Imla l-vojt

L-artiklu ta' Immanuel Mifsud dwar kif il-Malti kull naqra vojt irid jimlieh bilfors

Triq il-Kosta, fejn  hemm proposta biex jinbnew żewġ gabbani u pompa tal-petrol
Triq il-Kosta, fejn hemm proposta biex jinbnew żewġ gabbani u pompa tal-petrol

Xi kultant ninsew li din l-art tagħna nistgħu naqsmuha mit-tarf t’isfel sal-punt l-aktar imbiegħed fin-naħa ta’ fuq f’siegħa sewqan. Siegħa waħda biss. Fi tfulitna, meta min-naħa t’isfel tal-pajjiż konna nsuqu lejn, dak iż-żmien il-Marfa, biex nitilgħu s’Għawdex, il-ġenituri kienu jdaħħluna norqdu kmieni għax l-għada kien se jkollna “vjaġġ twil.” Persważ li ma kinux jgħidu hekk lilna biex jeħislu minna, imma kienu verament iqisu dal-vjaġġ minn tarf sa tarf tal-pajjiż bħala twil ħafna. Għax imqar id-distanza hija relattiva minkejja li tista’ tkejjilha bi preċiżjoni assoluta.

Xi kultant ninsew ukoll li donnu l-vizzju nazzjonali, jew aħjar wieħed minnhom, huwa li nimlew il-vojt. Hekk konna nagħmlu l-iskola primarja wkoll: eżerċizzju tal-grammatika wieħed wara l-ieħor, jitolbuna biex nimlew il-vojt ngħidu aħna b’aġġettiv jew nom (sakemm jum fost l-oħrajn il-grammatika sparixxiet mill-eżerċizzji). Nimlew il-vojt. U tassew, l-eżerċizzji tal-grammatika fuq il-pitazzi b’qoxra blu skur kienu jiġu trasferiti għal oqsma oħrajn tal-ħajja ta’ kuljum. Pajjiżna dejjem kien iħobb il-grammatika u dejjem iħobb jimla l-vojt. Ngħidu aħna, knisja f’kull żewġ kantunieri; stejġ tal-karozza tal-linja kull kantuniera u nofs; ħanut tal-merċa f’kull kantuniera; zebra crossing kull erba’ passi. U b’hekk, id-distanzi dejjem jiqsaru u b’konsegwenza, il-perċezzjoni tad-daqs tal-pajjiż dejjem tiċkien u tiċkien. 

Terġa’ u tgħid, il-mili tal-vojt tant hu eżerċizzju li nħobbu li wassalna biex verament nimlew dak li kien vojt: xi għalqa lejn tarf ir-raħal tinbidel fi ġnien għar-rikreazzjoni tat-tfal li fih la tista’ tilgħab bil-ballun, la ssuq ir-rota jew l-iskateboard, la taqbeż il-ħabel, aktarx li lanqas timxi, biżżejjed jekk tpoġġi bilqiegħda fuq wieħed mill-bankijiet tal-ġebel jew taħt xi gazebo tammira l-funtana li bħala regola ġenerali ddum ittajjar l-ilma ġimgħa u mbagħad tieqaf il-waqfa ta’ dejjem. Bħalma, sfortunatament, hawn min għandu allerġija għal-lewż, jew għas-suf jew in-nylon, aħna għandna allerġija għall-vojt, donnu li huwa dnub li jkollok naqra vojt. 

