L-impatt tat-traffiku u l-politiċi

L-artiklu ta' Mario Azzopardi dwar it-traffiku li deher fuq il-ġurnal ILLUM 

Tniġġiż bil-karbonju: Il-mewt bil-mod il-mod
Tniġġiż bil-karbonju: Il-mewt bil-mod il-mod

Il-problema tat-traffiku saret inkubu. Saret ukoll ballun politiku.

Iċ-ċifri reali (maħruġin minn sondaġġ ta’ Transport Malta) jistgħu jservu lill-klassi politika biex jaraw x’inhi s-sitwazzjoni u x’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet. Ħadd mill-politiċi ma jidher li għandu immaġinazzjoni biżżejjed biex joħloq soluzzjoni għat-tul. Is-suggeriment li tħalli l-prezz tal-petrol u d-diesel għoli biex tiskoraġġixxi s-sewqan tal-vetturi, ma kkonvinċa lil ħadd; anzi, serva ta’ awto-gowl ieħor lit-tim Laburista.

Bejn is-snin 1989 u l-2010 dawk li jużaw il-karozza privata żdiedu minn 55% għal 75%. F’dak li jirrigwardja t-trasport pubbliku, iċ-ċifri niżlu minn 32% għal 15%.  Mhux sorpriża, meta tqis it-taħwid li kien hemm dwar l-Arriva u issa dwar is-servizz Spanjol.

Xi ħaġa li l-politiċi jevitaw li jitkellmu dwarha hi t-tniġġiż tal-arja. Skont is-sondaġġ ikkwotat, 69% tal-flotta tal-karozzi f’Malta għandhom mal-għaxar snin. F’termini Ewropej, dan hu żmien twil u joħloq ħafna tniġġiż. It-trasport waħdu, f’Malta joħloq 20% tal-emissjonijiet tal-karbonju.

Issa l-problema hi tal-konġestjoni. 9.5% tan-network f’Malta hu konġestjonat b’mod qawwi, b’kuntrast għaċ-ċifra ta’ 1.7% fl-Unjoni Ewropea. Bħala medja, jintilfu 52 siegħa fis-sena fl-ivvjaġġar bil-karozzi. X’se jsir?  Min għandu road map li ma tgħaddix lill-poplu minn għajn il-labbra? U min-naħa taċ-ċittadini, min lest għas-sagrifiċċju li jimxi? Meta se jirrinunzja għall-fsied? Jew li għall-inqas ma jixtrix karozza għal kull membru tal-familja?

Il-BULLYING FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Dan is-suġġett kien trattat fuq TVM fil-program ta’ waranofsinhar, Twelve to 3.  Hemm il-perċezzjoni li l-vittmi tal-bullying huma t-tfal.

X’inhuma s-sinjali li xi ħadd ikun ivvittimizzat fuq il-post tax-xogħol?  Jeżistu ċerti rimedji legali u soċjali? Anki waqt laqgħat professjonali issib nies li jippruvaw jimponu ruħhom b’mod aggressiv. Hemm sitwazzjonijiet fejn ħaddiema jkollhom jitilqu mix-xogħol. M’hemmx għalfejn tkun espert fis-soċjoloġija biex tinduna li hemm pattern. Jekk ir-realtà ma tinbidilx, dejjem hemm rimedji legali. Dawk vittimizzati aktarx ma jirrikorrux għal dawn il-metodi minħabba infiq fil-proċeduri u tul ta’ zmien biex tinstab soluzzjoni.  

Il-bullying fuq il-post tax-xogħol u kontra l-kollegi qatt m’għandu jkun ittollerat.  Forsi dawn huma sitwazzjonijiet fejn anki l-unions għandhom jintervjenu b’saħħa u determinazzjoni.

IL-KARITÀ LILL-MALTIN U L-AFRIKANI

Il-familji estiżi f’pajjiżi fqar (il-Kenja, is-Somalja, l-Eritrea eċċ) huma forma ta’ assigurazzjoni għas-sopravivenza tagħhom.  Dan l-argument tqanqal fil-programm Skjetti (TVM). Il-verità tal-Afrika (1.2 biljun ruħ) hi li l-poter tal-multinazzjonali qed jagħmel ħerba minn dawn il-pajjiżi u jkompli jġibhom ta’ fuqhom senduqhom. F’dan ir-rigward, in-Nazzjonijiet Uniti hi kompletament passiva u bla saħħa. L-effett tal-kolonjaliżmu għadu mażżra m’għonq dawn il-pajjiżi sottożviluppati.

