Opinjoni | Emozzjoni globali għas-sinjura Pariġina

Katastrofi f’katidral Gotiku qadim daqs il-bandiera Maltija. Kont taf li n-Notre huwa fil-fatt qadim daqs il-bandiera Maltija? U x’rabta hemm bejn gwerer differenti u dan il-bini?

Miljuni kbar kienu dawk li t-Tnejn li għaddew, 15 t’April, inħasdu, bkew u emozzjonaw ruħhom xħin mal-għabex tal-jum, fil-qalba ta’ Pariġi s-Sinjura – hekk hu magħruf l-katidral Gotiku ta’ Notre Dame de Paris – inħakmet minn ħuġġieġa nar ħierga mis-saqaf u l-parquet tal-ġewż (magħruf ‘il-Foresta’ minħabba li fl-1160-70 tqatta’ mis-siġar qrib biex ħa sura). Fil-bidu tan-nirien kulħadd baqa’ ċċassat ma jafx x’se jaqbad jagħmel.

Il-bini kbir u qadim, li tiegħu tpoġġiet l-ewwel ġebla fl-1163 fuq il-gżejra tax-xmara Seine, deher jagħti tama kiebja mhux biss lil dawk il-Pariġini li niżlu għarkopptejhom ikantaw innijiet Marjani biex jakkumpanjaw lis-Sinjura moribonda fl-aħħar nifsijiet tagħha, iżda lil miljuni akbar ta’ nies, Insara u mhumiex, li xi darba vvjaġġaw bi ħġarhom biex iżuruha. 14-il miljun viżitatur kull sena jpoġġu lin-Notre Dame fil-quċċata nett tal-attrazzjonijiet turistiċi fid-dinja.

Fi qlub il-folol u t-telespettaturi, wara l-ewwel xokk, daħal qtigħ il-qalb. Kull min assista għan-nirien beda jibża’ li l-ġebel kien se jċedi, l-aktar fit-torri tal-Punent fejn l-akbar qanpiena kienet tidher se taqa’. Dan ma seħħx għax l-400 pumpiera għarfu ma jgħarrqux il-binja b’ilma goff mitfugħ mill-ajru bħalma jsir fil-każ tal-foresti jaqbdu; bla dubju dan kien jherri l-istrutturi qodma 856 sena.

Xħin sebaħ l-għada s-sitwazzjoni nbidlet. Mas-sebħ ġa kien hemm il-Pariġini, it-turisti u l-kameras internazzjonali mal-moll tax-xmara mhux biex jixorbu l-kafè u jieklu croissant bħas-soltu iżda did-darba biex jaraw il-lejl kienx ħanin mas-Sinjura. Għall-erwieħ! It-torrijiet tal-qniepen bil-faċċata kompluta u l-vitrata tal-warda mlewna bejniethom kienu għadhom weqfin. Il-ħitan tal-ġnub li jkennu t-tempju ma ċedewx. Saħansitra xħin mal-irmied tal-għuda kien jidher ċar li s-salib dehbieni kbir fuq l-altar ewlieni kien ġa qed ilellex fl-ewwel raġġi tax-xemx bosta basru li kien sar miraklu. Għal ħafna kien miraklu kif wara nirien devastanti bħal dawk, is-Sinjura ma ċeditx għalkollox u għebet fil-ħruq.

Il-katidral tilef il-kampnar għoli 95 metru (magħruf f’Pariġi bħala l-Vleġġa tal-Madonna), x’aktarx intilfet il-binja tal-injam tal-kor qadim, intilfu xi ftit pitturi (Notre Dame mhux mogħni b’bosta pitturi, statwi u dekorazzjonijiet Barokki għax Gotiku) u oġġetti prezzjużi żgħar iżda ġew salvati (mill-kappillan tal-pumpiera li ħabrek fuq kulħadd) relikwi, fosthom l-hekk imsejħa kuruna tax-xewk ta’ Kristu li fl-1246, meta tlesta l-Katidral, ir-Re Lwiġi IX ta’ Franza, illum qaddis, kien ġab minn Ġerusalemm.

