Opinjoni | Il-politika dwar it-trasport: ħtieġa li nħarsu fit-tul

L-implimentazzjoni tal-politika dwar it-trasport, f’Malta, ma tħarisx fit-tul...

Biex nindirizzaw sewwa l-ħtiġijiet tal-pajjiż jeħtieġ li nħarsu fit-tul. Biex dan iseħħ hu meħtieġ ippjanar serju: li wara li jikkonsidra l-possibilitajiet kollha u janalizza l-impatti li jistgħu jirriżultaw iwassal għal deċiżjoni dwar l-aħjar soluzzjoni u mbagħad sussegwentement li din tkun imwettqa.

L-implimentazzjoni tal-politika dwar it-trasport, f’Malta, ma tħarisx fit-tul. Dan minkejja li għandna pjani ppreparati riċentement: il-Master Plan dwar it-Trasport li jwassal sal-2025 u l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport li twassal sal-2050.

Imma sfortunatement hemm diskrepanza mhux żgħira bejn il-politika dwar it-trasport u l-implimentazzjoni tagħha. L-interventi fl-infrastruttura mwettqa jew li qed jitħejjew minn Trasport Malta u/jew Infrastruttura Malta ftit li xejn jaqblu mal-għanijiet iddikjarati tal-Masterplan u l-Istrateġija dwar it-Trasport.

Ħa nkun ċar: mhux qed ngħid li m’għandu jsir xejn. Id-diżastru li qed niffaċċjaw fil-qasam tat-trasport jista’ jsir agħar milli hu llum jekk ma jsir xejn. Jeħtieġ bla dubju intervent mill-Gvern, imma dan jeħtieġ li jkun ippjanat u iffukat fuq il-problemi reali kif identifikati fil-pjani mfassla għall-Gvern Malti fl-2015 mill-konsulenti tiegħu tal-konsortju Italo-Spanjol Ineco-Systematica, imħallsa mill-fondi Ewropej dwar l-iżvilupp reġjonali.

Id-diżastru li qed niffaċċjaw fil-qasam tat-trasport jista’ jsir agħar milli hu llum jekk ma jsir xejn. Jeħtieġ bla dubju intervent mill-Gvern

L-għanijiet li jeħtieġ li jintlaħqu huma mfissra fid-daħla għall-Masterplan dwar it-Trasport li hi ffirmata mill-Ministru tat-Transport ta’ dak iż-żmien Joe Mizzi: “Malta, bħal bosta pajjiżi oħra qed tiffaċċja l-isfidi riżultat ta’ bdil fl-istil ta’ ħajja li ngħixu u li qed iwasslu f’domanda ikbar għall-mobilità personali u dipendenza ikbar fuq karozzi privati. Iktar minn qatt qabel illum jeħtieġilna li nfittxu bilanċ bejn, fuq naħa waħda l-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni ta’ saħħitna u li nilqgħu għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u fuq in-naħa l-oħra t-titjib fl-ekonomija tal-pajjiż. Dan iwassal għal insistenza għal trasport pubbliku li jkun aħjar u ta’ min joqgħod fuqu, u  għall-użu ta’ mezzi oħra (ta’ trasport) kif ukoll integrazzjoni aħjar  ta’ dawn il-mezzi.”

Dan hu messaġġ ċar li jemfasizza l-ħtieġa urġenti li nagħmlu użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport kif ukoll li nassiguraw illi nintegraw sewwa l-facilitajiet ta’ trasport li għandna. Huwa propju dan li jagħmel il-Master Plan tat-Trasport.

Huwa tajjeb li ninnotaw illi l-Master Plan jemfasizza li nofs il-vjaġġi li jsiru b’karozzi privati fil-gżejjer Maltin idumu inqas minn 15-il minuta. Dan jindika li din il-mobilità hi waħda primarjament ta’ natura lokali fuq distanzi qosra. Dan, fil-fehma tal-Master Plan, jagħtina l-opportunità li ninkoraġixxu iktar mixi u użu tar-rota. Imma, iżid jgħid il-Master Plan, hemm il-ħtieġa  ta’ titjib fil-kwalità tal-faċilitajiet fiċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna, kemm għal min jimxi kif ukoll għal min jagħmel użu mir-rota.

Dan jurina b’mod ċar li jeżistu soluzzjonijiet li jindirizzaw il-mobilità tagħna kemm fil-lokalitajiet infushom kif ukoll bejn lokalità u oħra. Dawn is-soluzzjonijiet, li jħarsu fit-tul, għandhom il-possibilità li jindirizzaw nofs il-vjaġġi li jsiru bil-karozzi privati, il-parti l-kbira minnhom fil-ħinijiet li jkun hemm ħafna traffiku fit-toroq tagħna.

Il-karozzi ħadulna t-toroq. Hemm bżonn li neħduhom lura

Dan mingħajr ma biss nikkunsidraw xi bypass jew proġett ta’ toroq massiċċ. Sa fejn naf jiena, s’issa, fit-tliet snin li suppost illi ilu fis-seħħ il-Master Plan tat-Trasport, ma ttieħdet l-ebda inizjattiva ta’ din ix-xorta. Dan hu qasam ta’ ħidma li fih is-sehem tal-kunsilli lokali huwa essenzjali għax ifisser li hemm il-ħtieġa li niddiżinjaw mill-ġdid it-toroq u l-ispazji pubbliċi kollha tagħna b’mod li nittrasformawhom biex ikunu għas-servizz tar-residenti u mhux iktar biex jiffaċilitaw l-użu tal-karozzi kif wara kollox huma llum.

Il-karozzi ħadulna t-toroq. Hemm bżonn li neħduhom lura.

Li ntejbu l-infrastruttura tat-toroq tagħna u dik li nsejħulha l-għamara tat-triq twassal biex jibda jkun implimentat il-Master Plan tat-Trasport għax jinkoraġixxi t-tnaqqis fl-użu tal-karozzi privati għad-distanzi qosra: u dan ftakru li jinvolvi nofs il-vjaġġi li jsiru bil-karozzi! Iktar emfasi fuq il-ħtieġa ta’ użu tat-trasport pubbliku fuq livell ta’ lokalità għandu jwassal ukoll għal żieda fl-użu bejn lokalitajiet fil-qrib. Jekk dan isir sewwa, bla dubju, tonqos id-dipendenza fuq il-karozza privata u iktar nies tifhem kemm ma hemmx ħtieġa tal-proġetti kbar ta’ toroq li hawn għaddejjin bħalissa li huma sempliċiment ħela ta’ flus li nistgħu nużaw ħafna aħjar.

Din hi stampa żgħira tal-ħarsa fit-tul li l-konsulenti Italo-Spanjoli tal-Gvern fasslu fil-Master Plan tat-Trasport. Hi għodda tajba li tista’ tgħinna nnaqqsu d-dipendenza  żejda tagħna fuq il-karozza privati, li wasslet għall-qagħda diżastruża fit-toroq tagħna llum. Għandna nimplimentaw dawn il-proposti malajr kemm jista’ jkun: illum qabel għada.

More in Blogs