Editorjal | Id-drittijiet tal-bniedem ma jafux razza jew kulur

Id-dritt tal-ħajja marbuta mill-qrib mad-dritt tal-ħajja dinjituża...

Ritratt| Mikiel Galea
Ritratt| Mikiel Galea

Kull kwistjoni li tmiss mal-immigrazzjoni għandha dejjem tibda minn punt wieħed, punt li ma jinbidilx u li miegħu (għall-inqas din il-gazzetta) ma tilgħab qatt. Id-dritt tal-ħajja marbuta mill-qrib mad-dritt tal-ħajja dinjituża. Kwalunkwe diskors dwar numri, spazju u liġi għandu jibda minn dan il-punt.

U allura huwa għalhekk li nsibu l-inċident, jekk tista’ ssejjaħlu hekk, tal-ġimgħa l-oħra fejn 120 immigrant instabu jgħixu f’razzett tal-baqar, bħala wieħed xokkanti. Huwa xokkanti illi f’pajjiż illi qed jesperjenza tkabbir ekonomiku, li qed jesperjenza surplus u li qed jesperjenza influss ta’ ġid kbir, fih qed tikber klassi ġdida li hija taħt il-klassi l-aktar baxxa. Il-klassi tal-ifqar mill-fqar li tgħix fil-periferiji tas-soċjetà.

Nies bla skop li qed jiġru mat-toroq tagħna, jixorbu, jiskru, joħolqu l-istorbju u l-inkonvenjent u li jispiċċaw ixellfu difrejhom mal-liġi. Nies li ġew Malta, m’għandhomx dritt għax-xogħol għax l-ażil ingħatalhom fl-Italja, imma li jsibu min iħaddimhom illegalment u joffrilhom razzett tal-bhejjem fejn jgħixu.

Klassi ta’ nies li huma meqjusa daqs annimali, bħala inqas bnedmin għax huma Afrikani, għax huma suwed u allura għax huma differenti.

Illum, fl-2018, fl-aqwa żmien ekonomiku ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar 20 sena għandna nies li tant huma foqra, li tant huma abbużati u li tant jinsabu oppressati li qed jitolbu bil-ħniena biex imorru lura jgħixu f’razzett tal-baqar

U tant hi gravi s-sitwazzjoni li lfuq ġurnal lokali kien irrappurtat kif uħud minn dawn l-immigranti marru jittallbu biex imorru lura jgħixu fir-razzett tal-baqar, għax m’għandhom imkien fejn jorqdu.  

Illum, fl-2018, fl-aqwa żmien ekonomiku ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar 20 sena għandna nies li tant huma foqra, li tant huma abbużati u li tant jinsabu oppressati li qed jitolbu bil-ħniena biex imorru lura jgħixu f’razzett tal-baqar, għax għalihom dak l-unika soljev, li jsibu fejn jorqdu anke jekk jiswew daqs bhejjem.

Ikun inutli jekk din il-gazzetta tiftaħar b’kemm hi favur il-ġustizzja soċjali u kemm hi favur il-vulnerabbli jekk imbagħad iddawwar wiċċha n-naħa l-oħra u taparsi ma rat xejn sempliċiment għax dawn suwed. Jekk tagħmel bħal dawk it-tliet xadini li ma raw, ma semgħu u ma qalu xejn. Jew aħna kontra l-abbuż u favur il-ġustizzja soċjali dejjem, jew qatt! Ma nistgħux nagħżlu liema uman ħaqqu l-għajnuna u liema le.