Kif jaħsbuha l-Maltin? Il-Maltin huma tal-fehma li l-ewwel għandhom jingħataw għajnuna l-Maltin stess, imbagħad naħsbu fil-barrani. Għandi f’moħħi xi kerrejja miżerabbli bħal dik tal-Okkella fil-Ħamrun. Maltin oħrajn, f’interventi waqt il-programm, qalu li l-assi tal-Knisja għandhom jintużaw għall-missjoni.

Din hi miżura kompletament temporanja u l-Knisja (inkluż il-Vatikan) għandha biżżejjed fondi biex twettaq il-karità hi stess. Wirt artistiku-kulturali mod, u fondi finanzjarji diretti, mod ieħor.  

Skjetti għamel ‘esperiment’. Fittex fil-boroż tal-iskart tad-djar biex jara x’jarmu l-Maltin: instabu pakketti sħaħ tal-ħobż, ilbiesi kważi ġodda, isdra tat-tiġieġ, ħut.  

Skjetti hu program frisk u mingħajr ħafna pretensjoni.  Ma niddejjaqx insegwih.

L-ESPLOJTAZZJONI TAL-KONGO

Rai Storia esplora s-sitwazzjoni tal-Kongo u nħawi oħra Afrikani. Il-Kongo hu l-aktar pajjiż sinjur (fir-riżorsa bħal-djamanti eċċ.) u l-aktar fqir (minħabba l-esplojtazzjoni tal-kolonjalizzaturi).

Hemm suq tal-minerali klandestin u korrott. L-Afrikani jirriskjaw ħajjithom fil-minjieri. M’hemmx kontrolli jew protezzjoni sindakalista. Il-ħaddiema jagħmlu xhur sħaħ ma jitħallsux, u bħala medja jaqilgħu 10 dollari fix-xahar. Kummerċjant intervistat ammetta li ħafna traffiku jmur lejn l-Ingilterra, Pariġi, Brussel u New York. Din hi nuqqas fis-sistema ta’ kontroll minħabba li l-bejgħ tal-minerali imur fil-bwiet tal-multinazzjonali u dawn l-azjendi ma jħallsux taxxi.

M’hemmx mekkaniżmi kif il-Kongo stess jifforma parti mill-kuntratti, fejn mijiet ta’ tfal jitħaddmu fil-miżerja u l-isfruttament. Fil-Kongo hemm 10% provvista tad-deheb fid-dinja. Fis-suq l-iswed, il-prezz hu żewġ terzi ta’ dak standard.  Ġestazzjoni mill-Mafja, b’kompliċità mal-Pulizija u l-awtoritajiet, li għandhom il-mezzi kif jirriċiklaw il-flus maħmuġin. Il-minjieri jinsabu moħbijin fil-fond tal-foresta u għalhekk ’l bogħod mill-għajn.

L-istat waqqaf l-aġenzija tiegħu biex jikkonċedi privileġġi enormi. Riżorsi oħra li l-Kongo għandu huma ż-żejt, l-ilma, l-injam u l-ħut. Il-Kongo, bħal inħawi oħra bħall-Irwanda, jinsab fil-ħakma ta’ klan ħalliela. In-nisa jħossuhom li minkejja li għandhom żgħażagħ, diġà xjaħu.

Minkejja ż-żejt u riżorsi oħra, 97% tal-Kongoliżi jgħixu mingħajr dawl. Mobutu (1930-1997) li ħakem il-Kongo għal 30 sena għamel biljuni fuq biljuni ta’ flus għalih u għal familtu. Mhux faċli tassessja fejn u kemm hi l-fortuna ta’ Mobutu barra l-pajjiż. Hemm oskurità assoluta.

L-Afrikani jippreferu li jidħlu ċ-Ċiniżi għax jaħsbu li huma ħafna inqas voraċi.  Għallinqas din hi t-tama tagħhom.

More in Blogs