tberren, nittama, fl-imħuħ ta’ dawk li raw id-dramm.

Fl-2013 ippubblikajt ir-rumanz Bep – wieħed mill-ewwel rumanzi biMalti li jittratta bis-sħiħ l-isfidi relazzjonali bejn il-persuni gay u l-bosta tensjonijiet illi dawn ir-rapporti jistgħu jqanqlu, l-iżjed sforz ċerti preġudizzji soċjali u reliġjużi. Ir-rumanz ħareġ ftit qabel f’pajjiżna daħlu fis-seħħ għadd ta’ drittijiet ċivili li ffaċilitaw bil-kbir il-ħajja soċjali tal-persuni LGBTI. L-ispirtu leġiżlattiv ta’ dawn il-bidliet pjuttost radikali kien imsejjes, almenu sa ċertu punt, fuq it-tama li maż-żmien dawn l-avvanzi ċivili jġibu magħhom wkoll bidla radikali fil-mod kif is-soċjetà tipperċepixxi, tagħraf, tapprezza u saħansitra tiċċelebra l-kumplessitajiet affaxinanti u vasti li jsawru l-ispettru wiesa’ tas-sesswalità umana. Kemm taħseb illi dawn il-bidliet leġiżlattivi tabilħaqq issarrfu wkoll fi żviluppi kollettivi fl-attitudnijiet tas-soċjetà lejn l-impulsi erotiċi non-eterosesswali? In-narrattiva tal-koppja gay fir-rumanz Bep tispiċċa ħażin ħafna. Taħseb illi din forsi kienet tieħu żvolta kemxejn differenti fil-kuntest leġiżlattiv ta’ żmienna?

Il-qabża bejn tfassil ta’ sistema leġiżlattiva u bidla fil-mentalità ta’ poplu hija immensa. Mentri l-liġijiet jistgħu jinbidlu fi ftit snin jekk mhux anke xhur, il-perċezzjonijiet tan-nies idumu bil-wisq iktar. Minn banda naħseb illi fil-kuntest lokali l-bidliet leġiżlattivi għenu ħafna: il-mentalità Maltija dwar ir-realtajiet u r-relazzjonijiet LGBTI akkont tjiebet. B’danakollu ma rridx nagħti l-impressjoni li f’pajjiżna l-omofobija issa għebet għalkollox. Għadna nisimgħu, anke b’mod kemxejn regolari, dwar diversi każi ta’ omofobija. Is-sitwazzjoni tiggrava meta niġu għat-transfobija: minkejja l-liġijiet li daħlu fis-seħħ jidher li l-poplu għadu ma jistax jagħraf li s-sesswalità tal-bniedem hija wisq iktar kumplessa u varjata mis-sempliċement binarju raġel-mara. Nemmen illi f’dan il-qasam neħtieġu iktar edukazzjoni u għarfien. Importanti wkoll li nisħaq li ħafna drabi s-sitwazzjoni tjiebet l-iżjed għall-faxxa soċjali tal-komunità LGBTI. Spiss ninsew lill-persuni li jissieltu f’livelli differenti ta’ realtà, bħal pereżempju migranti LGBTI, jew nies LGBTI b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali jew ta’ faqar. Fi kliem ieħor, il-mixja hija ħafna itwal. Il-bidliet leġiżlattivi kienu bidu importanti ħafna, iżda ma nistgħux nieqfu hemm jew inserrħu rasna li issa kollox sar ward u zahar. 

Interessanti d-domanda dwar jekk it-tmiem ta’ Bep kienx ikun differenti kieku nkiteb imqar sentejn jew tlieta wara li ħareġ. Impossibbli nweġibha, qabelxejn għax ir-rumanz issa ormaj lest u hu dak li hu. Diffiċli nimmaġina tmiem ieħor. Barra minn hekk rumanz jinkiteb f’kuntesti speċifiċi, bħall-ħajja personali tal-awtur u l-qagħda soċjopolitika. Fiż-żmien li ktibt u ppubblikajt il-ktieb lanqas biss kont noħlom li fi żmien sentejn il-Gvern kien ser idaħħal il-miżuri li daħħal. Però, minkejja kollox, għandu mnejn (u din hi assunzjoni totalment ipotetika) li t-tmiem xorta waħda ma kienx ikun differenti. Għad hawn ħafna nies li qed ibatu minħabba l-preġudiżżji soċjali. Għad hawn familji li ma jaċċettawx li uliedhom ikunu f’relazzjoni li f’għajnejhom mhix leġittima. Għad hawn bosta nies b’ideat reliġjużi riġidi – forsi anke sforz ċerta trobbija jew ‘edukazzjoni’ li ngħataw – li baqgħu ma jistgħux japprezzaw is-sbuħija tar-relazzjonijiet LGBTI, anke f’kuntest ta’ fidi reliġjuża. Nemmen bis-sħiħ li s-saga ta’ Nick u ta’ Bep għadha sseħħ. Forsi mhux daqs għaxar jew ħmsitax-il sena ilu (nittama), imma nies li jbatu minħabba fatturi soċjoreliġjużi għadhom jeżistu.

