Qlub imwennsa

Ir-rakkont ta' Sharon

 

 

Karistu ħareġ bil-mod minn taħt il-gverta mikula kamla, li kienet qiegħda tgħattilu minn qaddu ’l isfel u resaq qajla lejn it-tieqa mkissra li kienet l-unika mezz biex iħares ’il barra lejn is-sema skura u mmensa li kien hemm quddiemu. Għamel wiċċu eqreb lejn il-ħġieġ ħalli jkun jista’ jara aħjar.

Kien ser jistenna.

Issa dalwaqt.

Illum kienet l-aħħar tas-sena. Dak il-lejl li kien ikun qed jistennieh minn qalbu! Għada! Għada kien jarah!

Minn meta kien żgħir, Karistu qatt ma kien ried skola. Kien traskurat u l-marki qatt ma kien iġibhom tajbin. Ta’ età żgħira kien ħareġ mill-iskola u mar jgħin lil zijuh fl-għalqa. Hekk biss kien jaf jagħmel; jaħdem fl-għelieqi. Iżda wara xi ftit, l-għelieqi ta’ zijuh kienu spiċċaw mal-mewt tiegħu u l-biċċiet tar-raba’ kienu tqassmu bejn il-werrieta. Minn dakinhar ’l hawn qatt ma kien ħadem.

Dawwar ħarstu madwar il-kamra b’ġirja, li ma jmurx jitlef il-logħob tan-nar li kienu jinħarqu eżatt mat-tokki ta’ nofsillejl malli s-sena l-ġdida tidħol fis-seħħ.

Il-kamra kienet mudlama, kiesħa u vojta. Għamara ma kien hemm xejn. Żewġt ikmamar f’għalqa neqsin minn kollox. Sodda u mejda kollha susa. Dak biss kellu. Kien jgħaddiha billi kien jagħmel xi biċċa xogħol ’l hemm u ’l hawn iżda mhux l-ewwel darba li kien imur jorqod bil-ġuħ.

F’ħajtu ma kellu lil ħadd. Ħadd ma kien jimpurtah minnu.

Hu biss.

Hu biss kien.

Is-sinjur.

Hekk kien laqqmu.

Dak il-lejl kien ikun qed jistennih għax kien jaf li l-għada kien se jimla l-ħawsla b’kemm Alla ħalaq ikel bnin u tajjeb.

Eżatt dak il-ħin malli kien diġà beda jħoss id-dmugħ iġelben ma’ ħaddejh, bdew. Kuluri sbieħ jiftħu fis-sema, jixgħeluha għal mumenti prezzjużi. Kuluri mogħnija b’ħoss li kien jisimgħu donnu mużika f’widnejh.

“Is-sena t-tajba, Karistu…” qal lilu nnifsu.

Leħnu dewa maż-żewġt ikmamar u ntefa’ mal-ħsejjes tan-nar tal-ajru li Karistu kien qed jara minn ġol-ħġieġ imkisser.

Malli spiċċa n-nar, seta’ jisma’ l-ħsejjes tan-nies jiċċelebraw mill-bogħod waqt li daħal lura bil-galbu fis-sodda. Għajnejh waqgħu fuq il-biljett tal-lotterija li kien xtara mill-gabbana qrib daru, bil-flus li kien ġabar fit-triq, waqt li beda jisma’ żaqqu tgerger. Għalaq għajnejh u ħassu jistrieħ f’raqda fonda.

Ma tantx kien ilu li qam. Fejn is-soltu kien jagħmel kollox bil-mod u b’paċenzja kbira, dik il-mixja ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena filgħodu kien kważi jiġriha. Kellu seba’ mitt sena sakemm jarah!

“Toni…” beda jgemgem waħdu hekk kif ħaffef mal-liwja tat-triq u wasal eżatt quddiem il-bank fejn kienu jiltaqgħu ta’ kull sena.

Ta’ kull sena.

Kienu ltaqgħu xi għaxar snin ilu.

Dakinhar, Karistu kien qed jibki xortih fuq il-bank li kien biswit daru, eżatt quddiem il-gabbana, bil-veduta tal-baħar, taħt siġra kbira tar-rummien. Fil-bidu, eżatt għaxar snin ilu, lanqas biss kien induna bih.

“Antonio Galea Sciortino jisimni,” kien qallu l-ġentlomm li kien poġġa ħdejh snin ilu.

“Jien Karistu,” kien wieġbu b’leħen maħnuq. Dakinhar kien jiftakar li kellu ġuħ ta’ kelb. Kieku sab xi ħaġa f’xi tank taż-żibel żgur kien iniżżilha wkoll!

“Tista’ ssejjaħli Toni…..”

