Opinjoni | Ħadd waħdu

Hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jaraw kif jigwidaw lill-intrapriża privata fejn iridu s-soċjetajiet tagħhom jaslu. Fejn iridu jmorru? X’inhi l-viżjoni? Fejn iridu jkunu fi żmien 15-il sena?

Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku globali hija mistennija li tnaqqas ir-ritmu b’mod aktar mgħaġġel minn dak mistenni. Fost ir-raġunijiet li qed jissemmew hemm l-hekk imsejħa “trade wars”, volatilità fis-suq finanzjarju li xxekkel l-investiment, Brexit, u anke l-politika Amerikana.

Iddiskutejt dan matul il-programm ta’ ġrajjiet kurrenti Raw Politics, imtella’ minn Euronews. Il-programm sar fl-istess ħin li kien qed jittella’ l-World Economic Forum f’Davos u l-ewwel punt li tqajjem kien dwar iż-żieda fil-movimenti populisti u nazzjonalisti.

Għalija l-isfida qiegħda f’kemm il-partiti u l-politiċi huma kapaċi jantiċipaw u jirrispondu għall-populiżmu. Jekk nieħdu l-eżempju ta’ Davos u l-World Economic Forum —li suppost hu assoċjat ma’ viżjoni ekonomika dinjija — ħafna jinterpretawh bħala talking shop elitista. Għalija dan ifisser li jrid isir aktar xogħol biex il-politiċi u min qed jaħdem fuq policies differenti ma jkunux maqtugħa mir-realtajiet tal-popli.

Nemmen li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma differenti tas-soċjetà u l-ħtieġa li nippreparaw lill-istudenti għall-postijiet tax-xogħol tal-ġejjieni huma żewġ affarijiet li jmorru id f’id

Fid-dawl ta’ dak li qalet l-IMF, il-mistoqsija ewlenija hija jekk l-Unjoni Ewropea hijiex ippreparata fil-każ li jkollna perijodu ta’ tnaqqis ekonomiku. Biex inkun onesta, il-biża’ tiegħi huwa li x’aktarx l-Unjoni Ewropea mhix ippreparata biżżejjed.

Fil-każ ta’ Malta l-IMF ħarġet bi tbassir pożittiv b’suġġeriment dwar fejn nistgħu ntejbu u xi sfidi li rridu nindirizzaw, filwaqt li sostniet li ninsabu fit-triq it-tajba biex inwettqu riformi meħtieġa. Barra minn hekk, l-IMF iddikjarat ukoll li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna hu fost l-iktar b’saħħithom fl-Ewropa. Dan it-tbassir ma kienx pożittiv għal pajjiżi oħra.

F’dinja globalizzata, ir-riskju huwa li tibdil jew nuqqas ta’ stabbiltà f’pajjiż wieħed jaffettwa lill-pajjiżi l-oħra. L-eżempju ta’ Brexit fost oħrajn huwa xhieda ħajja tal-vulnerabbiltà tal-ekonomiji madwarna.  Xi jfisser dan fl-aħħar mill-aħħar? Li l-piż ta’ impatt negattiv fit-tkabbir ekonomiku se jinħass mill-ħaddiema, miż-żgħażagħ, mill-familji, u mill-anzjani Ewropej. Wisq nibża’ li ħafna drabi l-attenzjoni tal-gvernijiet u min imexxi tieqaf sa dak li huwa l-immedjat: dak li hu l-aktar viċin u dak li jkun qed jinħass fil-mument. Bħal donnu ma jkunx hemm attenzjoni għal x’jista’ jkun hemm wara l-kantuniera.

