Opinjoni | Karba

Il-Membru Parlamentari Ivan Bartolo jisħaq li l-fqair ma jistax ilaħħaq mal-kometizzjoni u mhux jirnexxilu jgħix diċenti

Kulħadd jirrikonoxxi li f’pajjiżna għandna lis-sinjur ikompli jistagħna, u min m’ għandux ikomplu jmiss il-qiegħ.  Hemm diversi fatturi, l-għaliex il-ħajja kompliet togħla (l-aktar bejn l-2012  u l-2016). Il-ħajja għoliet b’16%, minħabba diversi fatturi, fosthom in-nuqqas ta’ xita, aktar kompetizzjoni ta’ prodotti u supermarkets dejjem aktar jiftħu. Allura l-fqir ma jistax ikampa ma’ din il-kompetizzjoni u b’hekk qatt ma jirnexxilu jgħix diċenti. Il-fqir jispiċċa jimtela b’ ikel xejn nutrittiv bħal pastizzi, ħobż u għaġin u b’ hekk saħħtu tmur lura.   Għandu l-kera, għandu l-ispejjeż tal-ikel, għandu l-uniformijiet, għandu l-mediċina u jibqa’ jiddejjen biex dejjem jilħaq din l-iskala.

F’Malta resqin lejn il-Qatar, b’binjiet kbar tipo Dubaj.  Ġie l-investiment lejn pajjiżna, bis-servizzi finanzjarji, bil-passaporti, bl-igaming, bil-farmaċewtika, u inizzjattivi ġodda.  Iżda min qed igawdi minn dan kollu? Il-fqir ħareġ mill-faqar? Hemm persentaġġ żgħir ta’ bnedmin li qed joħorġu mill-faqar. Jekk hemm 10%, però mbagħad hemm dawk l-għoxrin qed ikomplu jitgħaksu dejjem aktar. Il-kera tkompli dejjem tisplodi. Xi wħud jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja billi jkomplu jidħlu fi sqaq bl-użura. Morru tkellmu ma’ dawk li għandhom grocers żgħar fl-irħula tagħna u staqsihom dwar in-numru dejjem jikber ta’ klijenti dejjem jiddejnu. 

L-istress ikompli jikber meta l-ulied jibdew jitħalltu ma’ sħabhom u jibdew jarawhom bil-gadgets f’idejhom. Liema omm bi dħul limitat u tgħix fil-faqar tista’ qatt taffordja iphone għal binha?  Żgur li din l-omm ma tistax tixtri dan il-gadget lil binha.  Bla dubju ta’ xejn, binha awtomatikament se jħossu inqas minn sħabu. Allura binha mhux jifhem eżatt x’inhu għaddej. L-istress fuq l-omm  jiżdied. Tħossha qiegħda tonqos lil binha, għal fatt li ma jistax ikun bħal sħabu.   

Iżda meta Malta kellha l-Presidenza u fostna ġie Jean Claude Junker, waqaf fid-djar tal-foqra? Fil-programm li ġie organizzat ħaduh fl-Iscotland Church, fil-Belt Valletta? Biex jara kemm familji Maltin, imorru hemm jittalbu mill-food bank

Qed insemmi l-omm, iżda jista’ jkun missier li jrabbi waħdu l-uliedu, minħabba diversi ċirkustanzi. Allura l-omm tipprova tagħmel ħilitha sabiex binha jħossu indaqs ma’ sħabu. Tmur tiddejjen fuq l-idejn, għax fis-sitwazzjoni tagħha l-bank ma jsellifhiex u tidħol f’aktar djun. Din hija sitwazzjoni waħda minn bosta, ta’ kif wieħed ikompli jiftaqar. 

Hawn nidħlu aħna l-politiċi, li verament inħossu l-polz ta’ din l-omm. Irridu nkunu ribellużi, fl-istess ħin paċifiċi. Irridu ngħinu lill-fqar.  M’għandu jkollna l-ebda interess li niksbu l-poter biex inħaxxnu bwietna, imma rridu nkunu fil-poter biex il-fqir joħroġ mis-sitwazzjoni tiegħu. Lill-fqir ma rridux narawh aktar jgħix f’appartament ta’ 45 metru kwadru.       

Weġġagħni kumment fuq il-media soċjali, fejn persuna li żgur ma tħossx il-polz tal-fqar, ikkummentat dwar il-ġid f’pajjiżna u kemm ħarġu nies jiċċelebraw il-festa ta’ San Patrizju. Il-“kummentatur stilla” ma ħasibx li seta kien hemm minn fost dawk iż-żgħażagħ li ħarġu minħabba pressjoni ta’ sħabhom? Għax jekk ma toħroġx ma’ sħabek u ma tagħmilx bħall-kotra, hemm iċ-ċans li tkun eskluż.     

Forsi jien għandi l-istonku ngħid le, minħabba r-raġunijiet tiegħi, imma hemm min mhuwiex kapaċi juri minn dak kollu li għaddej minnu.  Minbarra l-ħwejjeġ trid toħroġ ukoll b’kartiera mimlija. Meta f’ Malta wieħed minn kull erbgħa qed ibati l-faqar, taħseb li dawk kollha li ħarġu jiċċelebraw St Patricks u jixorbu,  kollha għaddejjin tajjeb?  Ma taħsibx li min dik il-folla, jista’ kien hemm rappreżentanti ta’ dawk il-wieħed minn erbgħa? 

Illum qegħdin inħarsu lejn perspettiva ta’ issa u fl-immedjat.  Għandna bżonn l-għajnuna issa, mhux għada. Aħna rridu nimxu ma’ dak li trid l-Ewropa. Aħna rridu naħsbu għal short term, medium term u long term. L-Ewropa trid li ekonomikament tkun l-aqwa fid-dinja. Iżda meta Malta kellha l-Presidenza u fostna ġie Jean Claude Junker, waqaf fid-djar tal-foqra?

