Opinjoni | Kliem iebes dwar l-ambjent

Mario Azzopardi jgħid li ta’ min jara x’inhuma l-effetti fuq l-imġiba tal-Maltin, issa li pajjiżna sar jixbah sit kbir ta’ kostruzzjoni

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, li twaqqfet fl-2003 wara dokument li ħareġ mis-sinodu djoċesan, tkellmet b’mod iebes dwar il-qagħda ambjentali f’Malta.

Kemm is-Sunday Times kif ukoll It-Torċa rrappurtaw li, fil-fehma tal-kummissjoni, il-fiżjonomija tal-gżejjer Maltin għaddejja minn tibdiliet drastiċi, b’art verġni skjedata għal proġetti li n-neċessità tagħhom hu dibattibbli. Il-Kummissjoni tkellmet ukoll dwar l-impatt ta’ strutturi high-rise f’ċentri urbani.

'Ħafna drabi fil-bini li tiela’ lanqas il-kunċett tal-ġmiel ma jingħata importanza, aħseb u ara kemm il-kwalità tal-ħajja hi fil-konsiderazzjoni tal-investituri u l-periti li jfasslu l-proġetti.' Mario Azzopardi

Bla tlaqliq ta’ xejn il-kummissjoni semmiet kif “minkejja d-diskors kollu dwar is-sostennibbilità, jidher li l-impatt ambjentali tal-industrija tal-bini mhux jingħata l-importanza li jistħoqqlu.”

B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni pproponiet li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tkun iktar proattiva fil-qasam tal-ippjanar u mhux taħli ħafna mill-enerġija u r-riżorsi tagħha fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ivilupp. “F’dan ir-rigward, l-involviment tal-kunsilli lokali u l-konsultazzjoni mar-residenti tal-lokalitajiet milquta hi indispensabbli.”

Fil-fatt, din it-tip ta’ konsultazzjoni diġà qed issir. Imma jista’ jkun li l-Kummissjoni Ambjent kellha f’moħħha t-tisħiħ ta’ dawn il-mekkaniżmi.

Min-naħa tagħha It-Torċa rrappurtat dwar ir-rabta intima li teżisti bejn l-ispazji urbani u l-imġiba tagħna. “... jeħtieġ il-kontribut ta’ diversi dixxiplini li jgħinu biex wieħed jifhem il-proċessi, is-simboliżmu u l-imġibiet tal-persuni.

Mhux biżejjed it-tiftix fuq il-ġmiel tal-proġett, għax hemm iżjed valur f’li wieħed jaqdi xorta oħra ta’ ġmiel: il-kwalità tal-ħajja tan-nies, l-armonija tagħhom mal-ambjent, il-laqgħat bejniethom u l-għajnuna reċiproka,” irrimarkat il-Kummissjoni Ambjent.

'Fil-kuntest tagħna, ta’ min jara x’inhuma l-effetti fuq l-imġiba tal-Maltin, issa li pajjiżna sar jixbah sit kbir ta’ kostruzzjoni, bi krejns, trakkijiet, bowsers u inġenji mostrużi oħra kull fejn tara.' Mario Azzopardi

Ħafna drabi fil-bini li tiela’ lanqas il-kunċett tal-ġmiel ma jingħata importanza, aħseb u ara kemm il-kwalità tal-ħajja hi fil-konsiderazzjoni tal-investituri u l-periti li jfasslu l-proġetti. Biss, min jaħdem fil-pjanifikazzjoni tal-ambjent urban jaf kemm hi meħtieġa tip ta’ arkitettura li ma tiddeumanizzax lill-bnedmin. Wara t-Tieni Gwerra, mis-snin ħamsin sas-snin sebgħin tas-seklu għoxrin żviluppa tip ta’ bini għoli bil-konkrit jew materjal prefabbrikat magħruf bħala “arkitettura brutali”.

Dan it-tip ta’ bini kien ittella’ b’mod relattivament irħis minħabba li f’bosta bliet Ewropej u fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant kien hemm nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Saru diversi studji dwar kif din l-arkitettura affettwat in-natura ta’ kif tinbena komunità, il-profili demografiċi u l-effetti psikosoċjali fuq ir-residenti ta’ blokkijiet goffi.

