Opinjoni | Daphne ttrivjalizzata

Mario Azzopardi jagħti ħarsa lejn aspetti differenti kif ukoll fuq rapport dwar it-tfal u l-użu tat-teknoloġija diġitali 

Mhi sensazzjoni tajba xejn li issa drajna lil Peppi Azzopardi u t-tim tiegħu ta’ Xarabank jittrivjalizzaw kollox, anki l-mewt ta’ ġurnalista b’mod mill-aktar brutali. Li tidra r-riċetta li joffri programm bħal Xarabank, hu sinjal allarmanti ta’ kemm bħala poplu diskors pubbliku fil-livell tas-seksik fil-pjazza tar-raħal ma jixxukkjax. Nieħdu l-credits tal-ftuħ bil-preżentatur żagħżugħ, minfuħ bih innifsu, u l-assistenta tiegħu, waqt dawra fil-karozza, jitkellmu dwar it-temi li Xarabank se jittratta.

Kull tema għandha l-istess valur għal Xarabank: mill-eżami ta’ sidirhom li n-nisa għandhom jagħmlu huma stess ta’ kull xahar sa l-għoti ta’ kilwa, l-iħirsa fir-ritratti u l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia.

Biex Xarabank ikompli jagħti l-impressjoni li mhu xejn għajr qorti populista medjevali, għad-diskussjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-panel li t-team irnexxielu jgħaqqad kien kompost minn irġiel biss, li lkoll għandhom (jew kellhom) rabtiet mill-qrib mal-partiti politiċi l-kbar. Ilkoll jitkellmu fuq xulxin bl-udjenza tinbaħ meta jidhrilha. Xena tipika ta’ Xarabank, insomma.

Xarabank issa ilu li sab ir-riċetta ta’ kif bil-kliem, l-għajjat, il-pożi (aggressivi jew pompużi), ħin twil għar-reklami u l-ġustapożiżżjoni ta’ temi serji u banali jirnexxielu jmewwet kull possibilità ta’ ħsieb matur.

It-tfal u t-teknoloġija diġitali

Iċ-Ċentru għal-Litteriżmu fi ħdan l-Università ta’ Malta flimkien maċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta li jaqa’ taħt il-Kummissjoni Ewropea ħarġu rapport interessanti ħafna dwar it-tfal (mit-twelid sa tmien snin) u l-użu tat-teknoloġija diġitali.

L-awturi tar-rapport, Charles L. Mifsud u Rositsa Petrova, sabu li ħafna mit-tfal Maltin qed jużaw għodod diġitali (li jinkludu t-televiżjoni, l-ismart phones u t-tablets) sa minn qabel ma’ jagħlqu sena.

Mifsud u Petrova jgħidu wkoll li għalkemm ħafna tfal jużaw l-apparat diġitali tal-ġenituri tagħom, iħossu li dan hu tagħhom. Fi kliem ieħor, iħossu sens ta’ ownership u huma versatili sew fl-użu tiegħu. Ir-riċerka wriet ukoll  li għalkemm il-ġenituri jippruvaw jissorveljaw sew l- għodod diġitali, fil-fatt uliedhom qed jagħmlu użu ħafna iktar estensiv tal-għodod diġitali.

Hemm bosta konklużjonijiet oħra li l-awturi siltu mir-riċerka li għamlu. Dawn jinkludu l-fatt li numru ta’ ġenituri intervistati esprimew il-biża’ li wliedhom m’għandhomx bilanċ tajjeb bejn attivitajiet li jinvolvu apparat diġitali u dawk le. L-inkwiet tal-ġenituri hu li t-tfal jistgħu jsiru wisq dipendenti fuq il-mezzi tat-teknoloġija.

Ir-rakkommandazzjonijiet li l-awturi jagħmlu bħala pjan ta’ azzjoni huma mifruxa sew u jkopru oqsma li jvarjaw mil-litteriżmu emerġenti fit-tfal sas-sigurtà on-line, il-libreriji u r-rabta bejn id-dar u l-iskejjel.

Mifsud u Petrova jikkwotaw riċerka li turi li t-teknoloġija touch screen kif insibu fuq l-ismartphones u t-tablets għandha kemm benefiċċji kif ukoll limitazzjonijiet. It-tfal għandhom ikunu esposti għal taħlita ta’ attivitajiet: it-tpinġija fiżika mhux dik diġitali, pereżempju, hi esperjenza sensorja importanti.

L-awturi tar-rapport jinsistu wkoll li l-libreriji komunitarji għandhom jipprovdu iktar riżorsi diġitali bħala għajnuna addizzjonali lill-familji u ’l-iskejjel. It-tfal għandhom jirċievu messaġġi konsistenti mid-dar u l-iskejjel dwar l-użu tal-mezzi teknoloġiċi filwaqt li fil-qasam tal-kotba l-għallliema u l-ġenituri jeħtieġu għarfien aħjar kif il-kotba tradizzjonali u dawk diġitali jistgħu jikkumplimentaw ’l xulxin.

Dan hu studju inizjali importanti f’xena teknoloġika li qed tkompli tinbidel b’rata m’għaġġla.

Il-halloween u l-biżgħat tat-tfulija

Tisma’ b’numru ta’ ġenituri li huma mħassba dwar tfal żgħar ta’ tliet snin li diġà qed jiġu esposti għall-irjus ta’ mewt, skeletri, oqbra u tiżjin makabru ieħor (kollu b’laqta umoristika) fil-klassijiet tal-kindergarten għall-festa ta’ halloween.

L-għarfien ta’ kulturi diversi u t-taħlit tagħhom hu inkoraġġanti, imma meta festa tiġi impurtata mingħajr għeruq fil-kultura tal-lokal, dan hu eżempju mill-aktar ovvju ta’ kolonizzazzjoni kulturali u ekonomiku, minħabba li l-festa ta’ halloween toffri opportunità ta’ bejgħ u konsum.

Saru komuni wkoll il-festi tal-halloween, bit-tfal b’kostumi ta’ sħaħar, mostri u karattri oħra. Ma jidhirx li drawwiet bħal dawn iħallu xi impatt psikoloġiku negattiv fuq it-tfal, anzi dawn huma karattri li meta jkunu ppreżentati b’doża qawwija ta’ komiċità, jgħinu lit-tfal jikkonfrontaw il-biżgħat u l-isfidi tat-tfulija.

Aħna wkoll għandna t-tradizzjonijiet tagħna marbuta ma’ Jum il-Mejtin kollha, u llum meta l-mewt m’għadhiex realtà li tgħix magħha kull mument, uħud minnhom ukoll huma skabrużi għat-tfal.

More in Blogs