Editorjal | 'Jekk il-PN jieħu t-tisbita li qed juru s-sondaġġi nafu fejn irridu nħarsu'
'Kull min huwa barra mis-swar jaf li hemm Nazzjonalisti akkaniti li kienu kważi jobgħodu lil-Labour li llum qed jieħdu r-ritratti mal-PM Joseph Muscat ...'
Is-sondaġġi li kienu ppubblikati bħal-lum ġimgħa (ara paġna 8) huma inkwetanti ferm. Iktar inkwetanti però hija din l-attitudni kważi ta’ riftjut li t-tmexxija tal-PN tirrikonoxxi din il-problema u għallinqas tidher li qed tagħmel xi ħaġa, li tmur lil hinn mill-paniġierki li min ilu konvertit. It-tmexxija tal-PN trid tidher, għax dak li tidher li qed tagħmel fil-politika huwa importanti daqs dak li fil-fatt qed tagħmel, li qed tlaqqa’ l-forzi kollha tal-PN, lil dawk li huma ta’ kwalunkwe ħsieb, ta’ kwalunkwe sfond u dawk kollha li forsi abbandunaw lill-partit, qed iġibhom flimkien.
Forsi dawk li għandhom l-uffiċini f’Tal-Pietà għadhom ma ndunawx x’qed jiġri, għax bnew is-swar u qed jemmnu l-illużjoni li ‘kollox sew’ li ‘m’hemm xejn ħażin, li ‘se naslu’ u li l-partit ‘jinsab magħqud’.
Mhux se nsemmu ismijiet ta’ nies privati, imma kull min huwa barra mis-swar jaf li hemm Nazzjonalisti akkaniti li kienu kważi jobgħodu lil-Labour li llum qed jieħdu r-ritratti mal-PM Joseph Muscat. Hemm nies li kienu jkunu fl-eqqel tat-tensjoni f’Ta’ Qali jew in-Naxxar fis-sala tal-għadd tal-voti, f’isem il-PN li llum ma jridux jafu bil-partit, li llum iħossuhom li m’għadhomx jiffurmaw parti mill-PN. Hemm tgedwid u tgergir fost il-Kunsilliera, b’uħud bħal Raymond Caruana fiż-Żejtun saħansitra se joħoroġ mal-Partit Laburista. Dawn mhux fuq switchers qed nitkellmu jew xi erba’ opportunisti, imma fuq nies li kif tgħid l-espressjoni kienu ‘demmhom blu.’ Fuq nies li ma tantx raw il-glorja tal-Labour.
Biex għadhom qed jitilqu dawn in-nies, min jaf kemm għadhom qed jitilqu oħrajn li mhux qed idoqqu trombi. U s-sondaġġ jurih dan
Biex għadhom qed jitilqu dawn in-nies, min jaf kemm għadhom qed jitilqu oħrajn li mhux qed idoqqu trombi. U s-sondaġġ jurih dan.
Biex tgħaxxaq kellna l-gaffe ta’ Kristy Debono u Hermann Schiavone li, min-negozjanti kollha li setgħu ltqagħu magħhom, marru jiltaqgħu ma’ Yorgen Fenech, l-istess negozjant li l-PN, ġustament, tefa’ tant dubju fuqu.
Jekk mhux każ sfaċċat ta’ stupitaġni politika, bilfors trid tkun nuqqas ta’ esperjenza u ħażen.
Hu x’inhu l-messaġġ kompla jintbagħat u aktar nies li forsi huma Nazzjonalisti mhux akkaniti u ħafna switchetrs ħaduh. ‘Dawn kollha l-istess’, ‘it-tnejn iridu min-negozjanti’, ‘it-tnejn iħokku dahar xulxin’.
Il-poplu jħoss li m’hemmx differenza reali bejn it-tnejn. Fuq il-mina, l-istess pożizzjoni. Fuq il-kaċċa l-istess pożizzjoni. Fuq il-qrubija man-negozjanti kbar, l-istess pożizzjoni. Fuq it-tolleranza għall-prattiċi ħżiena, issa l-istess pożizzjoni. Fuq it-turiżmu, fuq l-ekonomija... l-istess pożizzjoni u fuq il-barranin, pożizzjoni (suppost) differenti però x’se jagħmel u ma jagħmilx Delia qatt ma qal.
Kif kienet qalet tant tajjeb Daphne Caruana Galizia; ‘why buy a fake when you have the real thing?’
Barra mis-swar li bnew f’Tal-Pietà ħafna u ħafna Nazzjonalisti huma qalbhom maqtugħa, diżilużi u beżgħana. Imdejqin għax id-dawl fl-aħħar tal-mina mhux qed jarawh u għax qatt ma bassru li l-partit se jibqa’ jitlef u jitlef. In-Nazzjonalisti ġenwini issa xebgħu u ddejqu; min-naħa mill-bsaten fir-roti u minn oħra mill-inazzjoni, it-tgerfix u l-iżbalji.
Jalla f’Mejju l-PN ma jiħux it-tisbita li qed juru s-sondaġġi, però jekk jieħu nafu lejn min irridu nħarsu
Dan huwa ħażin għall-pajjiż. M’hemmx tidwir, huwa ħażin ħafna.
Iżomm kemm iżomm mas-siġġu wara s-sur, Adrian Delia, jekk żmien il-kontijiet f’Mejju ħa jagħtih xi telfa ta’ 50,000 vot ma jkollu ebda għażla ħlief li 1) jew jirriżenja jew inkella 2) jerġa’ jmur quddiem it-tesserati u jitlob vot ta’ fiduċja mingħand dawk li eleġġewh.
In-nuqqas ta’ dan ikun biss posponiment tal-ovvju u irresponsabbilità politika kbira, li din il-gazzetta se tibqa’ tikteb kontriha kemm ikun hemm bżonn.
Jalla f’Mejju l-PN ma jiħux it-tisbita li qed juru s-sondaġġi, però jekk jieħu nafu lejn min irridu nħarsu.
The buck stops with the leader, xejn iktar u xejn inqas!