Editorjal | Traġedja f’New Zealand: qed ngħixu l-istorja li nsejna?

Hitler miet (jew qatel lilu nnifsu), imma sfortunatament l-ispirtu tiegħu għadu jgħix f’wisq nies biex qatt inkunu sereni 

Lanqas laħqet għaddiet ġimgħa minn meta din il-gazzetta, f’dan l-editorjal wissiet dwar l-implikazzjoni ta’ vot għal-lemin estrem li jxerred il-viżjoni ta’ uniformità stretta, razziżmu bħala stat ta’ fatt u aktar u l-viżjoni ta’ superjorità vs l-inferjorità, ta’ min huwa Kristjan versus min mhux, ta’ min hu abjad versus min mhux, ta’ min huwa bravu u intelliġenti versus min twieled biex jibqa’ ‘taħt’ fil-kasta.

Lanqas ilħaqna nsejna dan l-editorjal li ma kellniex attakk faħxi ta’ terroriżmu minn dawk li jemmnu illi qed ninbelgħu u nitilfu l-identità u minn dawk li jemmnu illi r-risposta għal dan hija retribuzzjoni u mibgħeda.

49 persuna li kienu qed jitolbu fil-kwiet, sfaw maqtulin bla ħniena minn xi ħadd li jekk ma tridx kien qed jieħu filmat ta’ dak li qed jiġri u persuni li kienu qed jaraw il-filmat, iħeġġuh ikompli. Il-filmat tal-biża’ ta’ persuna li ma waqfitx tispara tassew ikessħek u jġiegħlek tistaqsi; imma kif hawn min jasal daqshekk? X’intern irid ikollu bniedem biex joqtol tant nies? Kif fallejna bħala soċjetà biex qed naraw inċident faħxi bħal dan u oħrajn li ġew qablu fejn l-aggressuri setgħu kienu ta’ reliġjon differenti?

Bl-Ingliż ngħidu ‘you sow the wind, you get the whirlwind’, bil-Malti ngħidu ‘li tiżra’ taħsad’. Iż-żerriegħa tal-mibgħeda razzjali, tas-superjorità razzjali u tan-Neo-Nazziżmu qed issib art għammiela b’ħafna li jirromantiċizzaw fuq Hitler, li jiċħdu l-atroċitajiet tal-kampijiet tal-konċentrament, li jaraw fir-razza differenti l-għadu, iż-żerriegħa tal-fundamentaliżmu reliġjuż, tat-tortura u l-ħdura f’isem Alla, Allah jew ħaddieħor.

Sfortunatament erġajna qed naraw, l-ispettru tal-ħdura jgħolli rasu. Spettru li sab ħabiba konvenjenti fil-midja soċjali. Spettru fejn in-Neo-Nazzist illum mhux talli ma jħossux waħdu, talli jħossu komdu biżżejjed jidħol fuq filmat u jħeġġeġ lil sieħbu jkompli joqtol u joqtol u joqtol u joqtol.

Hitler miet (jew qatel lilu nnifsu), imma sfortunatament l-ispirtu tiegħu għadu jgħix f’wisq nies biex qatt inkunu sereni u ngħidu li verament tgħallimna mid-dnubiet u l-weġgħat tal-passat.

U min jinsa l-istorja huwa kkundannat li jgħixha mill-ġdid.

Annimal selvaġġ postu fis-selvaġġ, mhux f’bużżieqa li noħolqu aħna għalih

Xi kultant l-uman jaf ikun vera wiċċu tost. Mhu qed nirreferu għall-ebda individwu hawnhekk, imma qed nirreferu għall-umanità b’mod ġenerali. U qed nużaw il-każ ta’ din il-ġimgħa fejn annimal selvaġġ instab fuq bejt ta’ dar fil-Fgura, bħala kuntest.

Imma mhux maħqur qalu. Allura kollox sew! Għax ma tafx int! Għamilna bħal kaskata, u kenn u naqra dekorazzjonijiet, mela dnubietna maħfura u kollox sew u kulħadd kuntent. Annimal selvaġġ, postu fis-selvaġġ, jgħix fis-selvaġġ u għandu jkun fis-selvaġġ. La f’xi ċirku, la f’xi żu u lanqas fuq xi bejt.

Li annimal, hu liema hu, hu ta’ min hu, meta jitneħħa mill-ambjent naturali tiegħu u jkun kostrett fi spazju magħluq, hux spazju magħluq kbir jew hux spazju magħluq żgħir, qiegħed hemm għall-gost u l-pjaċir tal-bniedem.

Hawnhekk mhux fuq fenek tal-Indì jew xi kanarin qed nitkellmu, qed nitkellmu fuq annimal selvaġġ li normalment u suppost jiġri u jivvjaġġa mili kbar u li fin-natura tiegħu għandu l-istint tal-kaċċa, huwa predatur li għandu bżonn il-priża. Mhux idur min-naħa għall-oħra fi ftit metri ta’ bejt u mitmugħ xi biċċa ċanga tiswa l-belli liri. Annimal selvaġġ mhux id-deheb u x-xinxilli jrid, irid is-selvaġġ! U kull draba li neħduh barra min-natura tiegħu qed naħqruh.

Min irid jara tigra jew iljun jew ġiraffa jew xi puma, jista’ jġemma’ l-flus u jmur safari u jgawdi kemm irid u kemm jogħġbu l-annimali slavaġ. Imma fl-abitat u n-natura tagħhom, mhux fil-bużżieqa li noħolqu aħna għalihom.

Fuq il-każ partikolari tal-Fgura u ċerti li hemm oħrajn bħalu, issa li hemm hemm. Għall-magħmul, f’dan il-każ m’hemmx kunsill. Nittamaw biss li dan il-każ huwa l-aħħar wieħed li se naraw bħalu.  

More in Blogs