It-talbiet tar-Renju Unit

minn Joe Ellis

X’inhu l-futur tar-Renju Unit fl-UE?
X’inhu l-futur tar-Renju Unit fl-UE?

Ħmistax ilu tkellimna dwar il-ftehim li kien għadu kemm intlaħaq bejn il-kapijiet tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea fit-18 u d-19 ta’ Frar li għadda. Intqal ħafna diskors u kulħadd jaf li r-Renju Unit se ssejjaħ referendum sabiex il-pajjiż jiddeċiedi jekk jibqax membru tal-UE.  Imma tajjeb li wieħed l-ewwel jara x’eżatt ġie maqbul tliet ġimgħat ilu fi Brussell. Qabel wieħed jagħmel hekk, tajjeb li wieħed ifakkar x’kienet il-qagħda attwali tar-Renju Unit fi ħdan l-UE qabel ma ntlaħaq il-ftehim li qed insemmu.

Kif jgħid l-istess komunikat finali wara l-laqgħa ta’ Brussell, ir-Renju Unit diġà għandu lista pjuttost estensiva ta’ konċessjonijiet speċjali. Ir-Renju Unit mhuwiex obligat li jadotta l-euro u jabbanduna l-isterlina, mhuwiex obbligat li jadotta t-trattat ta’ Schengen u jista’ jkompli jattwa l-kontrolli fil-fruntiera kif kull min mar l-Ingilterra żgur jaf. Jista’ jagħżel jekk jipparteċipax f’miżuri dwar il-libertà, sigurtà u ġustizzja u mill-1 ta’ Diċembru 2014, ingħata ukoll il-fakultà li ma japplikax il-maġġorparti ta’ l-atti Ewropej fl-oqsma tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġustizzja li daħlu fis-seħħ qabel it-Trattat ta’ Lisbona filwaqt li għandu wkoll id-dritt li jagħżel jipparteċipax f’35 qasam ieħor. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea jew kwalunkwe Qorti tar-Renju Unit ma tistax tiddikjara xi inkonsistenza tal-liġi domestika tar-Renju Unit mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE li ġiet adottata permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Din il-karta tespandi d-drittijiet elenkati fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li r-Renju Unit hija ovvjament marbuta biha.

Jekk dan kollu ma kienx diġà status speċjali tar-Renju Unit, mela ma nafx x’ikun. Ma kien hemm bżonn l-ebda ftehim ġdid sabiex ir-Renju Unit jakkwista dan l-istatus speċjali li donnu huwa daqshekk għażiż għall-Brittaniċi. Imma minkejja dawn il-konċessjonijiet kollha li r-Renju Unit akkwista matul is-snin, id-demonji tal-ewroxettiċiżmu Anglo-sassonu qatt ma sparixxew, anzi dejjem kibru. U l-ironija kbira u storika hi li min fl-1975 kien l-aktar favur is-Suq Komuni, illum hu l-aktar xettiku dwar l-UE u jixtieq jitlaq minnha, u viċi-versa. Fir-referendum tal-1975, il-Partit Laburista kien maqsum, u bosta membri tal-kabinett tal-Gvern ta’ Wilson ikkampanjaw favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Min-naħa l-oħra, il-Partit Konservattiv li kien fil-gvern meta r-Renju Unit daħal fis-Suq Komuni kien fil-maġġorparti favur li r-Renju Unit jibqa’ membru. Dan minkejja li kellu kap ġdid fil-persuna ta’ Margaret Thatcher.  

Illum is-sitwazzjoni nqalbet kompletament: il-Partit Konservattiv fil-Gvern huwa maqsum u bosta membri tal-kabinett kif ukoll ħafna backbenchers ħarġu apertament favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Mill-banda l-oħra, il-Partit Laburista u l-moviment trejdunjonistiku, bi ftit eċċezzjonijiet, huwa favur li r-Renju Unit jibqa’ membru għalkemm għadu mhux ċar kemm se jikkampanjaw favur l-IVA f’Ġunju li ġej.   

Fis-summit tat-18 u 19 ta’ Frar, il-kapijiet tal-gvernijiet tal-UE laħqu ftehim li jidħol fis-seħħ biss jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li jibqa’membru. Jekk jiddeċiedi li jeżerċita d-dritt li jitlaq taħt l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona, il-ftehim imut mewta naturali. Waħda mill-konċessjonijiet li ngħata r-Renju Unit kien ir-rikonoxximent li mhijiex aktar marbuta għal aktar integrazzjoni  politika fl-UE. Dan għandu jiġi inkorporat fl-ewwel reviżjoni li se ssir tat-Trattati tal-UE biex b’hekk jiġi ċċarat li r-referenzi kollha għall-għaqda dejjem akbar bejn il-pajjiżi membri tal-UE, ma tapplikax għar-Renju Unit. 