Fil-proża tiegħek spiss tispikka t-tensjoni bejn ir-reliġjuż u l-karnali, bejn is-sesswalità u l-ispirtwalità. Nistgħu ninterpretaw dina l-ansjetà bħala taqbida – eżistenzjali, psikoloġika, ontoloġika – bejn l-Assolut astratt u r-relattiv konkret tramite l-vejjiklu konjugali tas-sesswalità. Dan mhux biss fir-rumanz Bep iżda forsi wkoll fil-ġabra ta’ novelli Frekwenzi Ħiemda u b’mod partikulari aktar qabel fir-rumanz Celibacy – rumanz li fost ħwejeġ oħra jistħarreġ ir-rapport bejn iċ-ċelibat u l-lil hinn. B’xorti ħażina kif taf fil-kultura Abramika li writna hemm tendenzi erotofobiċi innegabbli – riċetta perfetta għal bosta patoloġiji psikosesswali nevrotiċi. Jekk niġu f’dan, il-perċezzjoni tal-Knisja Kattolika Rumana rigward is-sesswalità – almenu dik uffiċjali kif imfissra fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – fl-aħħar mill-aħħar fil-biċċa l-kbira ma tbedgħdix wisq mill-fehmiet tas-Santi Padri. Ngħiduha kif inhi: il-Kristjaneżmu fil-biċċa l-kbira qatt ma kien xi moviment seksi. Hemm kuntrast kbir bejn din l-attitudni u dik li nsibu f’bosta reliġjonijiet tal-Orjent – fosthom dawk Taositi, Tantriċi u Vediċi – fejn is-sesswalità saħansitra tingħadd b’teknoloġija enerġetika tremenda li kapaċi tiftaħ bosta bibien għal stati spiritwali mistiċi. Kif tinkwadra lil Father Paul – il-karattru ewlieni f’Celibacy – fil-kuntest ta’ din l-aberrazzjoni dogmatika? 

Is-sesswalità fil-kuntest Kattoliku huwa suġġett interesanti ħafna. Kif osservajt inti din stħarriġtha kważi fil-kitbiet kollha tiegħi. Minħabba diversi influwenzi fuq il-Kattoliċeżmu, fosthom ngħidu aħna l-miżinterpretazzjoni tat-teoloġija Pawlina, l-influwenza tal-filosofija Agostinjana u iktar tard il-Ġanseniżmu (li anki jekk l-Instituzzjoni tal-Knisja kkundannatu, xorta waħda ħalla influwenza kbira fid-dinja Kattolika) hemm diversi testi fejn tispikka ċerta integrazzjoni bejn l-erotiku u l-ispiritwali. Il-kitbiet mistiċi, b’mod partikulari dawk Medjavali imma anke oħrajn li ġew iżjed tard, jagħtu stampa differenti. F’moħħi dal-ħin qed jiġuni l-poeżiji ta’ San Ġwann tas-Salib, fejn hemm element omoerotiku qawwi. Ovvjament f’dal-każ ix-xewqat ta’ natura erotika huma indirizzati lejn Ġesù. Imma minkejja t-twemmin fuq in-natura Divina ta’ Kristu, dawn il-mistiċi jisħqu wkoll fuq il-persuna umana tiegħu. Mhux ta’ b’xejn allura li dawn il-kitbiet mhux dejjem ġew aċċettati minnufih mill-Instituzzjoni.