Fil-programm li ġie organizzat ħaduh fl-Iscotland Church, fil-Belt Valletta? Biex jara kemm familji Maltin, imorru hemm jittalbu mill-food bank. Ħaduh fejn jgħixu d-drogati?  Ħaduh f’ Dar Papa Franġisku? Marru fejn hemm il-persuni b’diżabilità.  Tkellmu mal-ġenituri tagħhom u minn dak kollu li jgħaddu minnhom? Dawn huma l-politiċi llum? Tal-ingravata u l-ġlekk? Jew il-politiku jiġi jaqa’ u jqum ta’ x’jgħidu n-nies dwar x’ qed jilbes u jdaħħal idejh fil-ferita. Dan li rridu naraw. Qed nagħmlu tajjeb li naħsbu fil-long term, imma x’qed isir short term? 

Dan kollu joħloq frustrazzjoni kemm fil-familji li għaddejjin mill-faqar u anki minn għandu kuxjenza f’dan ir-rigward.  Iridu jiġu studjati rakomandazzjonijiet dwar kif se ntejbu d-dħul minimu? Il-fqir hemm barra, jista’ jgħix bid-dħul minimu? 

Il-kera qiegħda żżid il-faqar.  Kif tista’ familja tgħix diċenti, meta tgħaddi bl-assistenza soċjali.    

U min għandu responsabilità f’idejh u ma jidħolx fil-kċejjen tan-nies u jmiss il-feriti tagħhom, u l-ħmieġ tagħhom, ma jistax isir jaf kif jista’ jtejjeb ħajjithom.

Lil Junker ħadd ma jista’ jċempillu u jgħidlu li qed jgħix f’garage taħt l-art minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja li għaddej minnha. U jħallsu €300 fix-xahar, mingħajr ma l-metre tad-dawl isejjaħ lilhom. Iltqajt ma’ storja, fejn sidha għandu l-metre tad-dar, fejn hu joqgħod fil-penthouse, u bintu fil-flat ta’ taħtu u d-dawl tagħhom it-tnejn qed jiġi mħallas minn dil-fqira li tgħix fil-garaxx taħt l-art. Ma titkellimx u tiskot, inkella tispiċċa barra. Dawn huma l-kurċifissi ta’ żmienna.

Irridu noħorġu ‘all out’ għall-fqir! Irridu nagħmlu minn kollox biex naraw u npoġġu bilqiegħda naħdmu għall-fqir

Dawn huma x-xeni li rridu naraw f’ pajjiżna? Jgħidulek jorqdu fl-umdità u jkomplu jżiedu l-mard. Jgħidulek jaraw il-wirdien għaddej, imma jagħmlu ftit spray forsi jitlaq. Dan il-kliem li rridu nisimgħu? Din hija r-realtà f’ pajjiżna.  Irridu niddeterminaw id-dħul bażiku. Illum il-ġurnata, ir-renta tiekol id-dħul kollu ta’ persuna b’ dak kollu li ddaħħal. 

F’Malta biex tgħix diċenti jrid ikollok dħul ta’ €12,000.  Kemm taqla familja li qiegħda f’riskju ta’ faqar?  Normalment ddaħħal €10,000.  U allura €2,000 l-oħra minn fejn qed iġġibhom? Qed iġġibhom mill-pastizzi, tiddobba l-ħwejjeġ, u tara jekk tagħmilx biċċa xogħol illegali ’l hawn u ’l hemm.  Dawn iġibu tbatijiet.  Jistgħu l-familji tagħna jibqgħu jiġu iżolati b’dan il-mod? Jistgħu l-familji tagħna jibqgħu jaħdmu b’ mod illegali u jgħixu dejjem fil-biżgħat?  

U allura għalhekk irridu naħdmu fuq is-short-term u l-medium term, li semmejt aktar kmieni f’ dan l-artiklu. X’qed nagħmlu innovattiv għal dawn il-bnedmin?  Ejjew niftħu l-proprjetajiet li għandna u niftħuhom għall-fqar. Prosit għall-Iscotland Church, hemm ukoll kunventi tal-patrijiet u postijiet tal-knisja li qed jgħinu wkoll lil fqar, bla daqq tat-trombi u fis-silenzju. Hemm bżonn isir aktar.  Anki mill-Partiti Politiċi. Issa l-mument li niftħu l-każini tagħna tal-Labour u tan-Nazzjonalisti għall-fqar. Dak eżempju kbir għall-Maltin u l-Għawdxin!

Illum irridu nagħmlu l-fqir popolari u famuż. Dan għandu jkun l-objettiv tagħna, (fil-każ tiegħi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista) li nagħmlu l-fqir STILLA fis-soċjetà tagħna. Irridu nagħmlu ħilitna kollha li nwasslu messaġġ lit-tfal tagħna biex ikunu altruwisti, b’mod speċjali lil dawk fil-bżonn.   

Din hi l-viżjoni tagħna. Dan hu l-lingwaġġ tagħna. Irridu nkunu down to earth.  Irridu nkunu preżenti fil-ħajja tan-nies. Irridu nbiddlu d-djar tal-fqar, irridu nibdlulhom ħajjithom. Hawn tassew nibdew nissejħu “onorevoli”, minn hawn il-Partit tiegħi jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Hawnhekk il-Gvern tassew jissaħħaħ.  Irridu noħorġu ‘all out’ għall-fqir! Irridu nagħmlu minn kollox biex naraw u npoġġu bilqiegħda naħdmu għall-fqir.

 Din Malta li rrid nara!    

More in Blogs