Mill-President | Grazzi minn qalbi

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca tirringrazzja lill-poplu Malti ftit jiem biss qabel jintemm it-terminu tagħha

Kien unur u privileġġ għalija li tul dawn il-ħames snin kelli l-opportunità li naqsam magħkom, bħala waħda minnkom, din l-esperjenza bħala l-President ta’ Malta.

Tul dan iż-żmien ħdimt qatigħ sabiex naqdi d-dmirijiet kostituzzjonali tiegħi, għaliex jien nemmen li d-demokrazija hija l-aqwa għodda li preżentement għandna biex niċċelebraw id-dinjità umana u nħarsu d-drittijiet umani u l-paċi fil-komunitajiet tagħna u fis-soċjetà tagħna.

Kien privileġġ għalija li nservi bħala l-President tagħkom u jien tassew grata lejn ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament, fejn għall-ewwel darba n-nomina tal-President ta’ Malta kien hemm qbil unanimu dwarha, kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, minkejja li kont ġejja min-naħa tal-Gvern.

Jalla dan il-qbil unanimu jkompli jirrenja għas-suċċessuri tiegħi, għaliex il-President ta’ pajjiżna m’għandux ikollu partiti iżda jrid jaqdi lill-poplu b’lealtà u b’kuxjenza u mhux biex jingħoġob.

Għaldaqstant, fi tmiem it-terminu tiegħi, irrid nagħti ħajr lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni li, minkejja li mhux l-ewwel darba kont kritika, aċċettaw b’rispett dak li għedt, u apprezzajt li kien hemm anke suġġerimenti li ttieħdu.

Irrid nagħti ħajr, fuq kollox, lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu għar-rispett u l-appoġġ li tani.

Nagħti ħajr ukoll lil dawk fostna li anke kkritikawni, forsi kultant b’għaġla u mhux bil-ħsieb, għaliex tgħallimt ħafna mingħandhom ukoll.

Aktar minn qatt qabel, nemmen li għandna l-abbiltà li nkunu uniċi. Għandna l-abbiltà li, jekk irridu, ħadd fostna ma jħossu waħdu. Għandna l-abbiltà li nsaħħu l-għaqda u saħansitra nġibu l-paċi fost il-ġnus

Tgħallimt minn kulħadd, speċjalment meta ġejt fostkom. Tgħallimt mit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Tgħallimt l-aktar fuq kemm aħna kapaċi individwalment, iżda aktar u aktar kemm aħna kapaċi meta nkunu magħqudin u nieqfu ma’ xulxin.

Illum, aktar minn qatt qabel, nemmen li għandna l-abbiltà li nkunu uniċi.  Għandna l-abbiltà li, jekk irridu, ħadd fostna ma jħossu waħdu. Għandna l-abbiltà li nsaħħu l-għaqda u saħansitra nġibu l-paċi fost il-ġnus.

Uliedna jixtiquna magħqudin u jridu minn Malta pajjiż fejn ħadd ma jbati u jkun eskluż.

Uliedna jriduna li nirrispettaw lil xulxin. Uliedna ma jridux ġlied, iżda jridu li Malta tagħna tilqagħhom u tagħtihom is-serenità f’qalbhom u f’moħħhom.

Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, inħeġġiġkom biex tkunu l-attivisti ta’ Malta ivvalutata għal ħidmietha ġenwina favur poplu inklużiv u reżiljenti biex, jekk Alla jrid, għada tkunu l-mexxeja denji u etiċi ta’ pajjiżna.

Għeżież ħuti Maltin u Għawdxin, nassigurakom li l-esperjenzi kollha li għaddejna flimkien ser jibqgħu minquxin f’qalbi bi mħabba u b’għożża.

Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lil Dott. George Vella kull suċċess fir-rwol ġdid tiegħu bħala l-President ta’ Malta

Minn qalbi nawgura li, f’kapaċità ġdida, inkompli nkun ta’ servizz sabiex ikollna paċi sostenibbli, prosperità inklużiva, u wellbeing ħolistiku fostna bħala l-poplu tal-Gżejjer Maltin, fir-Reġjun Ewro-Mediterran u lil hinn.

Grazzi minn qalbi.

More in Blogs