U allura aħna nistaqsu; fejn huma l-forzi Maltin xellugin u ċentru-xellugin li dejjem ħadmu għall-ġustizzja soċjali? Kif ma tkellmitx il-Knisja? Iva possibbli, sibna l-ħin niktbu Tweet għax Joseph Muscat għamel messaġġ fi kċina u għax id-dawl fuq Kastilja m’għoġobniex u kellna ċans inxerrdu artikli dwar il-mafja u ma nsibux mument biex nuru solidarjetà? Possibbli l-Knisja ta’ Kristu, li ngħiduha kif inhi tagħmel ħafna ġid f’oqsma differenti, ma sabitx il-kuraġġ biex isservi ta’ vuċi għal dawn l-imġarrbin? Possibbli ħadd ma sab milligramma kuraġġ fi Knisja sħiħa biex jgħajjat kontra l-inġustizzja u prattikament skjavitù modern li hemm min qed jgħix fih? Il-Knisja li temmen illi missierha twieled fil-faqar ta’ maxtura ma ssibx kelma xi tgħid dwar nies li qed jgħixu f’razzett?

Possibbli l-Knisja ta’ Kristu, li ngħiduha kif inhi tagħmel ħafna ġid f’oqsma differenti, ma sabitx il-kuraġġ biex isservi ta’ vuċi għal dawn l-imġarrbin? Possibbli ħadd ma sab milligramma kuraġġ..?

Imma mhux il-Knisja biss. Aħna llum għandna Gvern Soċjal Demokratiku, suppost Gvern Soċjalista u allura bbażat fuq il-bżonn li jkun imwieżen il-batut u l-fqir u l-imġarrab. U sas-Sibt li għadda 120 persuna, erbat ijiem wara li nstabu f’razzett, kienu għadhom qed jorqdu barra, fl-għelieqi. Lanqas kelb tat-triq għax tiġbru u traqqdu xi mkien! Iva possibbli, ħadd minn Gvern Soċjalista sħiħ ma missitu l-kuxjenza biex f’dan il-perjodu ta’ surplus u ġid liema bħalu ma jkollniex min jorqod f’għalqa? Ma kellux il-Gvern jieħu responsabilità ta’ dawn in-nies sakemm jitpoġġew f’post fejn jistgħu jgħixu ta’ umani? Ma kellux il-Gvern jara li dawn ma jorqdux f’għelieqi?

Fejn huma l-forzi xellugin u ċentru-xellugin, li dejjem ħadmu biex dan il-pajjiż ikun iggvernat bil-ġustizzja soċjali? Jew għax iswed u Afikan mela allura dispensabbli? Jew għax immigrant allura nistgħu nħalluh jorqod minflok il-baqar u nerdgħulu €100 kull xahar? Jew għax sezzjoni tal-poplu voċifera kontra dawn l-umani, kulħadd immuta, biex ħadd ma jidher ikrah? Mela, anke l-kompassjoni umana biegħna fuq l-altar tal-individwaliżmu sfrenat?

Għad jikbru wliedna u wlied uliedna u jħarsu lejn ir-realtà li qed ngħixu llum, realtà ta’ pajjiż sinjur b’nies jgħixu fl-irziezet tal-baqar, jitħaddmu illegalment u trattati agħar minn ċraret tal-art u jistaqsuna, ‘imma int possibbli ma tkellimtx?’ ‘Int possibbli pretendejt li mhu jiġri xejn?’ ‘Int possibbli dawwart wiċċek?’

Iva possibbli, ħadd minn Gvern Soċjalista sħiħ ma missitu l-kuxjenza biex f’dan il-perjodu ta’ surplus u ġid liema bħalu ma jkollniex min jorqod f’għalqa?

Minkejja li għandna ħafna biex niftaħru żgur li l-mument li nstabu 120 uman jgħixu ġo razzett u jittallbu biex jibqgħu jgħixu hemm, ma kinux l-aktar mumenti glorjużi tal-istorja tagħna. Żgur li huma mumenti li dwarhom irridu nirriflettu bħala pajjiż u nistaqsu jekk nemmnux fil-valur tal-ħajja u ħajja dinjituża. Li jġegħluna nistaqsu fejn spiċċaw il-valuri tal-imħabba u s-solidarjetà.

Issa huwa l-mument li naħsbu sew u li naraw li ninnegozjaw l-aħjar pożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni fl-UE filwaqt iżda li lokalment inħarsu d-drittijiet ta’ kull bniedem.

Għax id-drittijiet tal-bniedem ma jafux razza jew kulur.

More in Blogs