Opinjoni | Nimmansaw is-suq tal-kera

Dawk l-iktar li ntlaqtu mir-rebus li ilu jiżviluppa mill-2008, ilhom jistennew li l-kuxjenza soċjali tal-pajjiż tagħti ftit kas tas-suq tal-kera

Il-ġimgħa l-oħra 17-il għaqda, prinċipalment attivi fil-qasam soċjali, ippubblikaw dokument importanti intitolat “A Proposal for Rent Regulation in Malta” dwar dak li għandu jsir biex is-suq tal-kera jkun immansat. Dan id-dokument jipproponi li s-suq tal-kera jkun regolat u dan f’kuntest fejn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-proprjetà f’Malta tħalla jimxi għal riħu għal ħafna snin. Bosta approfittaw ruħhom minn dan u stagħnew inġustament, xi drabi minn fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor.

Wasal iż-żmien għal ftit sens ta’ ġustizzja fis-suq tal-kera. Dawk vulnerabbli, bla ebda dubju l-iktar li ntlaqtu mir-rebus li ilu jiżviluppa prinċipalment mill-2008, ilhom jistennew li l-kuxjenza soċjali tal-pajjiż tagħti ftit kas tas-suq tal-kera.

Il-ħolqien ta’ xibka soċjali, anke fil-qasam tal-kera, huwa prinċipalment responsabbilità tal-Gvern. Il-Gvern jagħmel dan mhux biss billi jipprovdi oqsma residenzjali affordabbli għal dawk l-iktar vulnerabbli imma fuq kollox billi jiffaċilita l-aċċess għal suq tal-kera mmansat, jiġifieri suq relattivament ħieles imma suq li fl-istess ħin jkun wieħed ġust. Suq immansat hu wieħed li jopera f’parametri ġusti stabiliti mil-liġi: suq raġjonevoli għas-sidien imma ġust ma’ kull xorta ta’ inkwilin.

Il-mudell propost mill-koalizzjoni ta’ 17-il għaqda huwa bbażat fuq numru ta’ konsiderazzjonijiet bażiċi: id-dritt fundamentali għal post fejn toqgħod, id-distinzjoni ċara bejn id-drittijiet u d-doveri ta’ sid il-kera u l-inkwilin li t-tnejn għandhom dritt għal serħan il-moħħ, li jkun iffaċilitat is-suq tal-kera għall-kirjiet fit-tul, id-dritt tas-sidien li jistabilixxu l-kera inizjali u l-mod kif din tkun varjata imma dejjem fil-qafas tal-parametri regolatorji intiżi biex jistabilixxu qafas ġust, kif ukoll li jkun iffaċilitat id-dħul fis-suq tal-kera ta’ proprjetà preżentement vojta għal diversi raġunijiet.

Id-dokument hu qasir ħafna, kulma fih hu 12-il paġna. Imma hu mimli bi proposti li huma kemm validi kif ukoll li jħarsu fit-tul.

Hu pożittiv li s-Segretarju Parlamentari għad-Djar Roderick Galdes, li preżentment qed jagħti l-aħħar irtokki għall-White Paper dwar is-suq tal-kera, meta kien qiegħed jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ dawn is-sbatax-il għaqda indika li, b’mod ġenerali, hu kien f’sintonija mal-għaqdiet fil-ħsieb tagħhom li jinbena mill-ġdid suq tal-kera li jkun jista’ jopera f’limiti ġusti u raġjonevoli.

Roderick Galdes, professjonist dwar l-ippjanar tal-użu tal-art, qiegħed f’pożizzjoni unika bħala riżultat tal-esperjenzi interdixxiplinari tiegħu, li jassigura li l-politika dwar id-djar tidħol gradwalment fis-seklu wieħed u għoxrin wara li għal madwar tmenin sena kienet miżmuma milli tiżviluppa. Id-dikjarazzjoni tiegħu hi sors ta’ tama għal bosta li wara kollox hu possibbli li suq tal-kera immansat jista’ jipprovdi kera ġusta.

Il-proposta fil-qalba tad-dokument tas-sbatax-il għaqda hi dwar il-ħtieġa li l-kirjiet ikunu kollha regolati minn ftehim li jsir bil-miktub. Dan il-ħsieb hu motivat mill-ħtieġa li d-drittijiet u l-obbligi kollha jkunu mfissra b’mod ċar u b’hekk jassigura l-kontroll tal-abbużi kontinwi, kemm mis-sidien kif ukoll mill-inkwilini. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom il-koalizzjoni tal-għaqdiet għarblet l-esperjenzi ta’ diversi pajjiżi Ewropej, fejn (ġeneralment) jeżisti suq tal-kera b’saħħtu li hu wkoll wieħed ġust.

Alternattiva Demokratika ilha s-snin tħeġġeġ dwar il-ħtieġa ta’ suq tal-kera b’saħħtu għax dan hu kemm ħtieġa soċjali kif ukoll ħtieġa ambjentali. Il-ħtiġijiet soċjali jkunu indirizzati meta naqbdu t-triq li trid twassalna biex nassiguraw li d-dritt bażiku għal residenza diċenti jkun imnaqqax fil-liġijiet tagħna, kif ukoll applikata fil-prattika. Imma dan iwassal ukoll għal tnaqqis tal-impatti ambjentali tal-industrija tal-kostruzzjoni billi kemm-il darba jkun possibli li l-kera tkun waħda ġusta tonqos konsiderevolment il-pressjoni biex tkun żviluppata iktar art verġni, kif ukoll il-pressjoni fuq iż-żona ta’ konservazzjoni urbana u l-bini protett.

Alternattiva Demokratika taqbel b’mod ġenerali mal-proposta tal-għaqdiet. Sadanittant nistennew il-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar ir-riforma tas-suq tal-kera u bla ebda dubju ser nieħdu sehem fid-dibattitu nazzjonali dwar is-suġġett.   Għax wasal iż-żmien li s-suq tal-kera jkun immansat.   

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs