Films ġodda għal din il-ġimgħa

Aqra iktar dwar tliet films li ħarġu ġodda fis-swali taċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Beauty and the Beast

Atturi Ewlenin: Emily Watson; Dan Stevens; Luke Evans; Kevin Kline; Josh Gad

Direttur: Bill Condon

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 129 min

Ċert: PG

Fl-1991, il-film animat ta' Disney ‘Beauty And The Beast’ kien l-ewwel xogħol tal-ġeneru tiegħu li ġie nnominat għall-Oscars għall-Aqwa Film ta' dik is-sena. Din il-ħrafa klassika tant miġjuba b'mod attraenti/brillanti, irnexxielha tirbaħ żewġ Oscars [it-tnejn fil-kategorija tal-mużika], tliet unuri Golden Globe u erba' Grammy Awards. Barra dan, kien l-ewwel xogħol animat li qabeż il-mitt miljun dollaru fi dħul, u anki l-ewwel film ta' Disney li sar produzzjoni mużikali fejn fuq Broadway dam 13-il sena, kif ukoll inqaleb fi tmien lingwi diversi. Wara 26 sena, inħasset il-ħtieġa li din il-produzzjoni tinħadem b'atturi reali, bħalma sar ma’ xi films oħra ta' din il-kumpanija. ‘Beauty And The Beast’ il-ġdid tassew jinkorpora l-ispirtu tax-xogħol animat, b'xi kanzunetti oriġinali li ġew irrekordjati mill-ġdid b'tempo differenti u anki tlieta ġodda. It-temi ta' din il-ħrafa fantastika u tant maħbuba huma eterni - storja ta' mħabba u ħbiberija sinċiera u ġenwina li tiżboq kull ostaklu għax tinvadi l-apparenza u tidħol fil-ġewwieni, fil-qalb, u li t-tajjeb dejjem jissupera lill-ħażen fl-aħħar.  Belle [Watson] hija tfajla simpatika, ferrieħa, vivaċi u indipendenti li tgħix ma' missierha Maurice [Kline]. Meta darba waħda fil-foresta, Maurice ikun attakkat minn ċorma lpup, jasal nofsu mejjet f'kastell mudlam u miksi silġ tal-Bestja [Stevens]. Dan kien prinċep sabiħ, però arroganti u ambizzjuż li waħda saħħara biddlitu f'din is-sura u lil dawk li kienu miegħu f'oġġetti domestiċi. Il-mostru jżomm lil Maurice msakkar hemm. Meta Belle tinduna, tiġi biex teħilsu u hi taċċetta li tibqa' priġuniera minfloku biex hu jieħu l-libertà. Bil-mod tibda tinduna li dan il-Bestja mhuwiex kattiv,anzi ħanin u ġentili magħha, tant li tieħu grazzja miegħu. Fil-kastell issir ħabiba mal-oġġetti miżmuma taħt seħer, waqt li l-ħajja t'hemm ġew tibda togħġobha. Meta tinduna li missierha jinsab fl-inkwiet, hi titlob lill-Bestja jħalliha tmur, u dan jaċċetta, iżda jibda jħossu ma jiflaħx. Tgħid hi terġa' lura għandu? ‘Beauty And The Beast’ ingħata trattament lussuz u elaborat u divertenti tassew. Il-ftuħ, b'Belle iddur mal-villaġġ mimli ħajja u attività u tkanta jfakkar fil-kanzunetta ‘Who Will Buy?’ mix-xogħol mużikali ‘Oliver’ [1968] . Ir-reazzjoni ta' Belle mal-oġġetti li jitkellmu bħall-gwardarobba, teapot, kandelabra, rixa li tfarfar, pjanu, eċċ, andament simili għall-produzzjoni animata tal-1991, ingħatat prominenza verament pjaċevoli. It-tekniċi ta' Disney huma tassew esperti kif jippreżentaw ħrafa rinomata b'mod u manjiera li jolqtu l-istrati differenti tal-umanità - miż-żgħar sal-kbar. Dan għandu jkun wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin ta' żmien il-Għid.

