Films ġodda għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar erba' films ġodda li ħarġu fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa

Guardians of the Galaxy, Vol. 2. {3D}

Atturi Ewlenin: Chris Pratt; Zoe Saldana; Dave Bautista; Kurt Russell

Vuċijiet Ewlenin: Vin Diesel; Bradley Cooper

Direttur: James Gunn

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 136 min | Ċert: 12A

Il-kumpanija Disney qed tippreżenta xogħol ieħor spettakolari addattat minn fuq il-kotba komiks Marvel, ‘Guardians Of The Galaxy, Vol. 2’, li jkompli fejn ħalla l-film epiku tal-2014. F'dan is-sequel, l-avventuri tal-grupp ta' gwardjani li jipproteġu l-univers ikomplu b'qawwa u pompa kbira fix-xogħol fejjiedi tagħhom wara l-fama li ħadu qabel, meta salvaw lil Xandar, il-pjaneta fejn jgħixu n-Nova Corps, pulizija spazjali, minn qerda. Din id-darba, dan it-tim ta' karattri spostati, se jkollhom biċċa xogħol iebsa jżommu l-familja tagħhom unita, waqt li jivvjaġġaw fl-irkejjen imbiegħda tal-ispazju profond tal-univers, biex isibu tarf tal-misterju tal-oriġini ta' Peter Quilt [Pratt], il-mexxej tagħhom, magħruf bħala Star-Lord. Dan kien inħataf minn vettura spazjali, sar nofsu uman u nofsu aljen u trabba mill-pirati stellari. Dan il-grupp ta' Gwardjani, mgħejuna minn Gamora [Saldana], aljena orfni, qed jeżerċitaw l-isforzi kollha tagħhom biex jiskopru l-identità ta' missieru. Il-prologu ta' ‘Guardians Of The Galaxy, Vol. 2’ infatti jiffoka fuq il-ħtif tiegħu. Din il-produzzjoni hi mfawwra b'effetti speċjali viżwali, ikkuluriti, kultant pirotekniċi, li jikkombinaw tajjeb mal-proċess tad-3D diġitali u siltiet mużikali ‘pop’ [Awesome Mixtape #2] li jmorru perfettament mal-azzjoni. F'din l-avventura ġdida madwar l-istilel, jidher ukoll Sylvester Stallone.

 

A  Dog’s Purpose

Atturi Ewlenin: Dennis Quaid; Britt Robertson; John Ortiz; Juliet Rylance; Bryce Gheisar

Vuċi ta' Josh Gad

Direttur: Lasse Hallstrom

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 100 min | Ċert: PG

‘A Dog's Purpose’ jiżvolġi mill-perspettiva ta' kelb ‘Retriever’ jismu Bailey [vuċi ta' Gad], fuq medda ta' kważi ħamsin sena, fejn ikun inkarnat bil-ġisem ta' diversi klieb matul dawn is-snin, jirnexxielu jtejjeb il-ħajja tal-umani li jiġu f'kuntatt miegħu. Il-qofol ta' din il-produzzjoni hija r-rabta soda u ġenwina bejn it-tfajjel ta' tmien snin, Ethan Montgomery [Gheisar], ta' dispożizzjoni ħanina u dan il-kelb li se jkun il-kataklist fil-ħajja futura, mit-tfulija sal-irġulija, ta' Ethan. Fl-1962, meta Ethan ikun ma' ommu [Rylance], jeħilsu ġeru meta jkun qed jifga bis-sħana msakkar ġo karozza. Minn hawn, se tibda ħbiberija sinċiera li se ddum tul ħajja sħiħa, fejn it-tfajjel issa adolexxenti jieħu grazzja mal-ħelwa Hannah [Robertson], bis-saħħa ta' dan il-kelb, moħħu fil-logħob u l-ġiri. Wara li jmut, jitwieled mill-ġdid fil-ġisem ta' razez oħra u xorta jibqa’ intimu ma' Ethan issa adult sewwa [Quaid].  ‘A Dog's Purpose’ hu addattat minn fuq ix-xogħol ‘bestseller’ ta' W. Bruce Cameron. L-eżistenza ta' dan il-kelb u r-rinkarnazzjonijiet varji tiegħu jsibu l-iskop fil-ħajja mill-umani li hu jħobb u li spiss jagħmel ferħanin. Sewwa jgħidu li, meta kelb ikun trattat tajjeb, isir l-akbar ħabib fidil tal-bniedem u anki jkun lest li jipperikola ħajtu biex isalva lil xi ħadd minn mewt ċerta, kif nassistu għaliha f'sekwenza eċitanti ta' dan ix-xogħol li verament għandu jinvolvi anki lil dawk li ma jħobbux l-annimali.

