Opinjoni | L-Awtorità tal-Ippjanar tinkoraġixxi l-ispekulazzjoni tal-art

L-Awtorità tal-Ippjanar flok għal pompi qed toħroġ permessi għal żoni massiċċi kummerċjali barra miż-żona tal-iżvilupp.

L-Awtorità tal-Ippjanar qed toħroġ il-permessi ta’ żvilupp għall-pompi tal-petrol u d-dijsil ħerġin bħall-pastizzi.

Xi xhur ilu, f’diskors li għamel il-Prim Ministru kien qal li l-Gvern immexxi minnu jaqbel li karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil għandhom jispiċċaw mit-toroq Maltin. Nhar l-10 ta’ Settembru 2017 Joseph Muscat kien ħabbar li l-Gvern kien fi ħsiebu li “dalwaqt” jagħti bidu għall-konsultazzjoni pubblika biex ikun stabilit meta u kif għandha tkun implimentata din il-politika li bħala riżultat tagħha jkunu jistgħu jinxtraw biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew karozzi simili.

Għaddew seba’ xhur u għadna qed nistennew li jibda dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Sadanittant, aħna u nistennew, l-ispekulaturi tal-art, bl-għajnuna tal-Awtorità tal-Ippjanar għaddejjin xalata: jippjanaw kif jirrovinaw iktar raba’, 3000 metru kwadru kull darba, u dan biex jibnu pompi li ftit ieħor mhux ser ikollna bżonn. Imbagħad x’nagħmlu bl-art li tkun diġà ġiet rovinata?

Għandna Awtorità tal-Ippjanar li hi ala bieba mill-ambjent u mill-kwalità tal-ħajja

 Alternattiva Demokratika taqbel li m’għandniex ħtieġa ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil fit-toroq tagħna. Fil-fatt kienet l-Alternattiva Demokratika, bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira strateġika ta’ Karbonju Żero fil-gżejjer Maltin li fil-Manifest Elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali poġġiet quddiem l-elettorat din il-proposta speċifika: li fi żmien 20 sena, ċioè sal-2037, għandhom jispiċċaw il-karozzi kollha li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil mit-toroq Maltin. L-Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku f’Malta li kien ċar fuq dan f’Malta sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali.

Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tal-10 ta’ Settembru 2017 kellha twassal għall-konklużjoni loġika li m’għandniex bżonn ta’ iktar pompi tal-petrol u d-dijsil. Kien ikun floku kieku tħabbar moratorju immedjat. Fil-fatt messna qegħdin ngħoddu l-ġranet li neħilsu darba għal dejjem mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil.  Bħala riżultat ta’ dan messu hu ovvju li fil-futur qarib mhu ser ikollna bżonn l-ebda pompa tal-petrol jew dijsil: dawn għandhom jonqsu mit-80 li għandna llum sa xejn u dan meta tkun implimentata b’mod sħiħ il-politika mħabbra mill-Prim Ministru u li dwarha ilna 7 xhur nistennew il-konsultazzjoni pubblika.

M’għandniex bżonn ta’ pompi ġodda: imma għandna bżonn li jagħlqu l-pompi li diġà hawn mingħajr ma jinħolqu oħrajn flokhom. L-20 sena proposti minn Alternattiva Demokratika fil-manifest elettorali tal-2017 biex jispiċċaw mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil kienu meqjusa raġonevoli, suffiċjenti u fl-istess direzzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi simili li ittieħdu minn pajjiżi oħra. Dan hu żmien biżżejjed biex tkun żviluppata l-infrastruttura nazzjonali meħtieġa għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku.  Hu wkoll biżżejjed biex dawk li għandhom dawn it-tip ta’ karozzi jibdew jidraw ftit l-iżvilupp ta’ din ir-realtà ġdida bla petrol jew dijsil.

Bosta pajjiżi oħra diġà ddeċidew, inkella qegħdin fil-proċess li jiddeċiedu li fit-toroq tagħhom ma jkollhomx iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil.  Dawn jinkludu n-Norveġja u l-Olanda (it-tnejn sal-2025),  il-Ġermanja (sal-2030), Franza, ir-Renju l-Indja u ċ-Ċina (lkoll sal-2040). Ma jdumx ma jkun hemm oħrajn ukoll.

M’għandniex bżonn ta’ pompi ġodda: imma għandna bżonn li jagħlqu l-pompi li diġà hawn mingħajr ma jinħolqu oħrajn flokhom

L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tkompli tinjora dan l-iżvilupp importanti fil-politika tal-pajjiż billi tibqa’ għaddejja bl-applikazzjoni tal-politika msejħa 2015 Fuel Service Stations Policy b’mod robotiku. Din il-politika dwar il-pompi tal-petrol u d-dijsil tippermetti qies massimu permissibli ta’ 3000 metru kwadru imma l-Awtorità qatt ma qieset li kien neċessarju li tordna tnaqqis fil-qies tal-proposti li kellha quddiema. Għax kollha kellhom il-qies massimu ta’ 3000 metru kwadru. Bħala riżultat ta’ dan l-Awtorità tal-Ippjanar flok għal pompi qed toħroġ permessi għal żoni massiċċi kummerċjali barra miż-żona tal-iżvilupp.

Din hi l-agħar forma ta’ spekulazzjoni tal-art u f’dan il-każ it-tort hu unikament tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità tal-Ippjanar hi ta’ theddida għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan hu l-punt li għamlu ż-żgħażagħ mill-Moviment Graffiti u l-Kamp Emerġenza Ambjent meta nhar il-Ħamis ipprotestaw u ħarbtu laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar waqt li dan kien qiegħed jikkunsidra applikazzjoni għall-pompa ġdida tal-petrol u d-dijsil f’Ħal Luqa.

Għandna Awtorità tal-Ippjanar li hi ala bieba mill-ambjent u mill-kwalità tal-ħajja. Bil-provi.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

 

More in Blogs