Dak il-ħin kien ħares f’għajnejh għall-ewwel darba. Għalkemm kien raġel liebes ilbies sabiħ, xagħru ppettnat b’mod perfett u kellu l-fwieħa kważi tistordik, Karistu kien ħa grazzja miegħu. U mid-dehra, anke Antonio Galea Sciortino, jew insomma Toni! Għax kien qed jitbissimlu u jiggustah!

“Fejn toqgħod?” kien staqsih.

“Hawn wara. Żewġt ikmamar ser jaqgħu. Waħdi. Jien noqgħod waħdi. Familja m’għandix. Flus lanqas.”

“Ejja miegħi. Il-familja tiegħi ma jiġux bħal dalgħodu. Nieklu ikla flimkien f’ristorant tajjeb!”

Għajnejn Karistu kienu xegħlu aktar mid-dawl li kien jarmi l-fanal tal-Għasri fi żmienu!

Pinu, li kien ibiegħ fil-gabbana, kien jiftaħ bħal-lum ukoll. Kull nhar l-ewwel tas-sena filgħodu kien jiftaħ, iħabbru r-rebbieħ tal-lotterija l-kbira u jerġa’ jagħlaq minnufih ħalli jkompli mal-familja. Karistu tista’ tgħid, kull sena kien jiġbor xi ħaġa tal-flus għal biljett, bit-tama li jirbaħha hu. Kieku jirbaħ dik iċ-ċifra, kieku żgur kien jgħix komdu! Iżda b’xorti ħażina, Karistu qatt ma kien rebaħha. Dik is-sena li kienu ltaqgħu Toni u Karistu flimkien, Pinu kien ħassu sorpriż hekk kif rahom iqumu minn fuq il-bank u jitilqu flimkien. L-għada kien sar jaf li milli jidher, dik is-sena Karistu kien kiel xi ikla kbira minn fuq dahar Toni!

“Hekk trid!” kien qallu.

Imma issa kien drahom. Kienu jiltaqgħu kull filgħodu, kull nhar l-ewwel tas-sena. Toni u Karistu.

Is-sinjur u l-fqir kienu jsejħulhom. Kulħadd kien jiggustahom u kienu saru s-sensazzjoni tar-raħal!

“Rajtu xi jrid Karistu!” kienu jibdew jgħidulu n-nies. Iżda Karistu lanqas biss kien ikellimhom. Hemm fir-raħal ma kien ikellem lil ħadd.

Il-bank tal-injam miżbugħ aħdar.

Is-siġra l-kbira tar-rummien.

Il-veduta sabiħa tal-baħar.

Pinu fil-gabbana, jistenna li jitħabbar in-numru rebbieħ.

Karistu sellem lil Pinu u mar poġġa bilqiegħda fuq il-bank, jistenna lil Toni jiġi. Qalbu kienet kważi qiegħda tħabbat b’mod mhux normali bl-eċitament.

Lil Toni kien sar iħobbu. Qatt ma kien ser jinsa dak li kien għamel miegħu. Ta’ kull sena kien iħossu sinjur bħalu, kien jitwennes bil-kumpanija tiegħu u kien jiekol kważi sakemm jagħmillu d-deni ħalli jpatti ta’ li ma kienx jiekol f’sena sħiħa.

Karistu sema’ l-passi resqin lejh minn wara u dar minnufih ħalli jara jekk kienx Toni. Iżda kienu xi koppja li waqfu quddiem il-gabbana ta’ Pinu ħalli jixtru s-sigaretti.

“Donnu ser jittardja dis-sena!” qallu Pinu minn ġol-gabbana.

Karistu ħass l-istonku kważi juġgħu. Kien bil-ġuħ. Bil-ġuħ ħafna. Qam bilwieqfa biex jagħti titwila iżda Toni kien għadu ma kien jidher imkien.

“Issa jekk ġralu xi ħaġa?” Karistu beda jistaqsi lilu nnifsu. Tant kemm ħassu fjakk, li malli qam bilwieqfa, beda jħoss l-isturdament jieħu kontroll ta’ ġismu. Imma jekk jagħlaq għajnejh għal ħames minuti, kien jgħaddilu bħas-soltu.

Li ġara dak il-ħin, kien donnu qisu ħolma. Minn fuq ir-radju li kellu Pinu tal-gabbana beda jisma’ n-numru tal-lotterija ser jitħabbar. Pinu u xi nies li kien hemm quddiem il-gabbana bdew jistennew bil-ħerqa. Kulħadd bil-biljett f’idu.

“In-numru ħamsa u ħamsin!” instema’ l-leħen pulit iħabbar fuq ir-radju.

Kien tela’ n-numru ħamsa u ħamsin.