Father Paul għandu żewġ elementi importanti fil-karattru. Hemm l-aspett appostoliku – fil-każ tiegħu ribelluż. Ma jibżax jeħodha kontra l-istatus quo tal-Knisja, anke fit-tagħlim dwar il-moralità. U dan mhux għax huwa xi enfant terrible imma għax jemmen illi b’hekk biss jista’ jagħmel iktar ġid. Għandu l-ħila jagħraf il-vulnerabbiltà tiegħu u jesprimi ruħu dwarha, saħansitra fil-pubbliku. Jaħasra, mhux li kien li għadd ta’ saċerdoti f’pajjiżna mqar jaslu sa dan il-livell. Imma mbagħad hemm ukoll l-aspett mistiku li jispikka fl-aħħar parti tan-narrativa. Ma naħsbix li nistgħu nippreżentaw lil Father Paul bħala mudell ta’ integrazzjoni. Fil-fatt l-element tal-erotiku, minkejja l-ħidma appostolika, fil-ħajja intima tiegħu xorta waħda baqa’ għajn ta’ turbulazzjoni. Xi wħud jinterpretaw id-deċiżjoni li jieħu fl-aħħar, jiġifieri li jmur f’art missjunarja wara l-esperjenza mistika li jġarrab fuq l-għolja (esperjenza li qatt ma tiġi deskrita jew spjegata fir-rumanz), bħala ħarba skjetta mill-integrazzjoni. Jista’ jkun illi n-ninfi tal-pjaċir Father Paul kien għadu jarahom bħala demonji u ma kienx għadu għaraf l-aspett anġeliku tagħhom.

Dan l-aħħar temmejt id-dottorat tiegħek fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija b’teżi fuq il-filosfa, mistika u attivista soċjali Franċiża Simone Weil. Qabelxejn nifraħlek. Ngħodd lil Weil b’waħda mill-iżjed mistiċi u teologi interessanti tas-seklu 20. Fil-kostituzzjoni tat-teoloġija apofatika ta’ Weil nistgħu nidentifikaw – mhux bilfors bis-sħiħ iżda xorta waħda bis-sod – bosta traċċi ċari ta’ kurrenti ewlenin ta’ ħsieb reliġjuż, bħal ngħidu aħna t-Teoloġija tal-Proċess tal-filosofu Ingliż Alfred North Whitehead kif ukoll il-via negativa ta’ Meister Eickhart u ta’ San Ġwann tas-Salib. Nidentifika wkoll ċerti aspetti tal-Buddiżmu Zen kif mifhum minn Daisetsu Teitaro Suzuki u minn xi esponenti tal-Iskola ta’ Kjoto. Nilmaħ ukoll ċerti Upanisadi. Fid-dawl ta’ dan, forsi ċerti skulari reliġjużi jitħajru jinkwadraw lil Weil bħala esponenta Oċċidentali tal-Filosofija Perenni. Iżda le – minkejja l-interess tagħha f’bosta djien – fosthom Eġizzjani, Elleniċi, Vediċi u Buddisti – Weil wissiet bosta drabi rigward it-tendenzi sinkretiċi li kienu qed jirrankaw fi żmienha fl-Ewropa u lil hinn minnha, l-iżjed fl-istudji u fil-prattiki tar-reliġjon komparattiva. L-argument ta’ Weil kien illi s-sintetiżizzazzjoni għandha ħabta tisfratta l-attenzjoni filwaqt illi tiżvaluta l-partikularità inerenti ta’ kull reliġjon indvidwali. Imbagħad intant ma riditx titgħammed fil-Knsija Kattolika minħabba l-ġibda li kellha għad-djien non-Kristjani. Nistqarr miegħek illi f’dar-rigward partikulari Weil iddiżappuntatni ħafna. Bħala skular ta’ Weil, kif tinterpreta dit-titubanza tagħha?

Ngħid għalija ma ngħoddhiex b’titubanza. L-ewwel nett iridu nifhmu li l-ispirtwalità ta’ Simone Weil hija Kristoċentrika. Ir-realitijiet spiritwali l-oħra li semmejt int, fil-ħsieb tal-filsofa Franċiża jilħqu l-qofol tagħhom fl-esperjenza tal-Inkarnazzjoni – realtà tant sabiħa f’għajnejnha li skontha bilfors seħħet kemm-il darba qabel il-famuża ġrajja ta’ Betlem. Għalhekk dan il-Misteru, dejjem f’għajnejn Weil, seħħ ukoll fil-kuntest ta’ esperjenzi spiritwali oħra bħal fil-ġrajja ta’ Osiris fiċ-ċiviltà Eġizzjana jew f’dik ta’ Apollo fid-dinja Klassika. L-Inkarnazzjoni għandha faxxinu profond fis-sensibbiltà ta’ Weil għax fiha għarfet l-aspett tad-diminuzzjoni: mhux prinċipju Divin li juri l-glorja kollha tiegħu imma li jixxejjen billi jinħeba fil-ġuf ta’ mara biex imbagħad jitwieled fil-belt minsija ta’ Betlem. Kien minħabba dawn ir-raġunijiet, fost oħrajn, li Weil ma setgħetx titgħammed. Ma setgħet qatt taqbel ma’ ċertu prinċipju li kien għadu b’saħħtu fil-Knisja ta’ żmienha, voldieri dak tal-anathema sit. Fuq kollox imbagħad ma setax taċċetta l-aspetti iktar ostentivi li dika il-ħabta kienu tant qawwijin fl-Instituzzjoni. Fuq kollox id-deċiżjoni li ma titgħammidx – konklużjoni li damet taħsibha ħafna – ħaditha għax ħasset illi din kienet sejħa biex tibqa’ fil-perferija tas-soċjetà mal-pariah illi minħabba diversi raġunijiet ma setgħux jitgħammdu. 

