
Baħar tal-mewt
F’sensiela ġdida bl-isem ‘Mawra fil-memorja’ se nkunu qed inħarsu xi nkiteb fil-gazzetta ILLUM fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tas-27 ta’ Mejju 2007 bit-titlu ‘Baħar tal-mewt’

Il-mewt ta’ għexieren ta’ rġiel, nisa u tfal fil-baħar lil hinn mix-xtut Maltin hi traġedja umana li se tibqa’ sseħħ kemm-il darba fid-dinja jkun hemm żbilanċ bejn il-pajjiżi sinjuri u dawk fqar.
Huwa diffiċli ħafna tifhem xi jwassal lil xi ħadd jirkeb fuq ċatra ffullata u jissogra ħajtu biex jasal lejn l-art ‘imwiegħda’ fl-Ewropa. Iżda l-faqar, il-gwerer u n-nuqqas ta’ tama f’futur aħjar f’pajjiżhom stess iwassal għal disperazzjoni li tixpruna s-sens ta’ sogru. Dawn in-nies m’għandhomx x’jitilfu. Bejn mewta bil-mod minħabba l-ġuħ f’pajjiżhom u mewta f’baħar selvaġġ, iżda bit-tama li jistgħu jaslu xi mkien, ħafna jippreferu jagħżlu t-tieni triq. U ma tlumhomx.
L-Ewropa għal ħafna Afrikani qisha l-art tal-benna u t-tjubija anki jekk fl-Ewropa stess hemm faxex sħaħ ta’ nies li qed jgħixu b’mod prekarju.
Din is-sitwazzjoni mhux se tisparixxi u għalhekk Malta jeħtieġ titgħallem tgħix b’dan il-fenomenu li jseħħ wara biebha. Irridu nitgħallmu nimmaniġġjaw is-sitwazzjoni għall-ġid tal-immigranti kif ukoll taċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż.
L-Ewropa
Sfortunatament l-isħubija ta’ Malta fl-UE ma ssarrfitx f’wisq għajnuna mill-pajjiżi l-oħra. Ir-raġunijiet jista’ jkunu tlieta: l-ewwel raġuni hi li għall-pajjiżi l-oħra l-immigrazzjoni klandestina fil-Mediterran mhix prijorità; it-tieni li xi pajjiżi diġà għandhom il-problemi tagħhom bl-immigrazzjoni u m’għandhomx ħin x’jaħlu jinkwetaw fuq Malta, u t-tielet hi li Malta mhix qed tkun preċiża biżżejjed fit-talbiet tagħha lill-UE.
Fuq l-ewwel żewġ raġunijiet l-unika soluzzjoni hi li l-UE jkollha l-politika komuni tagħha fuq l-immigrazzjoni li tagħmilha possibbli li immigranti pproċessati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE skont kriterji stabbiliti jkunu jistgħu jmorru minn pajjiż għall-ieħor.
Iżda fin-nuqqas ta’ politika komuni jifdal it-tielet triq. Malta jeħtieġ tagħmel talbiet preċiżi għall-għajnuna mill-UE skont il-ħtiġijiet partikulari tal-pajjiż.
Mhux biżżejjed li nagħmlu l-argument li pajjiżna hu żgħir wisq u allura ma jiflaħx għal dan l-influss annwali ta’ immigranti li jiġu fuq qxur tal-baħar nofshom mgħarrqin.
Sal-aħħar ta’ April f’Malta kien hawn b’kollox, bejn dawk residenti f’ċentri magħluqa u oħrajn f’ċentri miftuħa, madwar 3,000 immigrant. Altru milli invażjoni.
Ir-realtà hi li l-emergenza qed tinqala’ kull sajf għax f’dan il-perjodu tas-sena pajjiżna jara dħul kostanti ta’ għexieren ta’ immigranti. Is-sitwazzjoni mhix se tinbidel ladarba d-destin poġġa lil din il-gżira f’nofs il-Baħar Mediterran.
Allura jeħtieġ li pajjiżna jilqa’ għal din l-emerġenza bi pjan serju u konkret li jinħema matul is-sena u mhux fl-eqqel tal-kriżi.
Irid ikun hawn biżżejjed ċentri ta’ akkomodazzjoni biex jilqgħu fihom eluf ta’ persuni f’qasir żmien. Iridu jkunu ċentri b’faċilitajiet bażiċi, b’ambjent dinjituż u li joffru kenn xieraq lil min ġie b’fuqu senduqu.
Jeħtieġ li Malta jkollha nies imħarrġa biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta’ dawk li jitolbu l-eżilju. Irid ikollna aktar social workers u persuni fil-pulizija u fl-armata li jitkellmu bil-Franċiż u l-Għarbi.
Irid ikollna sistema maħsuba ta’ integrazzjoni li tgħin lil dawn l-itturufnati jsibu posthom malajr kemm jista’ jkun fl-ekonomija u fil-ħajja soċjali ta’ pajjiżna. Jeħtieġ ikollna proċess ta’ ripatrijazzjoni iktar mgħaġġel fil-każ ta’ persuni li m’għandhomx status ta’ refuġjat jew protezzjoni umanitarja temporanja anki permezz ta’ ripatrijazzjoni konġunta ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Il-lista ta’ għajnuniet li għandha bżonn Malta hi twila iżda jeħtieġ li t-talba tagħna lill-UE tkun preċiża u konkreta. Għandna bżonn il-flus biex nibnu iktar ċentri ta’ akkomodazzjoni bies ma jkollniex emerġenza kull sena. Għandna bżonn il-flus għall-affarijiet l-oħra kollha li semmejna.
Jekk l-Ewropa m’hemmx kunsens dwar politika komuni fuq immigrazzjoni tal-inqas jagħtuna daqqa t’id biex jgħinuna nimmaniġġjaw il-kriżi.