It-tliet orgnijiet inksew nugrufun u rmied iżda baqgħu sħaħ. Sett statwi tal-appostli fuq is-saqaf għoli 45 metru – tgħid ukoll parti mill-miraklu? Tneħħew tlitt ijiem qabel, għar-restawr. L-istatwi kollha Bibbliċi tal-faċċata u l-miżieb-mostri magħrufin bħala gargulji li jnixxu l-ilma tal-bjut baqgħu hemm. Fosthom baqa’ San Denis, il-padrun u l-ewwel Isqof ta’ Pariġi fis-seklu III. Pariġi ttrijonfat bl-oħla u bl-eqdem tempju Nisrani li għandha l-Knisja Kattolika fuq il-pjaneta. Dan seħħ eżattament fil-bidu meta l-istess Knisja tħares il-Ġimgħa Mqaddsa.

Għala qanqal daqstant nies?

Iżda Notre Dame, kif qanqal l-emozzjonijiet ta’ kulħadd anki ta’ dawk li nqatgħu mil-liturġija tal-Knisja, ċittadini sekulari, bħall-Franċiżi, fi stat lajk fejn il-Knisja u l-Istat ilhom formalment separati mir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789 ’l hawn? Hemm l-istorja ta’ Franza li nebbħet ħafna popli tad-dinja, l-aktar Ewropej, bl-idea tal-libertà u l-ugwaljanza.

Notre Dame matul is-sekli mhux biss laqa’ fih żwiġijiet u inkurunazzjoni ta’ slaten Ingliżi u Skoċċiżi (li spiss kienu jkunu wkoll ta’ Franza u viċi-versa) kif ukoll ċerimonji li fihom ġew iddikjarati beati u qaddisin – forsi l-akbar waħda meta għamlu lil Ġanna d’Arc beata fl-1909 mill-Papa Piju X. Lil Ġanna l-Ingliżi, f’komplott mal-Isqof Franċiż Cauchon li kien mixtri, kienu ħarquha fl-1431 meta kellha biss 19-il sena wara li hi għenet lir-re ta’ Franza jirbaħ fil-gwerra kontra l-Ingliżi magħrufa ‘tal-mitt sena’). Din il-martri kienet għolliet ferm il-moral nazzjonalistiku fi Franza.

Persunaġġ ieħor li jibqa’ marbut sew ma’ dat-tempju – fih innifsu kapolavur ta’ arkitettura Gotika – jibqa’ Napuljun Bonaparti. Mhux biss iżżewweġ hemm lil Josephine fl-1796, sentejn qabel ġie Malta, imma hemm ukoll inkuruna lilu nnifsu Imperatur f’Diċembru tal-1804. Dal-mument straordinarju fl-Ewropa – meta kważi l-pajjiżi kollha Ewropej kienu monarkiji u ftit ftit bdew jaqgħu u pajjiżhom isir parti mill-Imperu ġdid – baqa’ mfakkar f’pittura kbira ikonika ta’ Jacques Louis David li jinsab il-Louvre.

Mogħti lill-Knisja bħal San Ġwann

Il-Katidral, li ngħata esklussivament għall-użu tal-Knisja Kattolika fl-1801, bħalma ngħata San Ġwann f’Malta mill-istess Bonaparti tliet snin qabel, għandu storja kbira wkoll meta fis-26 ta’ Awwissu 1944 il-Ġeneral Charles de Gaulle attenda t-Te Deum b’ħajr lill-Madonna wara li Pariġi ġiet meħlusa mill-alleati l-ġurnata ta’ qabel. Fi Franza, diversi knejjes Kattoliċi huma proprjetà tal-Istat. Fil-fatt in-nuqqas ta’ manutenzjoni aktarx ġej ukoll mill-fatt li l-Knisja li qed tużahom suppost tieħu ħsiebhom iżda impossibbli tlaħħaq ma’ spejjeż kbar li jitolbu binjiet bħan-Notre Dame li ilhom jitmermru sekli twal.