Bħala kittieb u direttur teatrali għandek interess partikulari fir-relazzjoni bejn l-ispiritwalità u t-teatru. Dan ir-rapport għandu għeruq antikissimi, tant li ċerti skulari jirrintraċċawh s’erbat elef sena lura fir-rappreżentazzjonijiet teatrali annwali taċ-ċiviltà tal-Eġittu tal-Qedem, fosthom in-narrattivi passjonali tal-alla Osiris. Nistgħu ninnotaw elementi teatrali qawwija fir-ritwali spiritwali kollha, mhux biss f’dawk eżoteriċi iżda wkoll f’dawk popolari. M’hemmx għalfejn immorru ’l bogħod: dan nistgħu nosservawh fl-ibliet u fl-irħula tagħna kuljum fid-diversi stadji taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Maż-żmien saru jappellaw ferm iżjed għalija l-Movimenti drammatiċi taż-żfin sagru ta’ George Gurdjieff jew inkella ċerti prattiki drammatiċi tad-dixxiplini mediċinali tat-Taoiżmu. Nimmaġina li f’did-dimensjoni forsi inti ssibek iżjed komdu fil-prattiċi parateatrali u fid-Drama Oġġettiva tad-drammaturgu Jerzy Grotowski. Hu x’inhu ftit tax-xhur ilu ttantajna nlaqqgħu xi ftit minn dan kollu fl-esperimenti tagħna bil-movimenti koereografiċi stil Butoh mmexxija miż-żeffiena Ġappuniża Yuko Kominami. Fid-dinja sekulari, materjalista u mekkanistika tal-lum, dan ir-rapport trasformattiv bejn l-ispiritwali u t-teatrali sar ferm inqas evidenti u produttiv, l-iżjed għax f’bosta bnadni s-seħer drammatiku tar-ritwal reliġjuż donnu tilef ħafna mill-ħakma li kellu fuq l-immaġinarju spiritwali kollettiv tal-bniedem. X’ġejjieni spiritwali jista’ jkollna bħala speċi f’xenarju fejn dan kollu, almenu fil-biċċa l-kbira baqa’ jiżvolġi biss fl-imkejjen sotteranji spiss stramani (biex insejħulhom hekk) tat-teatru esperimentali? 

Hawnhekk ma naqbilx miegħek. Taħseb li l-element spiritwali jinsab biss fit-teatru esperimentali? Kif naraha jien, l-essenza ontoloġika tal-esperjenza teatrali minnha nfisha hija waħda spiritwali. It-teatru huwa mezz ta’ kif aħna, permezz tal-fiżiku, nifhmu iktar ir-realtà antropoloġika. Paradossalment huwa proprju permezz ta’ dan illi t-teatru jmur lil hinn minnu nnifsu. Ovvjament l-espressjoni ritwalistika, almenu sa ċertu punt, sirna narawha inqas. Imma anke din forsi hija kontestabbli għax fl-aħħar mill-aħħar ir-ritwali – kemm privati u kemm kollettivi – jinbidlu u jinħolqu maż-żmien skont iċ-ċirkustanzi. Fit-teatru nfittxu espressjonijiet ritwalistiċi li jkunu relevanti għall-udjenza kontemporanja fir-realtà kurrenti li tkun qed tgħix fiha. Huwa forsi minħabba din ir-raġuni li minkejja kollox l-aspett spiritwali jinħass b’mod iktar qawwi u awtentiku f’xi esperjenzi teatrali iktar milli fil-Quddies, għax fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika donnu tlifna t-tfittxija għall-espressjonijiet u forsi anke għal strutturi li jwassluna għat-traxxendenza b’modi relevanti għal żmienna. Wara kollox, kien propju dan li sejjes il-kobor tal-esperimenti ta’ diretturi teatrali kbar bħal Jerzy Grotwoski u Peter Brook. Għalhekk huwa imperattiv illi t-tfittxija tagħna biex nesprimu l-ispiritwali tibqa’ dejjem prijorità, sew fit-teatru – sija dak esperimentali u sija dak mainstream – u sew fiċ-ċrieki reliġjużi u sekulari.

More in Arti