Dan iġibni għal punt ieħor: kif in-natura tax-xogħol kif nafuha llum qed tinbidel u se tkompli tinbidel fil-futur. Mhux neċessarjament qed nirrispondu biżżejjed għal din it-tranżizzjoni. L-appoġġ għal din it-tranżizzjoni jinsab f’idejn il-gvernijiet. Hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jaraw kif jigwidaw lill-intrapriża privata fejn iridu s-soċjetajiet tagħhom jaslu. Fejn iridu jmorru? X’inhija l-viżjoni? Fejn iridu jkunu fi żmien 10, 15-il sena? Nemmen li l-agħar pass li pajjiż jista’ jagħmel huwa li jħalli t-tibdil iseħħ, imbagħad jirreaġixxi. Dan ifisser li ż-żgħażagħ ma jkunux preparati għax-xogħlijiet tal-futur. Hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jaħsbu għal dan.

Iż-żgħażagħ infushom huma konxji dwar il-futur tagħhom u l-futur tagħna. Fil-jiem li għaddew ħadt sehem f’diskussjoni organizzata mill-President’s Foundation for the Wellbeing of Society. Tul din il-konferenza ħarġu diversi punti interessanti dwar il-politika, is-sistema edukattiva, u l-opportunitajiet ta’ xogħol f’oqsma ġodda, fost oħrajn.

Ħadt gost niddibatti magħhom, għax kuntrarjament għalina l-adulti, it-tfal u ż-żgħażagħ jgħidu dak li għandhom fuq moħħhom mingħajr ħafna tidwir mal-lewża. Fuq kollox, ħadt gost nisma’ s-suġġerimenti li kellhom, fejn fl-istess ħin fhimt aktar minn qatt qabel li f’pajjiżna għandna l-fortuna li għandna żgħażagħ attivi, b’moħħ indipendenti, u li minn issa qed juruna x’viżjoni għandhom għall-futur tagħhom u ta’ pajjiżna.

Kienet interessanti l-firxa wiesgħa ta’ suġġetti li tqajmu; minn suġġerimenti għal tagħlim ċiviku dwar suġġetti politiċi, għal aktar appoġġ fil-komunità lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, inċentivi biex jitnaddaf l-ambjent, suġġerimenti dwar bini abbandunat għal sistemi aktar kreattivi fit-tagħlim sal-bżonn ta’ għarfien mill-kbar dwar il-ħsibijiet tat-tfal f’każ ta’ separazzjoni.

Fid-dawl ta’ dak li qalet l-IMF, il-mistoqsija ewlenija hija jekk l-Unjoni Ewropea hijiex ippreparata fil-każ li jkollna perijodu ta’ tnaqqis ekonomiku

Studenta tal-Pure Math u l-Fiżika ressqet argumenti dwar kemm għad irid isir xogħol f’oqsma bħal dak li qed tistudja hi. Qalet li kontinwament ikollha turi l-kapaċitajiet tagħha fil-klassi aktar minn ħaddieħor.

Qalet li assolutament ma tistax għaliha li tisma’ kummenti li hi tajba biss fil-kċina;  kummenti li jingħadu minkejja li ninsabu fl-2019. Ma stajtx ma nikkummentax dwar dan  għaliex sfortunatament din hija xi ħaġa li ssibha wkoll fl-ogħla livelli. Għaddejt minnha jien u konvinta li għaddew minnha nisa oħra. Fadlilna ħafna x’naqdfu. Biżżejjed tara ċerti kummenti fuq l-internet. Ir-realtà hi li s-soċjetà tagħna ma jistħoqqilha xejn anqas milli toffri opportunitajiet sew lin-nisa u anke lill-irġiel.

Nemmen li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma differenti tas-soċjetà u l-ħtieġa li nippreparaw lill-istudenti għall-postijiet tax-xogħol tal-ġejjieni huma żewġ affarijiet li jmorru id f’id. Li nipprepraw ruħna għal dan it-tibdil ifisser li nkunu qed nilqgħu biex ikollna futur aktar b’saħħtu li ma jħalli lil ħadd warajh.

Miriam Dalli hija MEP f’isem il-Partit Laburista

More in Blogs