Il-Gvern Franċiż ilu jiffinanzja ċertu manutenzjoni anki riċentement bejn l-1990 u l-2000 iżda qatt ma kien biżżejjed. Fil-fatt il-programm ta’ manutenzjoni li beda sena ilu, li probabbli kkawża dal-ħruq jekk mhux b’xi ċirkwit elettriku, qed jiġi ffinanzjat b’somma ta’ żewġ miljuni u nofs mill-Istat u erba’ miljuni mill-ġbir.

Kull deni ħudu b’ġid: wara din it-traġedja bosta intrapriżi kbar kummerċjali wiegħdu miljuni kbar flimkien ma’ pajjiżi, individwi, il-Vatikan u bosta knejjes oħra, fosthom anki dik ta’ Malta (ħaġa sabiħa ferm). Għad ma smajtx l-Istat Malti offriex somma simbolika għall-ispejjeż. Is-somma ġa qabżet il-biljun ewro. Il-President Franċiż Emanuel Macron, li mar fuq il-post waqt il-ħruq, it-Tlieta li għaddew, f’messaġġ qasir wiegħed li Notre Dame jerġa’ jiġi ‘aħjar milli kien’ fi żmien ħames snin.

Ma tistax titkellem fuq Notre Dame mingħajr ma tosserva wkoll l-istil impressjonanti tiegħu fuq din il-gżejra li qabel is-seklu 12 kellha katidral ieħor iddedikat lil San Etienne. Leġġenda tfakkar l-Isqof Denis u sħabu li bdew il-Kristjaneżmu Pariġi (magħrufa bħala Lutezja fi żmien ir-Rumani) fis-seklu III meta ġew arrestati u ngħataw il-martirju fuq Montmartre (l-għolja tal-martri), fejn illum hemm il-bażilika sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù.

Jingħad li wara li lill-qaddis qatgħulu rasu (u jidher sal-lum fi statwa b’rasu f’idu mal-bieb ta’ Notre Dame) dan mexa u waqa’ fuq din il-gżejra fejn allura nbena t-tempju. Qaddisa padruna ta’ Pariġi ma’ San Denis hi Santa Ġenoveffa. Għall-ġabta ta’ nofs is-seklu ħamsa hi mexxiet maratona ta’ talb f'Pariġi biex ħelset lill-belt minn Atilla u wara mill-Ġermaniżi billi fixklitilhom il-pjanijiet u ħelset lill-priġunieri.

Antik daqs il-bandiera Maltija

Notre Dame huwa simboliku, post antik storiku bi ġrajjet il-pajjiż. Għandu ġrajja ta’ kważi elf sena. Ma nistax ma nqabblux mal-bandiera ħamra u bajda Maltija, li ġiet adottata bħala simbolu nazzjonali ta’ pajjiżna fl-istess żmien li nbena n-Notre Dame. In-Normanni ma tawniex il-bandiera (dik leġġenda) iżda taw l-ilwien aħmar u abjad lill-Imdina. Il-Maltin għażlu dawk l-ilwien bħala għelm tan-nazzjon tant li l-ewwel xhieda preċiża li għandna hi l-Pala (pittura kbira) ta’ San Pawl tal-Katidral (illum fil-mużew tal-Katidral) tal-Imdina fejn iż-żewġ kuluri jidhru jagħtu saħħa lil San Pawl bħala qaddis padrun nazzjonali tal-gżejjer. Il-qarrejja forsi jifhmu għala nħoss li l-bandiera sagra tagħna ma kellha qatt tintmess b’xi ħaġa aktar riċenti, kienet x’kienet. Qisek issa fuq Notre Dame, wara l-bini u r-restawr, tistenna jtellgħu xi midalja (li żgur se tingħata lill-pumpiera) u tagħmilha kbira fuq il-faċċata.

More in Blogs