Din tidher li hija konċessjoni kbira għal Cameron imma bosta osservaturi jsostnu li mhijiex. Kif rajna, ir-Renju Unit diġà għandu bosta opt-outs mir-regolamenti, direttivi u strumenti Ewropej u għaldaqstant, kulma qiegħed isir hu li qed jiġi formalizzat il-fatt li l-Brittaniċi huma każ apparti u ma jridux jitpoġġew fl-istess keffa bħall-Ewropej l-oħra. U fuq kollox, xejn mhu se jżomm lir-Renju Unit milli jadotta l-miżuri li jaqbel magħhom. F’kelma waħda, ir-Renju Unit għandu sħubija li hija sa ċertu punt à la carte, għalkemm wieħed m’għandux jesaġera għaliex xorta se jibqa’ marbut bil-maġġorparti tal-acquis komunitarju. Għax għalkemm Cameron innegozja d-dritt tal-mekkaniżmu, hekk imsejjaħ tal-karta l-ħamra biex jimblokka proposti tal-kummissjoni, dan japplika biss jekk 55% tal-parlamenti nazzjonali (ikkalkulat skond il-voti allokati lilhom) joġġezzjonaw għall-abbozz ta’ att leġislattiv fi żmien tnax-il ġimgħa minn meta jintbagħat. Tali mekkaniżmu huwa pjuttost diffiċli biex jitħaddem. Minħabba dan, il-kritiċi ta’ Cameron ma mpressjonaw ruħhom xejn u qed isostnu li dan il-mekkaniżmu, bl-ebda mod ma jservi sabiex ir-Renju Unit jerġa’ jieħu kontroll tad-destin tiegħu, waħda mit-talbiet prinċipali tal-ewroxettiċi. Ta’ min isemmi wkoll li Cameron ma rnexxielux iwettaq waħda mill-wegħdiet tal-manifest elettorali tal-2010 u jiżgura li r-Renju Unit ma jkunx marbut mil-liġijiet soċjali u tax-xogħol Ewropej, xenarju li żgur kien ipoġġih f’kunflitt mal-Partit Laburista u mal-moviment trejdunjonista.

Talba oħra prinċipali tar-Renju Unit kienet fir-rigward tal-benefiċċji soċjali li jieħdu immigranti minn pajjiżi tal-UE fir-Renju Unit. Ir-Renju Unit huwa d-destinazzjoni ta’ mijiet t’eluf ta’ immigranti mill-kumplament tal-UE li qed jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija Brittanika.  Tant li bosta organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem huma kontra l-Brexit u qed iwissu bil-konsegwenza ta’ ħruġ mill-UE minħabba l-problemi għal min iħaddem biex isib ħaddiema f’bosta oqsma. Madankollu, il-kwistjoni tal-benefiċċji non-kontributorji li dawn  il-ħaddiema jirċievu hija waħda kontroversjali ħafna.

It-talba prinċipali tar-Renju Unit li qabel ma jieħdu benefiċċji, l-immigranti mill-UE jkunu ilhom jgħixu u jħallsu t-taxxi tal-anqas erba’ snin, sabet resistenza qawwija mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant immexxijin mill-Polonja. Il-Brittaniċi riedu wkoll li ċittadini tal-UE ma jkunux jistgħu jieħdu benefiċċji minħabba li ma jaħdmux, u jekk ma jsibux xogħol fi żmien sitt xhur, ikollhom jitilqu mir-Renju Unit. Riedu wkoll li jekk it-tfal tal-immigranti ma jgħixux fir-Renju Unit, ma jieħdux benefiċċji tat-tfal.

Il-ftehim finali rridimensjona sew ix-xewqat Brittaniċi. Jekk ikun hemm influss eċċezzjonali ta’ ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-UE, għall-perjodu ta’ seba’ snin, stat membru, mhux ir-Renju Unit biss, ikun jista’ jillimita l-aċċess ta’ ħaddiema mill-UE għall-benefiċċji tax-xogħol mhux kontributorji. Tali limitazzjonijiet jonqsu matul is-snin aktar mal-individwu jdum jaħdem fl-istat membru u din il-konċessjoni tista’ tiġi applikata għal seba’ snin biss.  

