Opinjoni | Bejn kliem u fatti...

Ħadd ma jieħu gost jara isem pajjiżu jitkaxkar għal darba wara l-oħra, quddiem kumitat fil-Parlament Ewropew

Għaddiet ġimgħa oħra: ġimgħa maqsuma bejn Malta u Brussell fost impenji differenti li matulhom ħadt sehem f’avvenimenti u laqgħat differenti relatati mal-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew kif ukoll lokalment.

Hija ħajja mgħaġġla u, bħal kull ġenitur ieħor li jaħdem, hemm l-isforz biex jinstab il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata. Is-sodisfazzjoni tiegħi jinbet mill-fatt li filgħaxija nista’ ndur fuq it-tfal tiegħi u ngħidilhom li bħalissa qed naħdem biex huma u tfal oħra jkollhom futur aħjar minn dak li għixna aħna.

Meta, pereżempju, fil-kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-ambjent naf li qed naħdmu fuq liġijiet b’impatt dirett fuq il-klima, l-ambjent ta’ madwarna, il-prodotti differenti li nużaw - u li għandhom impatt dirett fuq is-saħħa ta’ wliedna - fost affarijiet oħra, is-sens ta’ sodisfazzjon jegħleb kull sentiment ieħor.

Iżda mhux kollox ward u żar.

Ħadd ma jieħu gost jara isem pajjiżu jitkaxkar għal darba wara l-oħra, quddiem kumitat fil-Parlament Ewropew.

Jien nibqa’ nisħaq li mhumiex il-konklużjonijiet ta’ xi individwi li huma fatt. Il-fatti joħorġu minn investigazzjonijiet u inkjesti

Fl-aħħar jiem, quddiem il-kumitat tal-libertajiet ċivili - magħruf bħalha l-kumitat tal-LIBE - ġie ppreżentat ir-rapport dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u fis-Slovakkja. Huwa maħsub illi riżoluzzjoni fuq dan ir-rapport tiġi ppreżentata f’Marzu li ġej.

Jikkonkludu ħafna affarijiet dwar Malta - jekk hux fatti jew perċezzjoni personali hija kwistjoni oħra. Pereżempju, jien nsibha diffiċli nifhem kif wieħed jista’ jqabbel investigazzjonijiet ta’ pulizija differenti, minn pajjiżi differenti, u jiġi konkluża li waħda sejra akar mill-oħra. Jekk ma tridx, il-Pulizija Maltija qalet lil dan il-grupp ta’ MPE li l-investigazzjoni laħqet stadju delikat, u fil-preżentazzjoni tar-rapport, iċ-chairperson għarfet li l-Pulizija huma limitati fl-informazzjoni li jistgħu jaqsmu. Imma minkejja kollox, jidher li dan ma fisser xejn. Qatgħu l-verdett li hemm stili ta’ komunikazzjoni differenti. Din kienet biżżejjed biex jinqata’ verdett u jingħad li l-investigazzjonijiet qed jiġu mtawla. 

Biss issa kien hemm rapport fil-gazzetti lokali li l-Pulizija Maltija tinsab eqreb li tidentifika min seta’ kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet għaddejjin. Għalhekk insibha diffiċli ħafna biex nifhem kif MEP bħal Ana Gomes tibqa’ tinsisti li l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tinsab imwaħħla u mhi twassal imkien.

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport, iċ-chairperson ta’ din id-delegazzjoni laqgħet il-fatt li l-Gvern Malti dar fuq il-Venice Commission biex tagħti l-opinjoni u l-pariri tagħha dwar is-saltna tad-dritt. Personalment, nemmen li l-affarijiet hekk għandhom isiru: permezz ta’ grupp ta’ esperti - li huma verament esperti - oġġettivi mingħajr ebda bias politiku partiġġjan.

Għax ejja ngħiduha kif inhi: ħafna drabi, kellna allegazzjonijiet illi Ewroparlamentari rewħu mal-erba’ ħitani tal-Parlament Ewropew mingħajr ma vverifikaw is-sors u lanqas ma taw kas tar-risposti li ngħataw. Jew rewħuhom għax kien jaqblilhom.

Minkejja li ismu ma ssemmiex fir-rapport, kien hemm Ana Gomes li reġgħet ippruvat timplika lill-Ministru Chris Cardona fil-kummenti li għamlet.

Iċ-chair tal-grupp kellha tirribatti u tgħid illi l-allegazzjoni li kienet saret kontra l-Ministru Cardona ma rriżulta xejn minnha, tant hu hekk illi l-persuna li għamlet l-allegazzjoni irtirata. Fl-istess ħin, dan huwa punt ta’ min wieħed jirrifletti fuqu: għax, minkejja li eventwalment ħareġ li l-allegazzjonijiet li saru ma kinux minnhom, xorta waħda kien hemm xhur ta’ akkużi u dubji.

Għax ejja ngħiduha kif inhi: ħafna drabi, kellna allegazzjonijiet illi Ewroparlamentari rewħu mal-erba’ ħitani tal-Parlament Ewropew mingħajr ma vverifikaw is-sors

Din l-istess bħall-allegazzjoni Egrant - l-akbar gidba fl-istorja ta’ pajjiżna. Iżda jidher li bqajna ma tgħallimna xejn minnha. It-tagħlima mhix li wieħed ma jikkummentax, jew li ma jistaqsix imma li wieħed ma jaqbadx u jaqta’ l-kundanna dwar xi ħaġa mingħajr ma tistenna li tara jekk dik l-allegazzjoni hix ibbażata fuq fatti jew fuq il-verità sħiħa.

Tqajmet ukoll il-kwistjoni tal-libelli. L-ewwel nett, mill-amministrazzjonijiet differenti li kienu responsabbli minn dan il-pajjiż, kien dan il-Gvern li neħħa l-libell kriminali u rriforma l-liġi tal-istampa. Għalhekk, ma nista’ qatt naqbel ma kummenti ta’ min jgħid li l-ġurnalisti jħossuhom mhedda jew li mhumiex protetti bil-liġi. Fuq kollox, anke fejn tidħol il-famuża SLAPP li joriġinaw minn pajjiżi terzi - bħall-Istati Uniti – il-liġi preżenti tipproteġi lill-ġurnalisti f’Malta meta dawn jiġu mħarrka fi qrati barranin. Madankollu, naqbel u nħeġġeġ għal-liġi fuq livell Ewropew li tistabbilixxi s-salvagwardji neċessarji.

Jien nibqa’ nisħaq li mhumiex il-konklużjonijiet ta’ xi individwi li huma fatt. Il-fatti joħorġu minn investigazzjonijiet u inkjesti. Għalhekk nittama li l-investigazzjonijiet u l-inkjesti jagħtu r-riżultat tagħhom malajr kemm jista’ jkun biex ikollna l-fatti stabbiliti kemm jista’ jkun malajr.

More in Blogs