Karistu tbissem waħdu u beda jaħseb f’min jaf kemm ir-rebbieħ kien ser ikun ferħan bin-nofs miljun ewro li kien hemm bħala premju. Kien dak il-ħin preċiż li ħass għoqla kbira fi griżmejh u beda jberraq għajnejh.

B’idu tirtogħod, daħħal idejh fil-qalziet imraqqa’ li kien liebes u ħareġ il-biljett tiegħu. Il-bank tal-injam, is-siġra, il-baħar u l-gabbana beda’ jarahom iduru kollha bih f’ċirku! Ħamsa u ħamsin! In-numru tiegħu! Kien rebaħ hu!

“Pinu!” beda jgħajjat bla nifs. “Pinu! Irbaħt Pinu! In-numru tiegħi!”

In-nies kollha li kien hemm quddiem il-gabbana bdew iħarsu lejh u jistagħġbu. Dik is-sena, il-lotterija l-kbira tal-ewwel tas-sena kien rebaħha Karistu l-imsejken, li kien joqgħod fiż-żewġt ikmamar nofshom imwaqqgħin fl-għelieqi.

Imbagħad dlam.

Kien ħassu ħażin!

Għaddiet sena preċiż.

Karistu resaq lejn it-tieqa tal-ħġieġ li kellu fl-appartament il-ġdid. Ra l-kuluri fis-sema u sema’ l-istess ħsejjes familjari tan-nar tal-ajru.

Sena ġdida.

Ħares madwaru u ftakar f’kemm kienu ġraw affarijiet dis-sena. Dan l-appartament kien komdu, mimli għamara moderna u kellu dak kollu li Karistu qatt ma kien seta’ jaffordja qabel. Ħares lejn ħwejġu u tbissem. F’sena, b’dik l-imbierka lotterija kien sar nies.

Lanqas felaħ jistenna l-għada. Kellu seba’ mitt sena ħalli jara jekk Toni kienx ser jiġi ħalli jagħtih dak kollu li kien tah hu meta ma kellux għaxja ta’ lejla.

L-għada mar iħaffef lejn il-bank, jitbissem, iżomm rigal f’idejh, liebes ilbies sabiħ. Kien qed ikanta minn taħt l-ilsien.

Rah hemm.

Toni.

Toni kien qiegħed bilqiegħda fuq il-bank jistennih.

“Toni…” qallu Karistu hekk kif resaq lejh.

Iż-żewġt iħbieb ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena.

Toni kien liebes bħas-soltu, impekkabbli.

“Int…?” qallu Toni.

“Jien, iva. Skużani li s-sena l-oħra ma sibtnix nistennik, imma rbaħt il-lotterija. Kellhom iġorruni d-dar bil-ħasda li ħadt! Din is-sena nħallaslek l-ikla jien.”

Tah ir-rigal u marru jieklu fl-istess ristorant lussuż li kienu jmorru ta’ kull sena. Ferħu b’xulxin u twennsu bil-kliem li kienu jieħdu gost jirrakkontaw lil xulxin.

Kien propju dak il-ħin, li daħal raġel fqir, jittallab fil-bieb tal-ħanut għall-flus. Minnufih, Karistu qam bilwieqfa u tah karta ta’ għoxrin ewro.

“Mur ixtri xi ħaġa x’tiekol!” qallu Karistu, qabel ma ġie sid il-ħanut biex ikeċċih.

“Ara…mela inti taf lil Toni?” staqsieh dak ir-raġel mlibbes ħwejjeġ imtertqa. “Dak li jorqod f’kaxxa tal-kartun fit-tarf tat-triq?”

“Naħseb sejjer żball…” qallu Karistu.

“Le, żgur hu! Ton?” għajjatlu.

Toni qam bilwieqfa u ġie ħdejhom.

“Naħseb dan bidlek ma’ xi ħadd ieħor!” qallu Karistu.

“Le, Karistu…dak ma biddilni ma ħadd! Jiena Toni. M’għandix dar. M’għandi xejn u lil ħadd. Kont niġbor ġabra ta’ kull sena ħalli kull l-ewwel ġurnata tas-sena jkolli ħabib. Ikolli ma’ min ngħid kelma, ikolli lilek. Ikolli ikla. Kont nagħmel sena sħiħa niġbor il-flus għal din il-ġurnata. Nixtri tibdila u nħallas ikla. U nħossni raġel maħbub għal din il-ġurnata. Maħbub minnek.”

Karistu baqa’ jħares lejh b’ħalqu miftuħ.

Antonio Galea Sciortino kien jaqsam dak kollu li kien ikollu miegħu, meta kien ifqar minnu!

“Illum stess se tibda toqgħod miegħi…” qallu bid-dmugħ f’għajnejh.

More in Blogs