Fil-kuntest tagħna, ta’ min jara x’inhuma l-effetti fuq l-imġiba tal-Maltin, issa li pajjiżna sar jixbah sit kbir ta’ kostruzzjoni, bi krejns, trakkijiet, bowsers u inġenji mostrużi oħra kull fejn tara.

Il-kanċer: il-marda ta’ żmienna

Minbarra l-effetti psikoloġiċi, il-manija għall-bini bla rażan qed tħalli effetti serji fuq saħħitna, bit-trabijiet isoddu l-pulmuni taċ-ċittadini, kbar u żgħar. Żgur li ajra mniġġsa tikkontribwixxi għal rati iżjed għolja ta’ kanċer.

Il-ġimgħa li għaddiet il-gazzetta l-orizzont kellha rapport dwar l-implimentazzjoni tat-Tieni Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer. Hemm diversi fatturi għalfejn wara l-mard tal-qalb, il-kanċer, fid-diversi forom tiegħu, hu l-iktar marda li twassal għal fatalitajiet. Kwistjonijiet ġenetiċi, oħrajn marbuta mal-istil tal-għixien u l-fatt li qegħdin ngħixu iktar fit-tul, ilkoll jikkontribwixxu għal żieda fl-inċidenza tal-marda.

Il-Pjan jittratta diversi aspetti tal-kanċer, mill-prevenzjoni sal-inklużjoni ta’ mediċini ġodda kontra l-kanċer fuq il-formolarju ta’ mediċini bla ħlas. Se tkompli tingħata attenzjoni lill-programmi ta’ screening, dijanjożi bikrija, u l-kura u t-trattament, għajnuna psikoloġika lill-pazjenti u ’l-familjari tagħhom u l-kura paljattiva f’każijiet terminali.

Aħbar li tidher sensazzjonali u li dehret fit-Telegraph online hi dwar riċerka li wriet li iktar hemm ċans li persuna timrad bil-kanċer milli tiżżewweġ jew ikollha l-ewwel tarbija.

Din l-istatistika tgħodd għar-Renju Unit, u għalkemm ir-rata taż-żwieġ hawn Malta għadha għolja, żgur li r-rati tal-kanċer qed joktru minn sena għal oħra.

Naturalment, id-dijanjosi kmieni u programmi ta’ screening, kif indikati fil-pjan ħolistiku għall-kanċer, hu rifless ukoll f’rati għola ta’ kanċer (minħabba li l-marda tinqabad kmieni). Wieħed irid jara wkoll kemm bi trattamenti iktar sofistikati il-pazjenti qed jgħixu iżjed.

Los Angeles mgħarrqa fid-demm

Wara li Stephen Paddock, raġel irtirat ta’ 64 sena, spara minn kamra ta’ lukanda f’Sunset Strip, Los Angeles, fuq folla li kienet qed tattendi kunċert tal-mużika country and western, bdiet ir-rettorika tas-soltu. Hu faċli għall-istazzjonijiet televizivi li jridu jxandru lejl u nhar iġibu kelliema favur u kontra l-kontroll tal-armi fl-Istati Uniti. B’hekk il-produtturi ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti joħoqu djalettika faċli, bl-agrumenti skjerati minn qabel.

Biss, il-BBC irnexxielu jġib kummentatur differenti li innota li ġaladarba l-Amerika ma ħaditx azzjoni fl-2012 meta Adam Lanza ta’ 20 sena daħal fl-iskola primarja ta’ Sandyhook u spara u qatel għoxrin tifel u tifla u sitt adulti, lanqas mhi se tittieħed azzjoni issa. Jekk dak il-qtil tal-innoċenti m’heżżiżx lill-Amerika, xejn mhu se jheżżiżha.

L-Amerika għadha l-art tal-gangsters. B’sistema ekonomika u soċjali li ma toffri l-ebda rifuġju mill-vjolenza psikopatika.

More in Blogs