Editorjal | L-2018 għaddiet ukoll....

It-tim tal-gazzetta ILLUM jirringrazzja lill-qarrejja talli matul l-2018 baqgħu jsegwu din il-gazzetta u lill-qarrejja l-ġodda li għenu biex il-bejgħ ta’ din il-gazzetta jiżdied

L-2018 għaddiet ukoll. Kienet sena ġeneralment aktar kwieta fuq livell lokali, imma mqallba fuq livell Ewropew u internazzjonali. Nibdew b’dak li huwa lokali.

Tul l-2018, ekonomikament, il-pajjiż ġera ’l quddiem u qabeż lill-pajjiżi kollha jew kważi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din hija kisba għal pajjiżna, mhux biss għax issa għandu ħafna iktar flus minn fejn iqassam imma wkoll għax juri kif mhux biss salvajna mill-kriżijiet ta’ madwarna iżda ħriġna aktar b’saħħitna wara l-kriżijiet ta’ madwarna. Huwa veru li dak li qed jiġri madwarna qed jgħin fit-tkabbir, imma pajjiżna mhux qiegħed fil-quċċata b’kumbinazzjoni. Kif kien jgħid l-eks PM Lawrence Gonzi, ‘xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni.’

Sfortunatament lanqas hija kumbinazzjoni li isem pajjiżna ġie mċappas daqstant. Din kienet is-sena illi matulha komplejna nifhmu aħjar qtil ta’ persuna li xxokkja pajjiż u li l-aħħar li konna rajna bħalu kien snin ilu meta nqatlu Raymond Caruana u Karin Grech, f’okkażjonijiet separati. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, heżżeż il-fundamenti ta’ dan il-pajjiż f’kull sens u matul l-2018 ilkoll batejna mill-konsegwenzi tal-att kodard. Matul din is-sena għajnejn id-dinja ntefgħet fuqna u saru numru ta’ rapporti, uħud minnhom mhux ġusti u ferm żbilanċjati, li taw isem ħażin ħafna lil Malta.

L-2018 kienet ukoll is-sena illi fiha ħallejna kumpanija li hija ta’ anonimu mill-British Virgin Islands, li tajnieha l-flus u li ma tatna xejn lura u li r-rappreżentant tagħha kellu passat dubjuż, jaqbdu tliet sptarijiet li akkwistaw u jbigħu l-konċessjoni tagħhom lil kumpanija. Dan minflok kien il-Gvern li ħa lura dawn l-isptarijiet u fetaħ mill-ġdid il-proċess tal-privatizzazzjoni. U l-kuntratturi ma tħallsux (mill-VGH), u l-flus ma nafux fejn marru u tal-VGH telqu mill-pajjiż u ħadd ma jaf xejn. Forsi fl-2019 insiru nafu aħjar x’kien eżatt dan il-ftehim li lill-VGH tah ħafna u lill-pajjiż tah ftit li xejn.

L-2018 se tibqa’ wkoll is-sena illi matulha sirna nafu li Egrant mhijiex ta’ Michelle Muscat, li ma kien hemm ebda kont ta’ Egrant fil-Bank Pilatus u li kien hemm konverġenzi fix-xhieda dwar l-aktar dokument importanti (Declaration of Trust) bejn Maria Efimova u Daphne Caruana Galizia. Dan apparti firem li rriżulta li kienu foloz fuq l-istess dokument u l-ebda flus għaddejjin fil-kont ta’ Muscat. Dan kien mument li lil Muscat għamlu prattikament insormontabbli politikament. Minkejja dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu raġun iżda li jitlob ir-rapport kollu tal-inkjesta u l-fatt illi jirriżulta li dan ir-rapport jinsab għand bosta f’Kastilja u barra minn Kastilja jagħmlu ħafna aktar urġenti li tal-anqas il-Kap tal-Oppożizzjoni jingħata kopja wkoll.

L-2018 kienet ukoll is-sena li sirna nafu ta’ min hija 17 Black; ta’ Direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech. Il-kobba tidher li qed tinħall sew, imma dawk li huma msemmijin, Keith Schembri u Konrad Mizzi, baqgħu jsostnu l-innoċenza tagħhom. Fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet Muscat baqa’ jimmanuvra biex kemm jista’ jkun ma jiħux deċiżjonijiet. Jista’ jkun li fl-2019 ma jkollux għażla oħra.

Fuq livell Ewropew, din is-sena kellna s-saga tal-Brexit li aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar qed titfa’ lill-pajjiż f’inċertezza. Il-pajjiż jinsab f’pożizzjoni ħażina ħafna b’għajta għal referendum mill-ġdid. Nittamaw li l-2019 tkun is-sena li r-Renju Unit jiddeċiedi li l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea huwa verament ġennata, li ma jistax ikollu kundizzjonijiet bħal ta’ pajjiżi fl-UE filwaqt li jibqa’ barra u li fl-Unjoni Ewropea jkollu aktar saħħa jinnegozja u jagħmel id-differenza.

L-2018 kienet sena illi fiha komplew il-mewġiet ta’ immigranti u kompliet toħroġ fid-deher l-ineffettività tal-UE f’din il-kwistjoni b’ħafna mill-pajjiżi jsostnu l-ħitan u ma jaċċettawx immigranti f’arthom. 32 immigrant kienu bejn sema u ilma fl-aħħar ta’ din is-sena għal ġranet sħaħ, sintomu tar-reżistenza lejn l-immigrazzjoni mill-Ewropa. Lokalment din il-kwistjoni tappnet xi ftit ir-relazzjoni bejn pajjiżna u l-Italja hekk kif il-botti u riposti bejn Malta u Salvini ma waqfux.

Matul l-2018 ħallewna wkoll xi nies. Minn Malta kellna l-mewt ta’ Charles Miceli, pijunier fil-qasam tal-faqar u wieħed mill-ogħla vuċijiet fuq il-kwistjoni tal-faqar u kellna wkoll il-qtil tal-intraprenditur Hugo Chetcuti.

Kollox ma’ kollox, kienet sena politika kwieta għal pajjiżna. Forsi bi preparazzjoni għall-2019 illi fl-ewwel nofs tagħha mistennijin naraw kampanja għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li mistennija tkun elezzjoni pjuttost indikattiva u determinanti għad-destin poltiku ta’ bosta fil-politika.

It-tim tal-gazzetta ILLUM jixtieq jirringrazzja lill-qarrejja talli matul l-2018 baqgħu jsegwu din il-gazzetta u lill-qarrejja l-ġodda li għenu biex il-bejgħ ta’ din il-gazzetta jiżdied.

Nixtiqulkom sena mill-isbaħ, mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbkom.        

More in Blogs