L-ironija kbira u storika hi li min fl-1975 kien l-aktar favur is-Suq Komuni, illum hu l-aktar xettiku dwar l-UE u jixtieq jitlaq minnha

Fir-rigward tal-benefiċċji tat-tfal, stat membru ser ikun jista’ jillimita l-benefiċċji tat-tfal tal-ħaddiema minn pajjiżi oħra ewropej għal-livell illi jieħdu fil-pajjiż fejn igħixu.  Dan fil-bidu ser japplika biss għall-talbiet ġodda imma wara l-1 ta’ Jannar 2020, tali limitazzjoni tista’ tiġi applikata għall-każijiet kollha ta’ tfal li jibqgħu jgħixu fil-pajjiż tal-oriġini. Dan sabiex jiġu skoraġġuti dawk l-immigranti illi jagħżlu illi jmorru jgħixu f’pajjiż minħabba l-livell tal-benefiċċji illi jagħtu lit-tfal.  Madankollu, ir-Renju Unit kellu jċedi ħafna mit-talbiet oriġinali tiegħu fosthom illi tfal illi ma jgħixux fir-Renju Unit ma jkunux intitolati għall-benefiċċji jekk xi ħadd mill-ġenituri ikun jaħdem fir-Renju Unit.  U l-limitazzjonijiet jistgħu jdumu biss seba’ snin u m’hux tlettax-il sena kif ir-Renju Unit mid-dehra kien qed jitlob.  Dana minħabba l-opposizzjoni ta’ bosta pajjiżi tal-Ewropa tal-lvant immexxijin mill-Polonja.  Huwa sinjifikanti illi tara illi fil-kwistjonijiet kollha ewropej bħall-bail-out tal-Greċja, l-immigrazzjoni u issa l-ftehim il-ġdid mar-Renju Unit, il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant qed jilgħabu rwol importanti ħafna u jsegwu l-aġenda tagħhom.

Kwistjoni oħra mportant kienet tirrigwarda l-interessi tal-pajjiżi li huma barra l-ewrożona. Ir-Renju Unit ried rikonoxximent espliċitu illi l-ewro m’hijiex l-unika munita tal-U.E. u illi pajjiżi illi mhumiex fiż-żona ewro ma jiġux żvantaġjati.  Ried ukoll salvagwardji illi l-passi futuri għall-għaqda finanzjarja ma jaffetwawx min m’hux fl-ewrożona u illi r-Renju Unit ma jkollhiex għalfejn tikkontribwixxi għall-bail-outs ta’ pajjiżi fl-ewrożona. Ir-Renju Unit ried ukoll illi s-City ma tiġiex affetwata mir-regolamentazzjoni tal-ewrożona. Din kienet waħda mill-għoqiedi iebsin bi Franza determinata illi ma tagħtix lir-Renju Unit id-dritt ta’ veto fuq l-evoluzzjoni futura tal-unjoni monetarja mentri r-Renju Unit ried illi din tiġi divorzjata mill-unjoni ekonomika.  

Cameron eventwalment rebaħ garanziji illi l-pajjżi illi m’humiex fl-ewrożona ma jkunux mitluba jiffinanzjaw bail-outs ta’ pajjiżi fl-ewrożona.  Imma dan kien diġa l-każ u r-Renju Unit kien min ta’ quddiem biex jagħti l-pariri fir-rigward tal-kriżi tal-Greċja imma rrifjuta illi joħroġ sold wieħed sabiex isalva l-Greċja.  Madankollu, minħabba r-resistenza Franċiża, ir-Renju Unit ma akkwistax eċċezzjonijiet għar-regoli ewropej u għaldaqstant, it-test finali jitkellem dwar il-ħtieġa illi tinżamm “level playing-field” fil-qasam tar-regolamentezzjoni finanzjarja.  L-unjoni monetarja u l-unjoni ekonomika m’humiex l-istess imma ma jistgħux ikunu antitetiċi. Cameron akkwista ukoll rikonoxximent illi fl-UE jeżistu muniti differenti imma dan m’hu xejn ħlief rikonoxximent ta’ stat ta’ fatt attwali.  

Fl-aħħarnett, Cameron ried tnaqqis tal-piż ta’ regolamentazzjoni eċċessiva u estensjoni tas-suq waħdieni.  Dawn kienu l-anqas domandi kontroversjali u illi fuqhom kien hemm qbil mingħajr problemi.  It-test finali igħid illi l-UE trid iżżid l-isforzi sabiex isseddaq il-kompetitività u l-istituzzjonijiet komunitarji u l-istati membri għandhom isaħħu l-isforzi sabiex isaħħu s-suq intern u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Wegħdiet simili saru fil-passat imma l-progress lejn is-suq waħdieni għadu mqanżaħ b’resistenzi minn pajjiżi differenti skond l-interessi tagħhom..  Kieku r-Renju Unit jipparteċipa aktar bil-qalb fil-proġett Ewropej, ċertament jista’ jagħti kontribut aħjar sabiex jitwettaq is-suq waħdieni.  Imma sfortunatament il-vokazzjoni brittanika baqgħet iżolazjonista u kuntrarja għal kwalunkwe ambizzjoni federalista.

Ikompli.

More in Blogs