Editorjal | Qabel ma hi tagħna lkoll, il-Belt hija tal-Beltin
Il-Belt Valletta mhix biss in-negozji u l-lukandi. Hija wkoll, anzi prinċipalment hija, tar-residenti
Kull min mar il-Belt Valletta nhar il-Ħamis li għadda ma setax ma jinnotax l-ammont kbir ta’ nies li daħlu jixtru, jieklu u jduru mat-toroq tal-Belt Kapitali tagħna. Inzerta li din il-ġimgħa wkoll ġiet fi tmiemha, uffiċjalment, Valletta 2018.
Il-Belt Valletta, iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed issir mekka ta’ negozji, boutique hotels u ħajja. Iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed issir tixbah belt kożmopolitana, fejn l-istorja grandjuża u ġeneralment il-Barokk tiltaqa’ ma’ dak li huwa iktar modern. Mhux ta’ b’xejn ikunu mballati bin-nies it-toroq u l-ħwienet tal-Belt Valletta. Fl-aħħar snin saru ħafna proġetti ta’ restawr, tlestiet id-daħla tal-Belt Valletta, Pjazza Tritoni u issa l-MUŻA wkoll. Ilkoll flimkien, kemm il-proġetti pubbliċi u anke dawk privati, għamlu lil din il-belt waħda ħafna iktar vibranti.
Imma l-Belt Valletta mhix biss in-negozji u l-lukandi. Hija wkoll, anzi prinċipalment hija, tar-residenti.
Tajjeb li niftakru illi l-fatt li aktar nies qed imorru l-Belt għal xi bibita jew ikla mal-ħbieb/familja jfisser illi qed jinħoloq aktar inkonvenjent għar-residenti. Nemmnu illi l-Belt Valletta għandha tkun il-post fejn kulħadd irid jgħix, ikun dak l-indirizz prestiġjuż. Imma biex dan iseħħ ir-residenti jridu jħossu illi huma apprezzati u li huma fiċ-ċentru tal-bidliet kollha li qed iseħħu.
Nemmnu illi l-Belt Valletta għandha tkun il-post fejn kulħadd irid jgħix, ikun dak l-indirizz prestiġjuż. Imma biex dan iseħħ ir-residenti jridu jħossu illi huma apprezzati u li huma fiċ-ċentru tal-bidliet kollha li qed iseħħu
Huwa importanti li ċerti żoni jkunu riġenerati kemm jista’ jkun malajr biex il-Beltin jkunu qed jgħixu f’ambjent li huwa dehen ta’ dik li kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa importanti wkoll, għalkemm nifhmu li din hija sitwazzjoni kkumplikata, li tinstab soluzzjoni għal dawk in-nies li għalihom dan il-qawmien ekonomiku fil-Belt Valletta fisser li tilfu s-saqaf li kellhom fuq rashom. Ma’ din il-gazzetta sa anzjani tkellmu, anzjani li għandhom żmien sa meta jistgħu jibqgħu jgħixu fil-post mikri qabel dan isir parti minn lukanda.
Nhar it-28 ta’ Settembru tas-sena l-oħra, il-Gvern kien ħabbar proġett kbir ta’ €24 miljun li kellu jirriġenera ż-żona tal-Mandraġġ u bejn il-Mandraġġ u Sant’Iermu. Dan kien qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Valletta 2018. Minkejja li għaddiet din iċ-ċelebrazzjoni ma jidhirx illi dan il-proġett beda. U din hija ħasra! Kienet tagħmel iktar sens kieku l-poplu tal-Belt Valletta beda jaqta’ l-frott tal-Valletta 2018 minn issa. Minkejja dan, nittamaw li dan il-proġett jibda kemm jista’ jkun malajr.
Apparti l-proġetti infrastrutturali iżda huwa importanti li jinżammu ċerti standards, speċjalment fejn jirrigwarda ħsejjes u ndafa. Ġimagħtejn ilu kellna każ ta’ mużika li baqgħet għaddejja l-lejl kollu għad-detriment tar-residenti, xi ħaġa li mhix aċċettabbli.
Tkellimna ħafna dwar il-legat ta’ Valletta 2018. Apparti proġetti tajbin u avvenimenti popolari mtellgħin b’mod effiċjenti, l-aqwa legat li nistgħu nħallu huwa li l-Beltin ikunu aħjar, iħossu li qed jgħixu aħjar u jħossu li jistgħu jagħmlu tagħhom dak kollu li jsir fil-Belt, mill-festi, sal-arti kontemporanja, mill-monumenti sal-iskejjel, min-negozji sal-ġonna. Wara kollox qabel ma hija tagħna lkoll, il-Belt Valletta hija tal-Beltin.
Brexit: Inkwiet
Din il-ġimgħa kompliet tiżvolġi t-traġi-kummiedja ta’ Brexit, b’May issalva vot ta’ fiduċja. Dak li qiegħed jiġri, jekk irridu nissimplifikawh, huwa li pajjiż li jixtieq joħroġ mill-Unjoni Ewropea qed jitlob kundizzjonijiet li huma bħal (jew viċin ħafna) dawk ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Bil-Malti ngħidu tridha ħobla u tredda’. Jew ġewwa jew barra. Għalhekk jagħmel ħafna sens l-argument tal-mexxejja tal-UE, inkluż tal-PM Malti, li r-Renju Unit ma jista’ qatt ikollu pakkett ta’ kundizzjonijiet li jħalluh fl-istess livell ma’ pajjiżi membri.
Il-poplu Ingliż huwa sovran u hekk iddeċieda. Dik id-deċiżjoni, kerha kemm hi kerha, trid tkun irrispettata.
Dan naturalment ma jneħħi xejn mill-fatt illi pajjiżna se jitlef alleat b’saħħtu. Malta se titlef l-akbar alleat tagħha f’dak li jirrigwarda l-armonizzar tat-taxxa, jiġifieri li l-kumpaniji jkunu ntaxxati l-istess fil-pajjiżi kollha membri. Li jfisser allura li Malta titlef il-vantaġġ qawwi tagħha permezz ta’ rati ta’ taxxa baxxi ħafna, liema vantaġġ huwa r-raġuni għalfejn ġew tant kumpaniji tal-gaming u tas-settur finanzjarju.
Il-ġlieda se tkun bil-wisq aktar diffiċli mingħajr ir-Renju Unit!
Imma l-poplu Ingliż huwa sovran u hekk iddeċieda. Dik id-deċiżjoni, kerha kemm hi kerha, trid tkun irrispettata.