
L-immigrazzjoni - Kwistjoni sensittiva b’ħafna wċuħ
minn Roberta Metsola

L-esperjenza wrietna li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhix waħda faċli. Hi kwistjoni umana u sensittiva li toħloq pressjonijiet u diffikultajiet lil nies differenti u għal raġunijiet differenti. Hi sfida li fiha ħafna wċuħ differenti li jridu jiġu trattati b’mod tajjeb. Rari l-Ewropa ffaċċjat tant sfidi f’daqqa: mewġiet kbar ta’ migrazzjoni, kriżi tar-refuġjati fuq l-għatba ta’ pajjiżna, imwiet fl-ibħra madwarna, instabbiltà fil-Libja, taqlib fl-Afrika ta’ Fuq, u l-gwerra ċivili fis-Sirja.
L-Ewropa, jiġifieri kull Stat Membru tagħha, għandha r-responsabbiltà, flimkien mal-pajjiżi kollha tar-reġjun, li tiffaċċja din l-isfida flimkien u toħroġ bi tweġiba konkreta u koerenti li tindirizza bis-serjetà din il-kriżi ta’ ħafna fronti.
Pajjiżi bħal-Libanu, il-Ġordan, u t-Turkija diġà ħadu miljuni ta’ refuġjati. Din hi kriżi globali li teħtieġ tweġiba globali. Din il-ġimgħa, pajjiżna ospita s-Summit dwar il-migrazzjoni li sar bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Afrikani.
Mhux dejjem kien faċli li l-Unjoni Ewropea tiddiskuti l-immigrazzjoni. Kien hemm pajjiżi li kienu jqisu li l-problema tal-immigrazzjoni kienet biss problema tal-pajjiżi milquta minn dan il-fenomenu. L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien isostni fil-Kunsill Ewropew li l-problema tal-immigrazzjoni ma kinitx problema tal-pajjiżi Meditarranji li jilqgħu eluf ta’ immigranti li jaħarbu minn pajjiżhom, iżda hi problema li tolqot lill-Unjoni Ewropea kollha u li kull soluzzjoni għandha tkun mibnija fuq il-prinċipju tas-solidarjetà li fuqha hi msejsa l-Unjoni Ewropea, fejn il-pajjiżi kollha jgħinu lil xulxin. Bil-perseveranza u bil-ħidma li kienet qed issir, l-immigrazzjoni bdiet titpoġġa fuq l-aġenda Ewropea u anki tiddaħħal fil-konkluzjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Dan kien proċess diffiċli. Kien anki ddaħħal mekkanizmu fejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu immigranti minn Malta.
Il-Gvern Malti, fil-bidu ta’ din il-leġislatura, kien ipprova jieħu d-deċiżjoni kontroversjali tal-pushbacks li jibgħat l-immigranti lura mnejn ġew b’riskju għal ħajjithom. Din id-deċiżjoni kienet ġabet kundanna kbira. Wara kritika qawwija, il-Gvern reġa’ biddel dik id-deċiżjoni. Bid-deċiżjoni tal-pushbacks kien ikun diffiċli li mexxeja ta’ tant pajjiżi jiltaqgħu f’Malta u jippruvaw ifittxu soluzzjoni għal din il-kriżi globali. Dan kien każ ieħor li wera li r-raġuni hi ħafna aktar importanti mir-reazzjoni instantja.
F’dawn l-aħħar jiem sar żvilupp importanti bil-ħolqien ta’ Trust Fund. Dan il-fond se jgħin lil pajjiżi Afrikani li jkunu f’diffikultà. Għandhom igawdu nies li huma esposti għal diffikultajiet u huma fraġli. Nittama li b’dan il-fond tibda tiġi indirizzata l-għeruq tal-problema u jsiru inizjattivi biex ikun hemm aktar sigurtà fil-pajjiżi Afrikani, ikun hemm is-saltna tad-dritt, u jkun hemm żvilupp ekonomiku li permezz tiegħu jinħoloq ix-xogħol, partikolarment f’taħriġ u ħolqien ta’ intrapriżi żgħar.
Permezz ta’ dan il-fond, se jkunu jistgħu jittieħdu inizjattiv i biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-kunflitti u jkun hemm ‘management’ aħjar tal-migrazzjoni u r-ritorn sigur. Se jittieħdu inizjattivi fil-qasam legali, soċjali, edukattiv u ambjentali. Kollha importanti.
