Refalo u r-riforma fil-ġustizzja

minn Owen Bonnici

L-ewwel darba li ltqajt mal-Professur Ian Refalo kien meta dħalt għall-kors tal-liġi tmintax-il sena ilu. Kont smajt bih qabel, iżda qatt ma kont iltqajt miegħu jew rajtu.

Dak iż-żmien kien kemm id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u kif ukoll Professur tal-Liġi Kostituzzjonali u Amministrattiva. Jolqtok mill-ewwel għax minkejja l-istanding kbir li għandu fis-soċjetà, huwa bniedem umli mmens, saqajh mal-art u qatt ma nqata’ minn man-nies u baqa’ jservi ta’ avukat dawn is-snin kollha.

Meta lħaqt avukat kont sintendi niltaqa’ miegħu l-Qorti, speċjalment fil-Qrati tal-Appell fejn kien jagħmel trattazzjonijiet meqjusa, mingħajr ħafna kliem żejjed u kull kelma hija dart. Taf inti, bħal dik il-logħba fejn inti titfa’ dart biex tolqot iċ-ċirku tan-nofs. Jien jogħġbuni ħafna n-nies li jiżnu kull kelma li jgħidu u li jkunu preċiżi u ffukati fuq fejn iridu jaslu minflok jimlewk b’ħafna kliem li meta tagħsru ma jfisser xejn. Il-Professur Refalo hu wieħed minnhom u kont nagħmel sforz biex nisma’ u nitgħallem minn nies bħalu.

Meta mbagħad sirt Segretarju Parlamentari u mbagħad Ministru ġieli ħbatt mal-Professur Refalo bħala konsulent legali tal-Awtoritajiet Kostituzzjonali prattikament kollha, mill-Uffiċċju tal-President, sal-Uffiċċju tal-iSpeaker, sal-Awtorità tax-Xandir. Meta ngħid ħbatt ma rridx infisser li jiena nikkonsulta lilu – għaliex l-avukat tal-Gvern huwa l-Avukat Ġenerali – iżda rrid infisser li ismu jissemma’ spiss bħala dak il-bniedem li jagħti direzzjonijiet legali fuq punti Kostituzzjonali, jgħid l-affarijiet kif inhuma u jtik parir fi kliem sempliċi li jifhimhom kulħadd.

Fil-pariri li jagħti jġib l-interess tal-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.

Sintendi meta qamet il-kwistjoni tan-nominati għall-Maġistratura, il-mezzi tax-xandir daru fuqu għall-fehmiet tiegħu fuq dawn il-materji ta’ natura Kostituzzjonali. Il-maltatoday.com.mt ħadet il-kummenti tiegħu u ħa l-kummenti tiegħu wkoll ix-Xandir Nazzjonali.

Qal ħafna affarijiet li huma interessanti. Spjega kif fil-kwistjoni tan-nomina għall-Maġistratura, kuntrarjament kif qal xi ħadd li jispara l-kliem kif ġie ġie, ma kien hemm ebda ksur tal-Kostituzzjoni u rrefera għal dak li kien ġara f’każ simili fi żmien Gvern preċedenti fejn il-Gvern tal-ġurnata ried jibqa’ għaddej anke jekk il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kellha d-dubji.

Spjega kif fejn tidħol l-eliġibbilità ta’ Dr Ingrid Zammit Young biex isservi bħala maġistrat hemm ħafna xi tgħid u li hija kwistjoni dibattibbli u diskutibbli. Il-Professur Refalo qal li din mhijiex kwistjoni ta’ ċertezza imma hemm ħafna xi tgħid kif wara kollox qalet il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja stess. Żied jgħid li fil-każ ta’ Dr Caroline Farrugia Frendo din, kontra kif qal ħaddieħor, se tinħatar b’rispett sħiħ ta’ dak li tgħid il-Kostituzzjoni. 

Diġà kkommettejna ruħna li sal-aħħar tal-leġislatura se nkunu biddilna l-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti għall-aħjar

Imbagħad il-Professur Refalo ta l-veduti tiegħu fuq kif għandha titjieb is-sistema tal-għażla tal-Ġudikanti. Spjega li hemm tliet sistemi – b’elezzjoni, b’eżami jew inkella b’nomina. Huwa qal li wieħed għandu jmur għal sistema ta’ nomina li biha jiżdied saff ta’ skrutinju u saħaq li jista’ jkun li qas ikun hemm bżonn tinbidel il-liġi biex dan iseħħ.