 

Their Finest

Atturi Ewlenin: Gemma Arterton; Sam Claflin; Bill Nighy; Jack Huston; Helen McCrory

Direttriċi: Lone Scherfig

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 117 min | Ċert: 12A

‘Their Finest’ hu ambjentat fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija f'Londra. F'dan iż-żmien ta' biża' kontinwu u sagrifiċċji, inħadmu diversi films ta' propaganda biex jgħollu l-moral tal-poplu. Fir-Renju Unit twaqqaf il-Ministeru tal-Informazzjoni propjament għal dan il-għan u kif spiċċat il-gwerra, tneħħa. L-iskop ewlieni ta' din l-azjenda kien li jipprovdi aħbarijiet u jindaga spiss il-burdata taċ-ċittadini hekk kif il-gwerra ħraxet, kif ukoll jipprova b'kull mezz iżomm l-ispirtu tal-poplu għoli, waqt rejdijiet ta' kuljum, lejl u nhar. Biex għal mument in-nies jinsew dan kollu, kienu jmorru bi ħġarhom lejn iċ-ċinema. ‘Their Finest’, ibbażat minn fuq il-ktieb tal-2009 ta' Lissa Evans, ‘Their Finest Hour And a Half’, hu xogħol melodrammatiku dwar kif inħadmu xi films ta' propaganda waqt il-Blitz.  F'Londra tal-1940, Catrin [Arterton] li ġiet minn Wales, hija kittieba li tkun ingaġġata mill-Ministeru biex taħdem film li jista' jqajjem il-moral tal-poplu u forsi anki jispira lill-Amerika tidħol fil-gwerra. Hi tikteb storja fittizja dwar par tewmin li b'dgħajsa mhux soda jmorru jsalvaw xi suldati tturufnati f'Dunkirk taħt attakki kontinwi min-Nazi u bla ebda protezzjoni. Din il-produzzjoni b'atmosfera palpabbli tal-epoka tinkludi romantiċiżmu, traġedji u anki dak l-umorizmu neċessarju waqt li l-pubbliku jkunu fis-swali tat-‘talkies’.

 

The Handmaiden

Atturi Ewlenin: Kim Min-hee; Kim Tae-ri; Ha Jung-woo; Cho Jin-woong

Direttur: Park Chan-wook

Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas

Tul: 144 min | Ċert: 18

Ir-rinomat Park Chan-wook, forsi l-aqwa direttur mill-Korea t'Isfel. li jħobb jipprovoka bit-thrillers qawwija tiegħu ta' atmosfera oskura u morbida, fl-aħħar xogħol tiegħu, ‘The Handmaiden’ addatta n-novella ‘Fingersmith’ ta' Sarah Winters, ambjentata fil-Gran Brittanja fl-era Vittorjana u poġġieha fil-Korea tas-snin tletin okkupata mill-Ġappuniżi. Bi stil ta' finezza palpabbli, kostumi elaborati u fotografija opulenti, tip tal-films ta' Luchino Visconti, ‘The Handmaiden’ jiżvolġi bi storja ta' diversi twists lejn il-final u b'manjiera sexy. Il-film hu maqsum fi tliet kapitli, fejn fit-tieni wieħed, ħafna sekwenzi huma repetuti b'mod varjat u minn angoli differenti u fejn kien hemm nieqes fl-ewwel, jagħmel aktar sens wara. Fil-qosor, l-istorja hi din: Mara żagħżugħa taħt l-isem ta' Tamako [Tae-ri] tintbghat mill-Korean Fujiwara [Jung-woo], taparsi konti Ġappuniż, bħala s-seftura ta' Hideko [Min-hee], li Fujiwara jrid jiżżewweġ biex jisirqilha l-wirt tagħha. L-għan ta' Tamako hu li twaqqa' lil Hideko fil-vizzji tas-sess, però jsiru jinħabbu. Hideko u Fujiwara jaħarbu mill-kontroll ta' Kouzuki [Jin-woong], iz-ziju awtorevoli tagħha u b'ingann jitfgħu lil Tamako, taħt l-isem ta’ Hideko, fi sptar tal-moħħ. Fit-tieni parti nindunaw li Hideko ma kinitx dik l-innoċenti tal-bidu. Fuq kollox, Tamako għalkemm immsakkra f'manikomju, qed tipprepara l-pjanijiet tagħha. ‘The Handmaiden’ li hu bis-sotto titoli, hi produzzjoni b'diversi xeni ta' sess u leżbjaniżmu magħmul, iżda, b'dekor sorprendenti u f'xi mumenti jimita l-film ‘Ai No Corrida’ [The Realm Of The Senses" [1976] però b'aktar grazzja u anki n-novelli tal-Marquis De Sade. Wieħed irid joqgħod ħafna attent għax id-direttur sikwit jiżvija l-attenzjoni tal-udjenzi fil-manipular regolari tal-protagonisti. ‘The Handmaiden’ hu xogħol eċċellenti, erotikament ikkargat b'manjiera dinjituża!

More in Arti