M’hemmx qtates f’Copenhagen

Fl-2014 fid-dinja ntbagħtu 18.7 biljun messaġġ kuljum
Fl-2014 fid-dinja ntbagħtu 18.7 biljun messaġġ kuljum

Bħal għada tmenin sena ilu (1936) inkitbet ittra f’Copenhagen u ntbagħtet lejn Franza. Ħadd ma jista’ jgħid kemm-il ittra nkitbet dakinhar f’Copenhagen. Nazzarda ngħid li kienu ħafna, speċjalment jekk tmenin sena ilu l-ittri kienu ekwivalenti għall-messaġġi fuq iċ-ċellulari tal-lum. Ma nafx jeżistux stimi ta’ kemm kienu jintbagħtu ittri fl-1936 iżda stimi għal kemm jintbagħtu messaġġi testwali (text messages) għandna. F’Mejju li għadda textrequest.com irrappurtat li fl-2014 fid-dinja ntbagħtu 18.7 biljun messaġġ kuljum. 

Xi ħaġa tgħidli li għalkemm setgħu jintbagħtu ħafna ittri, fl-1936 ma ntbagħtux kważi għoxrin biljun waħda. L-idea ta’ komunikazzjoni dak iż-żmien, kienet differenti mill-idea li għandna aħna. Il-konċiżjoni tal-messaġġ (tant li kelma oħra għal text message hija short message service, appuntu sms), il-faqar fil-kwalità tal-kitba — tant li ilna żmien twil nosservaw kif il-livell ta’ kitba u anki taħdit ‘inbidel’ (minflok ngħid tbaxxa) b’effett tal-messaġġi testwali, u t-tip ta’ ħajja inġenerali wasslu lill-bnedmin biex iħossu l-ħtieġa jikkomunikaw imqar l-aktar ħaġa insipida u bla sustanza li wieħed jista’ jimmaġina. Fl-1936, aktarx, il-kitba tal-ittri, anki jekk abbundanti żgur li mhux fin-numri stratosferiċi tal-messaġġi testwali tal-lum, kienet arti fiha nfisha. 

Għadek issib nies li jesprimu nostalġija għal żminijiet oħra meta l-ittri kienu jinkitbu fuq karti sbieħ, bil-pinna, bil-linka speċjali, aktarx b’kaligrafija xxaqleb lejn it-tpinġija. Imma tipprova kemm tipprova tirxoxta l-antik, meta għandek ġenerazzjonijiet sħaħ li qatt ma kitbu ittra, u meta l-ħajja ta’ kuljum tesiġi li l-komunikazzjoni tkun utli u mhux sabiħa, kull tentattiv nostalġiku se jfalli f’xi ħin jew f’ieħor. 

Fil-5 ta’ Settembru 1936, konna qed ngħidu, inkitbet ittra f’Copenhagen li tibda xi ħaġa hekk: “Ħeqq! Ma nistax nibgħatlek qattus ta’ Copenhagen għax m’hawnx qtates f’Copenhagen.” Din l-ittra nkitbet minn James Joyce, waqt waħda mill-ħarbiet tiegħu, dik id-darba lejn id-Danimarka, indirizzata liċ-ċkejken Stephen James, it-tifel ta’ ibnu. Għal żmien twil ħadd ma kien jaf b’din l-ittra sakemm instabet u saħansitra ġiet ippubblikata bħala wieħed miż-żewġ kotba li Joyce kiteb b’vena infantili. F’‘The Cats of Copenhagen’, Joyce jiċċajta ma’ neputih imma fl-istess waqt jikkonferma l-karattru mqareb tiegħu. Donnu hemm din il-kompliċità fl-imqarbezza bejn in-nannu u n-neputi fejn għal mument, minkejja d-differenza ovvja fl-età bejn it-tnejn, in-nannu James isir tifel tampar Stephen James. 

Il-konċiżjoni tal-messaġġ, il-faqar fil-kwalità tal-kitba — tant li ilna żmien twil nosservaw kif il-livell ta’ kitba u anki taħdit ‘inbidel’ (minflok ngħid tbaxxa) b’effett tal-messaġġi testwali, u t-tip ta’ ħajja inġenerali wasslu lill-bnedmin biex iħossu l-ħtieġa jikkomunikaw imqar l-aktar ħaġa insipida u bla sustanza li wieħed jista’ jimmaġina

Tħajjart nerġa’ naqra The Cats of Copenhagen, li fil-fatt huwa ktieb hekk ċkejken li taqrah fi ftit minuti, wara ħarba malajr malajr dan l-aħħar lejn Trieste, pajjiż ieħor li għex fih Joyce f’perjodu importanti ħafna f’ħajtu. Ħdejn l-istatwa ta’ Joyce miexi fuq pont jaqsam il-Kanal il-Kbir bi dritt Via Roma, fil-wara nofsinhar għażżien tal-Ħadd taħt xemx taqli l-ankri, il-ħsieb inevitabbilment imur lura u bis-saħħa tal-istħajjil abbli tqatta’ ftit minuti fil-bidu tas-seklu li għadda. Trieste tagħtik li tintilef fin-nostalġija għal żmien li m’għextx imma smajt u qrajt fuqu. 

The Ministry of Pain huwa ktieb li kont qiegħed naqra waqt il-ħarba lejn Trieste. Dan hu ktieb mimli nostalġija, miktub minn Dubravka Ugresic, awtriċi u kritiku letterarju Kroata li kellha titlaq minn pajjiżha minħabba dak li ġara hemm fil-bidu tas-snin disgħin. Ugresic mhijiex maħbuba wisq f’pajjiżha għax mhux talli ma tesprimix is-sentimenti nazzjonalisti kif hu mistenni mill-artisti (tant li tgħajret bħala traditur u għadu tal-poplu) imma wkoll għax hija akkużata b’dak li jissejjaħ Jugonostalġija, din in-nostalġija partikolari lejn stat li mhux talli ma baqax jeżisti talli ddiżintegra b’mod mill-aktar traġiku u mdemmi. The Ministry of Pain ilaqqagħna ma’ professoressa li titlaq mill-Kroazja lejn Amsterdam fejn tibda tagħti lezzjonijiet lil grupp ta’ studenti universitarji li bħalha telqu minn partijiet differenti ta’ dik li kienet il-Jugoslavja. In-nostalġija hija tal-karattri, hija tar-rakkont fih innifsu. Naturalment bejn il-ktieb ta’ Ugresic u dak ta’ Joyce hemm baħar jaqsam għax Ugresic tikteb dwar traġedja li kważi kważi bilkemm titwemmen li kellha sseħħ fl-Ewropa ftit snin wara t-traġedja l-kbira tat-tieni gwerra dinjija u l-atroċitajiet li seħħew fuq bażi ta’ razza, filwaqt li Joyce jikteb l-infanzja u l-faxxinu tipiku ta’ ħafna artisti bl-ispeċi felina.

La d-diskors ħadna lejn in-nostalġija, propju ftit jiem qabel ma t-tfal jerġgħu jibdew l-iskola (attwalment fil-pajjiżi l-oħrajn Ewropej bdewha din il-ġimgħa avolja anki hemm hemm is-sħana), ma tistax ma tiftakarx fil-mistoqsija li kienu (u għadhom) jagħmlu l-għalliema lit-tfal u l-istudenti tagħhom dwar kemm-il ktieb qraw matul il-vaganzi. Il-ftit kienu, kif għamilt f’dan l-artiklu, jitkellmu fuq xi ktieb jew tnejn li jkunu qraw; il-ħafna kienu jibqgħu ċassi jew jagħtu tbissima mqarba daqs il-qtates li m’hemmx ġo Copenhagen. U hekk kienet tibda sena skolastika oħra, bil-ftit jistennew x’se jitgħallmu ġdid, u l-ħafna jistennew li jasal Diċembru jekk mhux ukoll Ġunju.

More in Blogs