Il-ħolqien tat-Trust Fund huwa pass, imma mhuwiex biżżejjed. Dak li għandna bżonn issa hu li ngħaddu mill-paroli għall-fatti b’impenji serji mill-Prim Ministri u b’azzjoni konkreta. Jekk ma nittrattawx din il-problema b’mod ħolistiku li jħares lejn kull waħda mill-ħafna faċċati tagħha, ma naslu mkien.
Irridu nkomplu naħdmu biex inwieġbu għal mistoqsijiet bħal: Kif nistgħu nsaħħu l-ħidmiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran? Kif se nżarmaw in-networks ta’ kriminali u korrotti li qed jistagħnew minn fuq tant nies vulnerabbli? Kif dawn in-nies jistgħu jfittxu kenn bla ma jkollhom għalfejn jirkbu dgħajjes li mhuma dgħajjes xejn imma twiebet? U kif se nibagħtu lura lil dawk li nsibu li ma jikkwalifikawx għall-kenn fl-Ewropa?
Filwaqt li nwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet irridu wkoll inħarsu lejn x’qed jiġri lin-nies li għandhom bżonn protezzjoni fl-Ewropa. It-tweġiba mhijiex l-Ewropa Fortizza. L-Ewropa hi dwar it-twaqqigħ tal-ħitan, mhux dwar il-bini ta’ ħitan ġodda. Jeħtieġ nikkumbattu lill-populisti u nindirizzaw il-biża’ li jiżirgħu bl-esaġerazzjonijiet tagħhom.
Bid-deċiżjoni tal-pushbacks kien ikun diffiċli li mexxejja ta’ tant pajjiżi jiltaqgħu f’Malta u jippruvaw ifittxu soluzzjoni għal din il-kriżi globali
Imma lanqas ma nistgħu nabbandunaw il-kontroll fuq il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ ikollna mmaniġġjar tal-fruntieri tagħna li jkun uman, ġust, u b’saħħtu u dawk li għandhom tassew bżonn il-kenn, ikunu jistgħu jfittxu futur bla biża’. Dawk li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni, jeħtieġ jintbagħtu lura b’mod sigur lejn pajjiżhom.
Jeħtieġ soluzzjonijiet għat-tul. Ħafna mill-migranti li qed jaħabru m’għażlux huma li jiċċaqilqu minn pajjiżhom. Ħafna minnhom iridu jmorru lura lejn pajjiżhom, fejn trabbew u kibru. Imma kif jistgħu jirritornaw lejn pajjiż li ma joffrilhom l-ebda prospett ġdid? Jekk dawn il-bnedmin ma jaraw l-ebda futur f’pajjiżhom, mhux talli ma jitħajrux imorru lura, talli aktar jibqgħu jaħarbu, anke jekk b’sogru għal ħajjithom, u aktar migranti se jmutu mgħarrqin fl-ibħra tagħna jew huma u jaqsmu d-deżert.
Irridu niddedikaw l-enerġija tagħna biex ngħinu lil dawn il-pajjiżi u reġjuni jinbnew mill-ġdid b’risq il-popli tagħhom. Dan ifisser li rridu ngħinu lil dawn il-pajjiżi jagħtu lill-popolazzjonijiet tagħhom dak li hu l-ewwel dmir tal-Istat: is-sigurtà għall-poplu tiegħu, il-buon ordni u l-ħarsien tal-fruntieri. Irridu ngħinuhom jibnu l-aktar servizzi essenzjali, jiġbdu investiment utli, jedukaw lil nieshom, u jiggvernaw lilhom infushom bi ndafa u b’mod effettiv. Nittama li l-ħolqien tat-Trust Fund u l-proġetti finanzjati minnu jwassal biex dawn il-miri jibdew jiġu indirizzati u eventwalment jintlaħqu.
It-triq mhix għall-wita imma bidu jrid ikun hemm, u t-tama tagħna hi li l-popli milquta minn kriżijiet jirbħu l-fiduċja fihom infushom, ikollhom fiduċja f’pajjiżhom u fil-ġejjieni tagħhom billi jaraw li anki permezz tat-Trust Fund qed jiġu finanzjati proġetti u qed issir ħidma konkreta li qed tagħmel differenza għal ħajjithom f’pajjiżhom.
Roberta Metsola hija Membru tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew