Editorjal | Delia, il-kejl ta’ ħaddieħor jgħodd għalik ukoll

Dak li hu ħażin għall-wieħed, ħażin għall-ieħor. Bl-Ingliż ngħidu ‘what’s good for the goose, is good for the gander'

Jgħidu x’jgħidu dawk li xogħolhom huma r-relazzjonijiet pubbliċi u dawk li jiddependu mill-eġemonija politika għas-sopravivenza tagħhom, il-kwistjoni kollha ta’ 17 Black, allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u l-kuntratt lill-Vitals Global Healthcare jistgħu jirriżultaw, jekk ippruvati u jekk jibqgħu ħerġin aktar trufijiet, fl-agħar eżerċizzju ta’ korruzzjoni li qatt ra dan il-pajjiż. B’mod speċjali jekk dawn huma lkoll magħqudin flimkien, akbar u akbar tkun it-tisbita għal pajjiżna u għall-Partit Laburista.

Għandek Gvern li minkejja il-pożittiv kollu li wettaq għandu sħaba sewda fuqu li jisimha ‘Panama’ u li ma tistax titlaq mar-riħ.

Mela allura fuq in-naħa l-oħra hemm in-neċessità li jkollok persuna eżemplari li jekk jista’ jkun hija bajda silġ, retta, eżatta u li ma ġġorr ebda dubji u li ma jkollha ebda sħaba hi stess fuqha. Tistaqsu; imma kif jista’ jkun? U r-risposta hija sempliċi: jekk inti konxjament se tagħmel il-korruzzjoni ż-żiemel tal-battalja tiegħek, mela allura trid tkun nadif, perċeput li inti nadif u bl-intenzjonijiet kollha li tibqa’ nadif. Xejn iktar u xejn inqas.

Kull politiku li jkollu sħaba sewda ta’ allegazzjonijiet serji, fil-Gvern u fl-oppożizzjoni, għandu jwarrab u jagħmel spazju sakemm ismu jkun mnaddaf u l-innoċenza tiegħu aċċertata

Dak li kien irrappurtat nhar il-Ħadd li għadda dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni jitfa’ lilu u lill-partit li jmexxi fi żvantaġġ. Kif? Għaliex il-fatt jibqa’ li l-Pulizija qed jinvestigaw allegazzjoni serja u l-irbit tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ xibka ta’ prostituzzjoni f’Londra u li l-FIAU kitbet rapport dwar din ix-xibka u r-rabta li Delia għandu magħha. Dan ifisser illi hekk kif hemm rapporti tal-FIAU dwar Konrad Mizzi u hekk kif hemm investigazzjonijiet fuq Keith Schembri u hekk kif Delia qed jinsisti (bir-raġun) li persuni li qed ikunu investigati m’għandhomx jibqgħu fil-poter, hekk ukoll Delia jeħtieġ juża dan il-kejl għalih ukoll. Il-governanza tajba mhix għażla, m’intix qiegħed is-supermarket tagħżel il-governanza lil ħaddieħor, imma ma tagħżilhiex għalik.

Delia nhar il-Ħadd innega. Prosit! Anke Konrad Mizzi ċaħad li 17 Black kienet se tgħaddi flus lill-kumpanija tal-Panama li kien fetaħ, anke Keith Schembri ċaħad illi kien se jaċċetta flus minn din il-kumpanija li kelha flus fiha minn żewġ sorsi b’ħafna mistoqsijiet. Imma m’emminhomx Delia, tant hu hekk li sejjaħ għar-riżenja tagħhom imqar sakemm ‘isimhom jitnaddaf’.

Allura skużi, il-kejl ta’ Muscat u ta’ Konrad u ta’ Keith ma jgħoddx għal Delia?

Kull politiku li jkollu sħaba sewda ta’ allegazzjonijiet serji, fil-Gvern u fl-oppożizzjoni, għandu jwarrab u jagħmel spazju sakemm ismu jkun mnaddaf u l-innoċenza tiegħu aċċertata. Ma jistax ikun nużaw il-kejl tal-libelli u tal-qrati u tal-inkjesta ma’ naħa, imma mbagħad lin-naħa l-oħra niskolpuha u naħfrulha b’sempliċiment ‘m’għamilt xejn ħażin.’

U għalhekk dak li qalet Ana Gomes ma’ din il-gazzetta jagħmel sens. Issa aħna nafu li ħafna nies ma tantx iġerrħuha lil din il-mara u qed jarawha bħala persuna li qed ‘tiddeffes fejn ma jesagħhiex’. Imma ejja għallinqas nirrikonoxxu l-konsistenza tagħha. Qalet Ministri għandhom jirreżenjaw għax hemm allegazzjonijiet serji kontrihom u issa qed tgħid, bl-aktar mod ċar, li anke Delia għandu jirrżenja.

Jekk Delia se juża l-Gvern ta’ Muscat bħala l-punt ta’ riferiment u jagħmel bħalu meta jkollu quddiemu kwistjonijiet ta’ governanza u allegazzjonijiet serji, mela allura nistgħu nibqgħu bil-Labour

Dak li tajjeb għal wieħed, tajjeb għall-ieħor. Dak li hu ħażin għall-wieħed, ħażin għall-ieħor. Bl-Ingliż ngħidu ‘what’s good for the goose, is good for the gander.’

Anke fuq livell ta’ partit ma tagħmilx sens il-ħaġa. Delia neħħa lil Simon Busuttil fuq dak li hu ddeskriva bħala ‘żball ta’ ġudizzju politiku’. Mela kemm hu aktar żball ta’ ġudizzju li għandek dell ikrah fuqek, issa jirriżulta li qed tiġi investigat u konxjament qed titfa’ dan id-dell fuq il-partit kollu?

Dik il-parti tal-poplu li m’għandhiex partit issa mxebba’. Imxebba’ tisma’  l-argumenti ta’ ‘inti korrott iktar, jiena korrott inqas’, imxebba’ tisma’ politiċi jkejlu mod għalihom u mod ieħor għal ħaddieħor.

Fuq bażi personali Delia jidher li huwa raġel b’intenzjonijiet tajbin u kariżmatiku. Huwa faċli li titkellem miegħu u faċli li tifhem x’qed jgħid. F’dawn l-aħħar xhur huwa ċar illi kien hemm progress qawwi fil-mod kif jitkellem u fil-mod kif jippreżenta argument. Imma żewġt'iĦdud ilu, l-erba’ passi ’l quddiem marru 100 lura.

Jekk Delia se juża l-Gvern ta’ Muscat bħala l-punt ta’ riferiment  u jagħmel bħalu meta jkollu quddiemu kwistjonijiet ta’ governanza u allegazzjonijiet serji, mela allura nistgħu nibqgħu bil-Labour.  L-oriġinali dejjem aħjar mill-photocopy.

More in Blogs