Opinjoni | L-arena tad-diskussjoni

F’Malta nilmentaw li s-satira niggieża hi nieqsa ħafna tant li ħafna mill-poplu m’għandux idea dwar il-funzjoni tagħha

Fuq One TV jixxandar il-programm Arena, li daħal biex janalizza l-problema tat-traffiku f’Malta. Għalkemm bosta mill-problemi tat-traffiku esaġerat issa ilhom li kienu identifikati, kumment tajjeb waqt il-programm kien dak dwar kemm il-poplu Malti hu ġens imfissed. Il-partiti politiċi ma jgħinux, anzi jġibu ruħhom bħal dik il-koppja separata jew divorzjata li jfissdu lill-ulied biex jidhru li huma ġenitur aħjar mill-parti l-oħra.

Il-programm fakkar ukoll li l-Gvern iddeċieda li jinvesti €700 miljun f’aġenzija tal-infrastruttura. Barra minn hekk għaddejjin ukoll ħafna diskussjonijiet dwar studji xjentifiċi dwar l-istat ta’ ħafna toroq. Intqal ukoll li hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar u iktar effiċjenti bejn l-entitajiet konċernati.

Fit-tieni parti tal-programm deher il-Ministru Ian Borg jitkellem dwar il-cowboys tat-triq li ma jsegwux ir-regolamenti u li ta’ spiss jikkawżaw inċidenti fatali. Semma wkoll kif qed isiru proġetti bħal dawk tal-Kappara, il-Marsa, Ħal Qormi u spazji oħra. Proġetti innovattivi bħal dak ta’ Bormla, li qed jiffoka fuq it-trasport b’xejn għall-anzjani, għandhom ikunu esplorati aktar.

Mill-banda l-oħra, miżuri drastiċi bħaċ-ċokon tar-roundabouts, filwaqt li se jaġevolaw lis-sewwieqa u l-karozzi se jkomplu jkerrhu l-ambjent urban, minħabba li f’ħafna żoni l-uniku ħjiel ta’ ħdura taraha biss fir-roundabouts indukrati u mħawla bil-fjuri.

Dan hu programm fejn id-diskussjoni tibqa’ ċivili u li jagħmel sforz biex jippreżenta fehmiet differenti.

Is-satira u l-istatus quo

F’Malta nilmentaw li s-satira niggieża hi nieqsa ħafna tant li ħafna mill-poplu m’għandux idea dwar il-funzjoni tagħha.

Riċentament fuq il-programm tal-aħbarijiet Newsnight tal-BBC deher l-awtur John O’Farell (li ħadem ħafna fis-sensiela Spitting Image) jargumenta li s-satira isservi lill-establishment. Din hi pożizzjoni li hi diametrikament opposta għall-idea li s-satira hi għodda b’saħħitha li timmina n-networks tal-poter. O’Farrell qal li bidel fehmtu u llum hu konvint li s-satira li mezz kif l-establishment jikkonsolida l-poter u jinżamm l-istatus quo. Meta politiċi (speċjalment dawk b’fehmiet estremi) jidhru jidħqu bihom infushom dawn huma normalizzati. Żvela kif bosta politiċi jridu li jkunu satirizzati għax b’hekk il-popolarità tagħhom tiżdied. O’Farrell semma kif meta Donald Trump ikkkonferma li se jitfa’ n-nomina għall-elezzjoni presidenzjali kienu bosta li daħku u ma ħaduhx bis-serjetà, sakemm kien tard wisq.

Il-kummiedja tissostitwixxi r-rabja b’aċċettazzjoni ironika. B’hekk, ir-rabja li l-votanti suppost iħossu tisfuma fx-xejn. Id-daħq hu l-valv li jirrilaxxa t-tensjoni u r-rabbja tinbidel f’ewforija, spjega O’Farrell.

Ikkwota wkoll lil George Orwell li sostna li kull ċajta hi rivoluzzjoni ċkejkna. Biss, il-kelliem sostna li l-effett kumulattiv ta’ dawn ir-rivoluzzjonijiet żgħar hu li r-rivoluzzjoni l-kbira hi postposta kontinwament.

Allura, staqsa O’Farell, min qed jidħak l-aħjar: is-satiristi jew il-politiċi?

Ħajja fit-teatru

Għadu ma ġiex f’idejja l-ktieb ta’ Paul Xuereb Curtain Up –Theatre In Malta (1963-2015) editjat minn Marco Galea u maħruġ mill-Midsea Books. Imma l-intervista li għamlet Jo Caruana lir-riċensjonista teatrali fis-Sunday Times tagħti ħjiel ta’ storja unika tat-teatru modern Malti ta’ wara l-Indipendenza. Dan għaliex min-natura tagħha, riċensjoni għandha l-immedjatezza li studju iktar profond ma joffrix. Riċensjoni hi stampa maqbuda fiż-żmien u fiha jidħlu kwistjonijiet ta’ interess li mhumiex biss teatrali, imma wkoll dawk politiċi, soċjoloġiċi, antropoloġiċi u l-bqija.

Interessanti ferm kienet l-analiżi ta’ Xuereb dwar l-isfidi tar-riċensur f’ambjent żgħir bħal Malta, fejn in-nies magħrufa. Għal dan il-volum, Xuereb u Galea għażlu numru sabiħ ta’ riċensjonijiet ta’ drammi bil-Malti, speċjalment dawk li mmarkaw waqtiet importanti fl-iżvilupp tat-teatru Malti wara l-1964. Dawn jinkludu lil Francis Ebejer, Alfred Sant, Joe Friggieri u iktar riċenti Clare Azzopardi, Simone Spiteri u Simon Bartolo.

Jo Caruana ma semmietx drammaturgu importanti bħal Oreste Calleja, li ta sehem kbir fit-teatru postmodern.

More in Blogs