Editorjal | Daħħlu l-living wage u prosit tal-Air Malta

Din il-gazzetta temmen li l-‘living wage’ hija l-aqwa għodda biex neradikaw il-faqar

Għal bosta snin tkellimna dwar il-living wage, fil-fatt kien il-Partit Laburista stess li tkellem dwarha u l-bżonn li naħsbu fuq pagi li għall-inqas ikopru dak li huwa bażiku biex persuna tgħix b’mod diċenti.

L-ewwel nett x’inhi d-differenza bejn paga minima u living wage? Paga minima hija l-inqas paga li persuna li tista’ titħallas legalment, kulm’hu taħt dik il-paga huwa illegali. Din il-miżura mhix neċessarjament tikkunsidra l-inflazzjoni u l-ispejjeż biex persuna tgħix b’mod diċenti. Il-living wage hija kkalkulata skont l-ispejjeż meħtieġa biex persuna tgħix diċenti u allura skont il-prezzijiet tal-ikel, akkomodazzjoni, ħwejjeġ, dawl u ilma, mediċina u dak kollu li persuna teħtieġ biex tgħix kif suppost, f’pajjiż li qed jagħmel tant flus fis-seklu li qegħdin fih.

Hemm żewġ tipi ta’ spejjeż, hemm dawk li jwassal għalihom direttament il-Gvern u dawk li jwassal għalihom is-suq. Pereżempju, il-prezz tal-ħalib u l-ħobż huwa ddettat mid-domanda u l-forniment, il-kompetizzjoni u n-natura. L-ebda Gvern ma jista’ jqum filgħodu u jiddetta tal-ħalib xi prezz għandhom iżommu jew il-furnara xi prezz għandhom jitolbu. Il-Gvern jista’ biss jara li fil-proċess taż-żieda fil-prezzijiet il-konsumatur mhux qed jiġi żvantaġġjat b’mod inġust.

L-istess il-proprjetà. Il-Gvern ma jistax imur fuq ċittadin privat u jiddettalu kemm għandu jbigħ dik id-dar u allura x’marġini ta’ telf jew qligħ jista’ jagħmel. Persuna privata, sakemm qed timxi mal-liġi, għandha dritt tinvesti fil-proprjetà u dritt tagħmel dak li trid biha, mill-ġdid dejjem sakemm tkun osservata l-liġi.

Imbagħad hemm dawk l-ispejjeż li jiddeterminahom il-Gvern innifsu, fejn l-entitjiet huma mmexxijin mill-Gvern. Il-prezz tad-dawl u l-ilma u l-gass jiddeterminahom il-Gvern. U tajjeb infakkru li Gvern Laburista, għallinqas fejn ma sarux żbalji, raħħas id-dawl u l-ilma u stabilizza l-prezz tal-gass.

Li nintroduċu living wage hija waħda mis-soluzzjonijiet li jagħmlu ħafna sens u li verament jistgħu jagħmlu differenza

Issa għalfejn qed ngħidu dan? Qed ngħiduh għaliex huwa importanti li nitfgħu kull ċifra u numru u kritika f’kuntest. Il-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja ma ssirx billi ngergru fuq l-għoli tal-prezzijiet u nieqfu hemm. Ma jsirx billi noqogħdu ngħidu biss kemm għolew ċertu prodotti. Jekk il-prodott mhux ikkontrollat mill-Gvern m’hemm ebda garanzija li, jkun hemm min ikun hemm fil-Gvern, dak il-prodott ma jogħliex.

Li nistgħu nagħmlu huwa li fejn ma jistax jindaħal il-Gvern għandu jgħin.

Li nintroduċu living wage hija waħda mis-soluzzjonijiet li jagħmlu ħafna sens u li verament jistgħu jagħmlu differenza.

Bil-kunċett ta’ living wage, għalkemm xorta se jibqa’ jkollna min huwa fqir u min huwa sinjur, se jkollna mekkaniżmu li jikkalkula u sa ċerta punt jaċċerta illi d-dħul ta’ persuna jiggarantixxi li tista’ tgħix diċenti, li jkollha biżżejjed flus biex tixtri x’tiekol, biex issaħħan darha u biex f’każ ta’ mard ikollha biżżejjed biex tħallas il-mediċini.

Biex ma nerġgħux naraw stejjer bħalma rajna fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda. Biex ma jibqax ikollna nies li lanqas jaf hux se jkollhom saqaf fuq rashom għada jew le. Biex verament il-ġid igawdi minnu kulħadd, mhux hawn min qed iħallas tliet kwarti tal-paga għall-kirja.

L-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru illi l-prezzijiet tal-ikel baqgħu telgħin u telgħin, biex fi Frar waslu għall-ogħla rata ta’ inflazzjoni li kellna fl-aħħar sena.

Dan għandu jġegħelna naħsbu u għandu jġegħelna nifhmu li hemm bżonn ta’ proposti iktar konkreti u aktar dejjiema bħal-living wage.

Minn hawn nappellaw lill-klassi politika kollha, imma speċjalment lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li qed iqajjem is-suġġett tal-għoli tal-ħajja b‘mod frekwenti, biex jerġgħu jikkunsidraw dan il-mekkaniżmu u biex terġa’ tqum diskussjoni dwaru. Dan, partikolarment, għandu jsir fid-dawl tal-isplużjoni fil-prezzijiet tal-kiri u tal-proprjetà u quddiem iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel.

Din il-gazzetta temmen li l-‘living wage’ hija l-aqwa għodda biex neradikaw il-faqar.

Air Malta: ħidma li qed tħalli l-frott

Ilbieraħ tħabbar illi għall-ewwel darba fi 18-il sena l-Air Malta għamlet profitt.

Kif kien iħobb jgħid l-eks PM Lawrence Gonzi, “xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.”

Dan ir-riżultat pożittiv ħafna huwa frott deċiżjonijiet tajbin, tmexxija tajba, xi ftit sagrifiċċji wkoll, ħaddiema bieżla u Ministru li jaf x’inhu jagħmel!

Dan ir-riżultat pożittiv ħafna huwa frott deċiżjonijiet tajbin, tmexxija tajba, xi ftit sagrifiċċji wkoll, ħaddiema bieżla u Ministru li jaf x’inhu jagħmel!

Meta dan l-ispazju editorjali kien dwar 17 Black, konna għidna li kienet sfortuna illi minkejja l-kwistjoni kollha tal-Panama, il-Ministru Mizzi kapaċi jġib ir-riżultati. Din l-aħbar hija konferma.

Nemmnu li dak li tħabbar ilbieraħ, kien verament akkwist kbir għal pajjiżna u għal-linja nazzjonali tal-ajru, li sa ftit żmien ilu konna kważi ċerti li waslet għall-mewt.

Nittamaw li s-snin li ġejjin se jkomplu jfissru tkabbir u suċċess għal-linja nazzjonali tal-ajru.

Long live Air Malta!

More in Blogs