
Mawra fil-memorja: X’kien inkiteb fl-ILLUM fil-passat?
F’sensiela ġdida bl-isem ‘Mawra fil-memorja’ se nkunu qed inħarsu xi nkiteb fil-gazzetta ILLUM fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tal-20 ta’ Mejju 2007 bit-titlu ‘In-naħa l-oħra tal-munita’

In-naħa l-oħra tal-munita
Il-verdett li tat il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa dwar it-tħejjija ta’ Malta biex taddotta l-ewro f’Jannar tal-2008 kien pożittiv għax wera li s-sagrifiċċji li saru tul dawn l-aħħar snin swew għal xi ħaġa. Hu meritu wkoll tal-Prim Ministru u tal-assistent tiegħu fil-finanzi, Tonio Fenech li kien hu li għamel ħafna ‘mix-xogħol maħmuġ’ fuq livell tekniku u prattiku.
Id-dħul tal-ewro se jkun ta’ ġid għall-ekonomija għax jagħti sens ta’ sigurtà lill-investitur barrani, jaqta’ l-inċertezza u t-telf ta’ flus minħabba r-rata tal-kambju u joffri wkoll il-possibbiltà liċ-ċittadin biex iqabbel il-prezzijiet f’Malta ma’ dawk ta’ barra.
Iżda lil hinn mill-ewforija ġustifikata tal-mument għar-rakkomandazzjoni li għamlet il-Kummissjoni Ewropea biex Malta taddotta l-ewro, teżisti faċċata oħra tal-munita li jkun żball kbir jekk ninjoraw.
Biex jikkontrolla l-iżbilanċ f’dawn l-aħħar snin il-Gvern daħħal taxxi ġodda u żied oħrajn, bl-ikbar għafsa tiġi miż-żieda fil-VAT u s-soprataxxa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dawn il-miżuri naqqsu l-valur tal-paga tal-klassi medja u tefgħu lil dawk fuq il-paga minima f’morsa. Fl-istess żmien, l-għoli tal-ħajja rranka ’l fuq biex kompla naqqar mil-livell ta’ għejxien.
Jekk illum iċ-ċifri qed juru li l-inflazzjoni nieżla ma jfissirx li s-sitwazzjoni ġiet lura għal li kienet qabel erba’ snin ilu. Min jifraħ għax illum il-ħajja qed torħos irid joqgħod attent għax l-argument irid isir f’kuntest fejn in-nies raw tnaqqir serju tal-flus f’idejhom fis-snin ta’ qabel.
L-istess jista’ jingħad għall-ekonomija. Anki jekk iċ-ċifri qed juru titjib sostanzjali, il-Gvern u l-awtoritajiet iridu jibqgħu jistaqsu minn fejn ġej it-tkabbir. Altru jkollok tkabbir ekonomiku ġej minn kumpaniji li qed jipproduċu u jesportaw il-ħidma tagħhom u li qed iħaddmulek iktar nies għax qed ikabbru, u altru tkabbir li ġej minn profitti tal-banek u setturi bħal dawk tal-logħob tal-azzard fejn jiċċirkolaw miljuni ta’ liri li m’għandhom l-ebda impatt pożittiv fuq il-maġġoranza kbira tan-nies.
Minkejja t-tkabbir ekonomiku, ħafna nies għadhom qed jiġġieldu biex ilaħħqu mal-ħajja. Irridu nistaqsu għaliex u r-risposta żgur ma tistax tkun ‘ma jimpurtax għax issa għaddejna mill-eżami tal-Ewropa.’
Ma ninsewx li fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għamlet ukoll osservazzjonijiet serji li jeħtieġu jkunu indirizzati. Il-Kummissjoni kkummentat dwar il-forċina li uża l-Gvern biex inaqqas l-iżbilanċ bil-bejgħ ta’ assi pubbliċi. Dan id-dħul straordinarju ma jirrepetix ruħu kull sena u allura rridu nagħmlu bidliet strutturali biex innaqqsu l-ispiża tal-Gvern. Fost l-oħrajn hemm rakkomandazzjonijiet biex nirristrutturaw is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni.
Irridu niżguraw li l-industrija tal-manifattura tkun kompetittiva fis-swieq internazzjonali. Jeħtieġ li r-riforma fil-portijiet isseħħ u t-tariffi tassew jonqsu b’25 fil-mija. Jeħtieġ li nilliberalizzaw ċerti setturi, speċjalment fit-trasport, biex tiżdied il-kompetizzjoni u jonqsu l-prezzijiet.
Se jkun importanti li mal-mixja tat-triq kulħadd igawdi mill-ġid. Din hi sfida kbira li l-politiku jeħtieġ jagħti tweġiba għaliha.
Għad fadal ħafna xi jsir u ma rridux naħarbu mir-realtà li d-dħul tal-ewro mhux destinazzjoni fih innifsu iżda t-tkomplija ta’ triq li ma tintemm qatt.
Il-kaċċa u l-MLP
Il-pożizzjoni li qed jieħu l-Partit Laburista issa dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa għandha riħa qawwija ta’ ‘ħawwadni ħa nifhmek.’ Bl-istess mod li l-Gvern sa fl-aħħar ra r-dawl u għamel u-turn fuq il-ftuħ tal-istaġun fir-rebbiegħa, l-MLP ukoll donnu qed jagħmel u-turn fuq il-kwistjoni.
Sa ftit xhur ilu Alfred Sant kien irnexxielu jiġbed lejh is-simpatija tal-ambjentalisti u l-moderati li raw fid-diskors tiegħu sinjal ta’ tama li l-MLP ma kienx se jkun rikattat mill-kaċċaturi. Iżda donnu li Sant ma felaħx iżomm ma’ din id-dikjarazzjoni.
B’dak li qed jgħid issa jidher li l-MLP fil-Gvern se jkun qed jaġevola lill-kaċċaturi u jiftaħ l-istaġun fir-rebbiegħa apparti li jkompli bil-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.
Hi sfortuna li għall-gwadann ta’ voti, li probabbilment xorta kienu se jiġu għand il-Labour, Sant tilef il-kredibiltà fuq il-kwistjoni tal-kaċċa.