Opinjoni | Għas-serħan tal-moħħ

Bit-tielet rappreżentanza fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Demokratika hi dik il-vuċi soda, li bir-raġun u b’konvinzjoni qed tfittex l-interessi ta’ Malta u tal-poplu Malti u Għawdxi

Jien konvint li l-poplu Malti u Għawdxi jista’ jgħix tajjeb u ferm aħjar mingħajr ma nbiegħu saħħitna u nikkompromettu l-ġmiel naturali u l-karattru ta’ pajjiżna. Li jkollna ekonomija b’saħħitha jawgura tajjeb iżda dan mhux biżżejjed. Hemm il-ħtieġa li nħarsu l-valur u mhux il-volum u għalhekk nippreferu l-kwalità fuq il-kwantità. Ekonomija li tikber askapitu tas-sostenibbiltà u l-prosperità għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena hi qarrieqa.

X’jiswew l-indiċi ekonomiċi favorevoli jekk pajjiżna qed jindifen bil-konkrit u l-knaten, jekk pajjiżna żżarma mir-rispett, mill-ġustizzja u mit-tolleranza, jekk pajjiżna hu fgat bil-ħmieġ ta’ negozju bla rażan u bla qalb, jekk sezzjoni tal-poplu tgħakkset bl-għoli tal-ħajja u jekk is-sistema politika hi waħda li tippremja n-nepotiżmu u l-patronaġġ u għaldaqstant twarrab lil min jistinka u jasal bis-sagrifiċċju u b’ħiltu? Ir-riżultat tal-progress mingħajr għan u mingħajr viżjoni għajr l-akkwist ta’ aktar flus, żarma lill-ħajja Maltija minn kif nafuha, mill-memorja kollettiva tagħna ta’ ġrajja, u mill-oqsma naturali u kulturali.

Din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat, forsi mnebbaħ mir-riflessjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, fil-Parlament qal li l-Gvern għandu r-rieda politika li jkompli jirriforma. Stqarr li dan hu “work in progress”. Imma kif? Meta qegħdin f’sitwazzjoni fejn klikka fis-settur pubbliku hi sħab ma’ xi negozjanti li jiddettaw kif ser jinqasam il-ġid tal-poplu.

Il-Gvern ta’ Muscat tela’ bl-għajta ta’ moviment, b’wegħda li jkollna Malta Tagħna Lkoll, fejn ikollna għaqda dejjiema u fejn pajjiżna jitmexxa b’responsabbilità għal dak li hu sew. Ġara li twettaq mod ieħor u l-eżempju ma tkaxkarx minn fuq għal isfel. Pajjiżna tnawwar. Persważ li fis-skiet ta’ qalbu l-Prim Ministru jaf eżatt fejn u kif falla.

Il-Partit Demokratiku mhu marbut ma’ ħadd ħlief mad-determinazzjoni ta’ kull Malti u Għawdxi li jħossu li jikber, jaħdem u jgħix bis-serħan tal-moħħ f’pajjiżu

Ir-rieda politika li tagħraf it-tajjeb mill-ħażin, u li tibni fuq it-tajjeb u telimina l-ħażin titlob impenn kontinwu u konsistenza. Fil-leġiżlatura l-oħra jien irriżenjajt mill-eżekuttiv u minn whip tal-Gvern u bil-miktub tajt ir-raġunijiet ewlenin. Ma nistax ngħid li l-affarijiet tranġaw. Anzi, pjuttost qbadna n-niżla tal-arroganza.

Min-naħa l-oħra, gvern alternattiv jitlob kredibbilità. M’għandix għalfejn noqgħod nomgħodha. Bit-tmexxija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista tilef ruħu u għemilu u ma tantx qed iqanqal fiduċja. Din kienet ir-raġuni ewlenija għalfejn il-koalizzjoni tal-Forza Nazzjonali sfaxxat.

Bit-tielet rappreżentanza fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Demokratika hi dik il-vuċi soda, li bir-raġun u b’konvinzjoni qed tfittex l-interessi ta’ Malta u tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Demokratiku mhu marbut ma’ ħadd ħlief mad-determinazzjoni ta’ kull Malti u Għawdxi li jħossu li jikber, jaħdem u jgħix bis-serħan tal-moħħ f’pajjiżu.

Godfrey Farrugia huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

More in Blogs