M’iniex nikteb dan, proprju f’dan il-jum speċjali, biex niġbed saqajn ir-Repubblika, iżda bħal ħafna oħrajn dil-ġimgħa ġibt għajnejja wara widnejja meta qrajt fuq il-MaltaToday li hemm proposta għal żewġ gabbani mdaqqsa fuq iż-żewġ naħat ta’ Triq il-Kosta li għadha kemm infetħet mill-ġdid. Triq il-Kosta titlaq minn lokal mimli ristoranti u kafetteriji u tispiċċa f’lokal li wkoll huwa mimli ristoranti u kafetteriji. Hemm ukoll proposta għal pompa tal-petrol, (ma neħodhiex bi kbira) b’xi kafetterija magħha. Jekk issuqha minn San Ġiljan sa San Pawl il-Baħar, b’veloċità normali, m’għandekx tieħu aktar minn ftit minuti, imma minħabba li parti sostanzjali mit-triq tgħaddi ma’ kosta bla bini, il-perċezzjoni tas-sewwieqa tista’ tkun li qegħdin jaqsmu xi awtostrada li se teħodhom minn pajjiż għal ieħor, li tista’ taqbadhom debbulizza kbira meta jkunu għadhom f’nofs triq, u li t-tank tal-petrol se jiżvojtalhom eżatt malli taqbeż dan in-nofs. 

Il-vojt, għal darba oħra, irid jimtela. Il-pajjiż kbir wisq u hemm bżonn jiċċekken ftit ieħor.

Il-pitazzi bil-qoxra blu skura kienu jimtlew ukoll bil-komponimenti minbarra bl-eżerċizzji li fihom kien ikollna nimlew il-vojt. Per eżempju, ‘X’Nixtieq Insir la Nikber’, jew ‘Il-Familja Tiegħi’, jew ‘Il-Ġugarelli’, jew ‘Ir-Raħal fejn Noqgħod’. Dak iż-żmien, meta konna niktbu fuq ir-raħal fejn noqogħdu, konna niktbu fuq ‘it-tarf tar-raħal tagħna’, bl-idea li wara dak it-tarf kien hemm xi dagħbien, jew it-tarf tar-raħal attwalment kien it-tarf tad-dinja. Il-poeta Ġorġ Borg kien saħansitra ppubblika ġabra ta’ kitbiet bit-titlu Stejjer minn Tarf ir-Raħal u fuq il-qoxra kien hemm bidwi jiġbed karrettun minn ħdejn ħajt tas-sejjieħ bil-pal tal-bajtar jittawwal lejn it-trejqa, b’kamra warajh li aktarx kienet timmarka t-tarf tar-raħal. Imma llum, il-kunċett ta’ tarf ta’ raħal tista’ tgħid li sparixxa għax il-vojt bejn raħal u ieħor, iva, imtela.

Il-perċezzjoni tas-sewwieqa tista’ tkun li qegħdin jaqsmu xi awtostrada (Triq il-Kosta) li tista’ taqbadhom debbulizza kbira meta jkunu għadhom f’nofs triq, li t-tank tal-petrol se jiżvojtalhom eżatt malli taqbeż dan in-nofs

Bħal daż-żmien tas-sena, fuq il-pitazzi b’qoxra blu skura, konna, invarjabbilment, niktbu dan il-komponiment: ‘Il-Milied’, jew ‘Kif Se Nqatta’ l-Vaganzi tal-Milied’. Bla ebda dubju, il-komponiment bl-istess titlu tat-tifel tiegħi se jkun differenti sew minn dak li kont nikteb jien, mhux biss għax hu jqatta’ l-vaganzi tal-Milied b’mod totalment differenti minn kont kif inqattgħu jien, imma anki għaliex jien kelli aktar vojt milli għandu hu, u jekk ngħidlu ejja nimxu sa tarf ir-raħal żgur li se jispiċċa mifxul, jew forsi jkollu jispiċċa jimxiha sa Triq il-Kosta u jkollu jieqaf ftit hemmhekk, jieħu ġelat minn waħda mill-gabbani. 

Sakemm jimtela dan il-vojt bil-proposti l-ġodda, ippermettuli nixtiqilkom il-Milied it-Tajjeb, Milied mimli b’mumenti sbieħ, mimli ferħ, u mimli paċi u sliem. U jalla l-vojt tal-ħajja ta’ kuljum jimtela, imqar temporanjament.

More in Blogs