Li hu żgur, u naħseb li dan hu l-qofol ta’ kollox, li għandu jiġi evitat l-attakk (bl-Ingliż pillorying) fuq il-persuni li jinnominaw u dawk li jiġu nominati. 

Il-Gvern huwa kommess li jagħmel riforma ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja u diġà kkommettejna ruħna li sal-aħħar tal-leġislatura se nkunu biddilna l-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti għall-aħjar. Fil-fehma tiegħi, ir-riformi istituzzjonali m’għandhomx jaslu fuq hemm biss għaliex irridu niddiskutu wkoll (u forsi iktar importanti mill-metodu tal-ħatra) il-metodi ta’ kif insaħħu l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja sabiex ikun hemm iktar accountability fuq il-ġudikanti tagħna u kif se nagħmlu biex nattiraw iktar nies jidħlu fil-Ġudikatura.

Hu x’inhu jiena nara li nies bħall-Professur Ian Refalo huma kruċjali biex jagħtu l-opinjoni professjonali tagħhom fuq materji tant importanti bħal dawn.

Simon Busuttil f’daqqa waħda qed taħarqu qalbu għar-riforma fil-qasam tal-Ġustizzja. 

Wara 25 sena li fihom il-qasam tal-Ġustizzja baqa’ jkarkar lura, fejn matulhom qatt ma smajtu jitkellem fuq tibdil fin-nomina tal-Ġudikanti, fejn rajna sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħajruna bl-all in the family jamborees, Simon Busuttil xorta baqa’ ma fehem xejn għax meta ġie biex jikteb il-manifest elettorali tal-2008 u l-2013 imkien ma wiegħed li se jiġi reformat il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti.

Dan ifisser li kieku Simon Busuttil rebaħ l-elezzjoni li għaddiet, pajjiżna kien jibqa’ bl-istess sistema ta’ ħatra ta’ Ġudikanti. Daqshekk taħarqu qalbu għall-bidla.

Meta ġie biex jikteb il-manifest elettorali tal-2008 u l-2013 imkien ma wiegħed li se jiġi reformat il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti

Ftit ġimgħat ilu lil Simon Busuttil smajtu jgħid fuq it-televixin li se jipproponi li l-proposti tal-Kummissjoni Bonello dwar kif jinħatru l-ġudikanti jiġu implimentati fil-liġijiet ta’ pajjiżna. Din il-ġimgħa Simon Busuttil preżenta l-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar titjib fil-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti u nsib li minflok ma kien hemm il-proposti Bonello kien hemm proposti differenti ħafna minn dawk tal-Kummissjoni Bonello. Iva lanqas fuq din ma jaf ikun konsistenti Simon Busuttil?

Jason Azzopardi – l-immakkulat tal-Oppożizzjoni li qala’ ċanfira mill-Awditur Ġenerali talli ra kif għamel biex jaqdi lil xi ħadd mid-distrett tiegħu b’enroachment lejlet l-elezzjoni u li mgħaġġbin kemm hu dilettant tal-fkieren u ċ-ċikali – qal li jien l-agħar Ministru tal-Ġustizzja. Li tfisser li jien agħar minn dak li ta maħfra presidenzjali lit-traffikant tad-droga Queiroz. 

Meta Jason Azzopardi jipponta subgħajh lejn il-Gvern, hemm tlieta jippontaw lura lejh.

Mill-Oppożizzjoni ma niħux lezzjonijiet ta’ good governance. Minn ħaddiehor iva, bil-qalb kollha- jien umli biżżejjed. Mingħand l-Oppożizzjoni le.

Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lill-Ġudikanti kollha li servew u li qed iservu lil pajjiżna u l-familjari tagħhom. Dawn kollha nħatru bl-istess sistema ta’ ħatra ta’ ġudikanti li ilha magħna sekli sħaħ. Fil-maġġoranza assoluta tagħhom il-Ġudikanti tagħna għamlulna unur.

Kumbinazzjoni sirt naf li tnejn mill-imħallfin li għandna llum meta laħqu Magistrati snin ilu kellhom 30 u 31 sena. Grazzi talli minn età tant żgħira ddedikajtu ħajjitkom għall-Qrati ta’ pajjiżna.

Owen Bonnici huwa il-Ministru għall-Ġustizzja, Kunsilli Lokali u Kultura

More in Blogs