opinjoni | Inċineratur? Le grazzi.

L-istrateġija dwar l-iskart tistabilixxi s-sena 2050 biex sa dakinhar jintlaħaq l-oġġettiv ta’ skart zero fil-miżbliet. 

L-iskart hu riżors li għandna nutilizzawh flok ma narmuh. Biex nilħqu dan l-iskop irridu nibdlu l-attitudni tagħna u minn ekonomija lineari naqilbu għal waħda ċirkulari. L-istrateġija dwar l-iskart tistabilixxi s-sena 2050 biex sa dakinhar jintlaħaq l-oġġettiv ta’ skart zero fil-miżbliet. Biex dan l-oġġettiv ikun jista’ jintlaħaq hemm diversi għodda amministrattivi.

F’ekonomija lineari aħna nużaw (jew nikkonsmaw) prodott u wara li l-ħajja utli ta’ dan il-prodott tiġi fi tmiemha narmuh. L-ekonomija ċirkulari taħdem b’mod differenti b’mod li l-prodott użat (jew il-partijiet li jiffurmawh) jibqa’ jeżisti wara li jtemm il-ħajja utli tiegħu u dan billi jintuża biex jinħoloq prodott ġdid.

Hu possibli li nimmiraw għal tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart (waste minimisation). Dan isir billi meta l-prodott ikun iddisinjat, min joħolqu iqis sewwa l-iskart li dan il-prodott jiġġenera matul il-perjodu kollu li jkun qed jiġi użat. Permezz ta’ eko-disinn il-prodott jissaffa minn dawk l-elementi tiegħu li ma jkunx neċessarji u b’hekk jonqsu id-diffikultajiet li jkun riċiklat.    

Nistgħu nnaqqsu l-iskart li niġġeneraw billi nassiguraw li nixtru biss dak li għandna bżonn u li dan nagħmluh fi kwantitajiet addattati għall-ħtiġijiet tagħna. Nistgħu, pereżempju nużaw prodotti f’qies kbir flok kwantità ferm ikbar tal-istess prodott f’qies iżgħar. Bħala riżultat ta’ dan aħna jirnexxielna nnaqqsu l-iskart li niġġeneraw u dan billi narmu numru inqas ta’ kontenituri jew pakkjeġġar.

L-iskart li xorta jkun iġġenerat minkejja politika li tfittex li tnaqqsu jista’ jkun irriċiklat. Fil-fatt nirriċiklaw il-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ. Nirriċiklaw ukoll l-apparat elettriku u elettroniku. F’xi lokalitajiet beda wkoll ir-riċiklaġġ tal-iskart organiku li niġġeneraw.

Sfortunatament madwar 12% biss tal-iskart li niġġeneraw hu rriċiklat, ferm inqas milli qed jirnexxilhom iwettqu l-parti l-kbira ta’ pajjiżi oħra. Dan hu falliment fl-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar l-iskart. Biex jgħatti dan il-falliment, il-Ministru għall-Ambjent, għan-nom tal-Gvern, qed jipproponi li nibdew naħarqu l-iskart li niġġeneraw f’inċineratur. Il-mira hi li jinħaraq 40% tal-iskart tal-gżejjer Maltin. Il-Gvern qed jipproponi li flok ma nibagħtu l-iskart dan naħarquh f’inċineratur biex nevitaw il-ħtieġa ta’ iktar art għal iktar miżbliet.     

L-inċinerazzjoni ma tinkoraġix lin-nies biex jagħtu kas ta’ dak li jikkunsmaw. L-inċinerazzjoni tinkoraġixxi soċjetà li tarmi u twassal il-messaġġ li hemm ħaddieħor li qed jieħu ħsieb jerfa’ l-problemi li noħolqu bil-konsum tagħna.

Qed jinfurmawna li bl-inċinerazzjoni ser niġġeneraw l-enerġija mill-iskart. Studju li ġie kkummissjonat mill-NGO internazzjonali Zero Waste Europe intitolat ‘The Potential Contribution of Waste Management to a Low Carbon Economy’ jindika li meta nirriċiklaw l-iskart niffrankaw bil-bosta iktar enerġija milli tista’ tkun iġġenerata meta jinħaraq l-istess skart. Allura fejn hu l-benefiċċju ambjentali?

Hemm bżonn ninvestu sforz ferm ikbar fir-riċiklaġġ tal-iskart. Din l-industrija għandha l-potenzjal li tiżviluppa f’pilastru ewlieni tal-ekonomija l-ħadra b’kontribut sostanzjali lill-ekonomija inkluż bil-ħolqien ta’ numru ta’ impiegi. Il-proposta tal-Gvern favur l-inċineratur ser joħloq ostaklu sostanzjali biex dan l-element importanti tal-ekonomija ċirkulari ma jitħalliex jiżviluppa.

Ikun ferm iktar utli kieku flok ma jwaqqaf kumitati dwar deċiżjonijiet li jkun diġa ħa, l-Onorevoli Ministru tal-Ambjent jipprova jifhem ftit x’inhu mistenni minnu.

Il-ħruq tal-iskart permezz tal-inċinerazzjoni ser iservi biex ikompli jnaqqas l-impenn tal-ftit li qed jirriċiklaw. Hu meħtieġ li minflok ma naħarbu mill-problema tal-falliment tal-politika dwar l-immaniġġjar tal-iskart neżaminaw bir-reqqa ir-raġunijiet għal dan il-falliment.

More in Blogs