Opinjoni | Wasal iż-żmien li mmexxu flimkien raħalna f’qalbna

Bl-għira u r-rejba għall-flus jitkabbru l-irjus jekk wieħed ma jżommx il-kolp ... jikteb Emanuel Farrugia

Il-PL fl-1993, illum fil-Gvern, kien kontra l-kunċett tal-kunsilli lokali u kien hemm kritika u oppożizzjoni mill-esponenti tal-Partit Laburista.

Dawn l-aħħar snin, jekk wieħed jiftakar tajjeb, smajna ħafna żebliħ f'ċertu kunsilli lokali madwar din il-gżira ta' Malta. L-aktar storja li kienet fuq fomm kulħadd kienet dik fejn fil-kunsill lokali ta' Tas-Sliema, kunsillier xerred materjal pornografiku u li għamel użu ħażin minn kompjuter. L-akbar oxxenità tagħha din l-istorja hi, li dan il-Kunsillier kien ħareġ kandidat mal-PL għall-elezzjonjijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Qorti tal-Appell kriminali kienet sabet lil dan il-Kunsiller ħati li żamm jew xerred materjal pornografiku u li għamel użu ħażin minn kompjuter.

F'xi kunsilli lokali, ċerti sindki jaħsbu li għandhom xi poter, imma mbagħad tara l-livell baxx ta' kompartament illi dawn juru. Dawn is-sindki fil-kunsill li jkunu qegħdin imexxu jkunu qegħdin jagħmlu ħafna ħsara lill-membri sħabhom stess. Qiegħed ngħid dan wara esperjenza ta' sitt snin fil-kunsilli lokali bħala Segretarju Eżekuttiv. Rajt u missejt ġlied fil-kunsill tal-Imtarfa, bidla ta' aktar minn għaxar Segretarji Eżekuttivi f'perjodu ta' għaxar snin fil-Kunsill Lokali tal-Birgu u qasma kbira fil-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien fejn hemm maġġoranza tal-PL.

F'xi kunsilli lokali, ċerti sindki jaħsbu li għandhom xi poter, imma mbagħad tara l-livell baxx ta' kompartament illi dawn juru

Bl-għira u r-rejba għall-flus jitkabbru l-irjus jekk wieħed ma jżommx il-kolp. Il-filosofija tal-kalma, l-għaqda u s-solidarjetà huma ferm importanti fit-tmexxija ta’ gvern lokali. Xi ngħidu mbagħad meta l-membri tal-Kunsilli Lokali jaslu biex jieħdu xi vot fuq l-offerti? Hemm, wieħed jinduna b'ħafna pjaċiri għall-ħbieb tal-ħbieb min-naħa tal-PL u min-naħa tal-PN skont il-maġġoranza li jkun hemm fil-Kunsill.

Iċ-ċittadini mill-kwiet ta' ġewwa djarhom ma jkunux jafu x'inhu għaddej minn wara l-kwinti fil-kunsill lokali tal-lokalità tagħhom, u għaldaqstant, huwa ferm importanti li dawn iċ-ċittadini jkunu jafu eżatt x'qiegħed jiġri fil-lokalità tagħhom. Tajjeb hawn li wieħed isemmi li ċertu Kunsilli Lokali għamlu żmien b'defiċit kbir taħt ċerti sindki.

Meta wieħed jinduna tajjeb xi jkun għaddej, iċ-ċittadini mal-ewwel jirriflettu li dawn is-sindki jkunu qegħdin jagħmlu ħsara kbira lil-lokalità tagħhom u billi joħorġu bl-ixkupa fit-toroq tal-lokalità biex jarawhom in-nies, il-ħsara xorta tkun saret. Ħsara tkun saret ukoll lill-partit politiku li jkunu qegħdin jirrappreżentaw. Huwa importanti li wieħed isemmi wkoll il-ġemellaġġi li ċerti Kunsilli Lokali għamlu ma' bliet oħra viċin tagħna. Safar bl-amment min-naħa tas-sindki mal-ħbieb tal-ħbieb fejn imbagħad fil-'Laqgħa liċ-Ċittadini' li ssir ta' kull sena jiġu jiftaħru kemm il-Kunsill qiegħed jaħdem għal-lokalità.

Min-naħa tiegħi nixtieq ngħid, u dan qiegħed ngħidu b'awtorità, li ħafna mis-safar ta' dawn il-ġemellaġġi qiegħed iservi ta’ vaganza għas-sindki u għal dawk tal-klikka tagħhom

Min-naħa tiegħi nixtieq ngħid, u dan qiegħed ngħidu b'awtorità, li ħafna mis-safar ta' dawn il-ġemellaġġi qiegħed iservi ta’ vaganza għas-sindki u għal dawk tal-klikka tagħhom.

Huwa ferm importanti li ċ-ċittadini f'dawn l-elezzjonijiet li ġejjin fil-25 ta' Mejju 2019, jixtarru sew u jużaw id-dehen tagħhom biex jagħżlu tmexxija ġusta jekk verament iridu l-ġid għal-lokalità tagħhom. Tajjeb hawn li wieħed isemmi li hemm bżonn li l-kunsulliera jkunu nies ta' integrità, kapaċità, u li jużaw politika li tisma’ u li sservi liċ-ċittadini b’ rispett għax permezz ta' hekk jitwettaq ħafna ġid. Hekk biss jista’ jkollna lokalitajiet li jagħtu isem lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Wasal iż-żmien li nmexxu flimkien b’raħalna jew beltna f’qalbna.

Emanuel Farrugia huwa Kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien f’isem il-Partit Demokratiku

More in Blogs