 

Get Out

Atturi Ewlenin: Daniel Kaluuya; Allison Williams; Catherine Keener; Bradley Whitford; Caleb Landry Jones

Direttur: Jordan Peele

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 103 min

Cert: 15

‘Get Out’ hu thriller li jassorbik, eċitanti, mimli provokazzjoni u misteru. Bil-mod, din il-produzzjoni tibni tensjoni biex kollox jisplodi fil-final. Għalkemm ta' kulur differenti, Chris [Kaluuya] u l-maħbuba tiegħu Rose [Williams] jidhru kuntenti ħafna fir-relazzjoni soda li qabdu. Tant jidhru li huma maħluqa għal xulxin, li wasal iż-żmien biex hi tistiednu jżur lill-ġenituri tagħha, Missy [Keener] u Dean [Whitford] fil-weekend. Dawn joqogħdu f'dar kbira, mwarrba, f'subborg ta' belt. Il-laqgħa ta' Chris magħhom tkun verament ġenjali li jibda jaħseb li huma qed jaġixxu hekk biex ikopru mal-ħbiberija ta' binthom ma' raġel ta' razza differenti. Fil-jiem ta' wara, Chris jibda jiskopri affarijiet li jħabblulu moħħu u jgagħluh jaħseb ħażin, speċjalment b'attività stramba matul il-lejl. Dawn l-avvenimenti disturbanti jġibulu ħsibijiet koroh fuq din il-familja, kif ukoll Rose ma baqgħetx daqshekk miġbuda lejh bħal qabel. Fl-aħħar jiddeċiedi li jitlaq minn hemm, imma din mhux se tkun ħaġa faċli. ‘Get Out’ hu film tal-biża’ b'manjiera unika u differenti ferm mix-xogħlijiet tas-soltu.  Affarijiet biżarri u inspjegabbli se jseħħu!

 

Sweet Dreams – Fai Bei Sogni

Atturi Ewlenin: Valerio Mastrandea; Berenice Bejo; Guido Caprino; Nicolò Cabras; Dario Del Pero; Barbara Ronchi

Direttur: Marco Bellocchio

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 131 min

Cert: 15

Id-direttur prolifiku Taljan Marco Bellocchio, ta' karriera fiċ-ċinema ta' aktar minn 50 sena, l-aħħar film tiegħu ‘Sweet Dreams’ li hu bis-sottotitli, hu addattat minn fuq minn fuq il-ktieb ‘best seller’ ‘Fai Bei Sogni’ ta' Massimo Gramellini li ħafna minnu hu xogħol biografiku. Il-qofol tal-film hu l-unjoni soda li t-tfajjel ta' 9 snin, Massimo [Cabras] kellu ma' ommu [Ronchi]. Fil-ftuħ narawhom jiżfnu ferħanin flimkien u fi ‘flashback’ jilagħbu wkoll noli ġo darhom. Iċ-ċkejken, li sar ħaġa waħda ma' ommu, qatt ma seta' jaċċetta t-telfa bikrija tagħha u baqa' ħajtu kollha jfittex kif mietet. Missieru [Caprino], raġel awtorevoli, jgħidlu meta jikber li mietet malajr b'attakk tal-qalb bil-lejl, meta hu kien rieqed. Massimo, issa adult [Mastrandea], jaħdem bħala ġurnalista ma' ‘La Stampa’ waqt li jaħseb biex ibigħ id-dar li kien jgħix fiha. Il-mewt ta' ommu baqgħet tkiddu anki meta kiber, tant li qabdu attakk ta' paniku u meta jkun l-isptar jieħu grazzja ma' Elisa [Bejo], tabiba dħulija u tassew simpatika. Il-misterju tal-mewt għall-għarrieda t'ommu qatt ma jnissel fih paċi u dejjem jipprova jitkixxef x'ġara tassew. ‘Sweet Dreams’ hi produzzjoni kemxejn twila, maqsuma f'diversi episodji [l-aktar permezz ta' flashbacks] li tmiss temi sentimentali, rapporti diffiċli familjari, sofferenza psikoloġika, kwistjonijiet reliġjużi u risposti ġurnalistiċi. Meta ġie ppreżentat fil-festival ta' Cannes ta' Mejju li għadda, il-pubbliku, fit-tmiem, tah applaws spontanju ta' ma

More in Arti