Sehem Malta fil-futbol Ewropew

"Fl-aħħar kompetizzjoni tal-kwalifikazzjoni tal-UEFA, Malta lagħbet 10 partiti bi prestazzjoni passiva quddiem il-lasti avversarji. Ġabret biss 2 punti, kienet l-aktar li ġarrbet gowls u ġiet l-aħħar fil-grupp tagħha"

Malta kontra n-Norveġja (0-2).  Tgħid tlifna għax kienet il-kesħa jew għax il-ħaxix kien niedi?
Malta kontra n-Norveġja (0-2). Tgħid tlifna għax kienet il-kesħa jew għax il-ħaxix kien niedi?

M’għadnix dilettant tal-futbol,  imma għadni nsegwi logħob bejn timijiet kbar, u ghal dnubieti, insegwi partiti fejn tilghab Malta.  Jigifieri nsegwi lil Malta b’telfa wara telfa. Idejquni ħafna l-ewfemiżmi u l-konsolazzjonijiet tal-kummentaturi sportivi. Idejquni klixèjiet bħal, “tlifna bi skor minimu”, “tajna wirja qalbiena” jew “Malta lagħbet ma’ tim qawwi.”  Nitbissem ukoll bl-iskużi tat-“tekniċi.”  Eżempju Malta qed tilgħab fi klima kiesħa li mhux imdorrijin biha. Jew il-grawnd imxarrab bin-nida.

F’partita jiġri li Malta ma tiskorja qatt, u xorta jaslu l-eloġji kondexxenti dwar “il-pożittività” u l-“qlubija.” Imma fil-logħob tal-ballun, li jgħodd huma l-gowls.

Fl-aħħar kompetizzjoni tal-kwalifikazzjoni tal-UEFA, Malta lagħbet 10 partiti bi prestazzjoni passiva quddiem il-lasti avversarji. Ġabret biss 2 punti, kienet l-aktar li ġarrbet gowls u ġiet l-aħħar fil-grupp tagħha. Timijiet li bejn wieħed u ieħor, jistgħu jkunu komparati mat-tim Malti (Ċipru, il-Lussemburgu, il-Bulgarija, il-Bożnija-Ħerżegovina u l-Kasakstan, fost l-oħrajn) jirnexxilhom isibu x-xibka aktar spiss.

Iżda l-kowċ Taljan ta’ Malta jitbissem, jgħid li “salvajna dak li stajna nsalvaw,” u jaċċertana li hu kuntent bil-prestazzjoni tal-plejers tiegħu. B’din il-kondexxenza, Malta fejn tista’ tasal, minkejja li jitilgħu aktar minn 5,000 spettatur f’Ta’ Qali, bil-bnadar u banda tar-ramm u t-tnabar?

XARABANK, PUTIN U SAN PAWL

Filwaqt li l-Ewropa għaddejja minn żmien diffiċli bil-kriżi tal-immigranti, f’Malta nippreferu spettakli televiżivi mimlijin irvell, għajjat u xeni vulgari. Il-mottiv hu sempliċi: il-Maltin iħobbu l-frattarija, il-frattarija ġġib ir-reklami u r-reklami jġibu l-flus. Il-programm Xarabank, minflok li fiehem bir-raġuni għaliex is-Sirjani, l-Iraqqini u l-Afgani qed jaħarbu minn pajjiżhom u għaliex żvolġiet kriżi fl-Ewropa ċentrali bl-Ungerija ttella’ ħajt fil-fruntiera mas-Serbja), għażel li joħloq teatrin ieħor bejn l-Iżlamici u l-hekk imsejjaħ ‘Front Patrijottiku.’  Ir-riżultat seta’ kien antiċipat. Il-preżentatur, li dejjem jipprova jagħmila tan-newtrali, kebbes in-nar biex itella’ r-ratings, formola li issa draha kull min mhux idjota.

Il-preżentatur, fl-eċitament infantili tiegħu, ta’ spiss ikollu l-freudian slips bħal meta wera kemm ma jaħmilx lil Putin, meta l-programm żvija għal kollox u daħal fil-kwistjoni tal-omosesswali.

Imma jagħmel tajjeb il-preżentatur ta’ Xarabank li jqabbel il-pożizzjoni ta’ Vladimir Putin mal-kundanna ta’ San Pawl kontra l-omosesswali. Putin mhux imbiegħed minn San Pawl. Għall-appostlu tal-ġnus, la effeminati u lanqas omosesswali ma jirtu s-saltna ta’ Alla (L-Ewwel Ittra lill-Korintin 6:1-11).

Il-programm Xarabank, fejn skjera Maltin stess jikkonfrontaw lil xulxin b’mod qares u aggressiv wasal meta l-Papa Bergoglio qed jinsisti dwar l-għażla ħielsa tar-reliġjon, burka jew mhux burka.

L-ANZJANI U L-IMMIGRANTI

Malta għandha popolazzjoni li qed tixjieh. Skont l-Uffiċju tal-Istatistika, wieħed minn kull ħames Maltin, qabeż jew qabżet is-60 sena. Sal-2050, terz mill-popolazzjoni ta’ Malta tkun laħqet l-anzjanità.

Il-Knisja għandha 13-il dar għall-anzjani f’Malta u 3 f’Għawdex. Il-Gvern għandu disat idjar, inkluż San Vincenz de Paul.  Residenzi privati hemm ħmistax, imma naturalment, mhux kulħadd jista’ jħallas għal post f’dawn id-djar. Mela hawn reġa’ għandek firda bejn dawk li huma ‘komdi’ li jħallsu u dawk li mhumiex. U l-firda soċjali tkompli tikber. Bħalissa, f’Malta hu kalkulat li 100,000 ruħ resqu lejn il-marġni tal-faqar.

Iżda l-anzjanità qed tipprekludi problema oħra. Fi ftit snin oħra, dawk li jkunu jifilħu għax-xogħol se jkomplu jonqsu u Malta jkollha bżonn enerġija ġdida fil-kamp tax-xogħol, l-aktar dak infrastrutturali. Inqas Maltin jidhru lesti li jidħlu għal xogħol manwali, inkluż xogħol fil-kostruzzjoni, fit-turizmu, fl-agrikoltura, eċċ.  U dan juri kemm għandhom vizjoni mijopika dawk li joħorġu bil-bandar Maltin jgħajtu li ma jridux barranin. Il-barranin ma jdumux ma jsiru, jekk mhux diġà saru, bżonn ekonomiku.

ĦUDHA BIR-ROTA JEW BIL-MIXI

Qed tibda tfaqqas l-idea li biex tittaffa l-problema tat-traffiku bil-konġestjoni impossibbli li qed iġġib magħha, il-Maltin għandhom jibdew imorru għax-xogħol bir-rota jew bil-mixi. Kieku mhux idea ħażina, għax dak it-tip ta’ eżerċizzju itejjeb l-effiċjenza tas-sistema kardjovaskulari, inaqqas ir-riskju ta’ mard tal-qalb u jsaħħaħ il-muskoli tar-riġlejn.

Ovvjament min juża r-rota jew jeħodha bil-mixi jkollu jilbes maskra, kif jagħmlu f’inħawi bħal Beijing biex jevita li jikkomprometti saħħtu b’mard differenti respiratorju jew saħansitra l-kanċer tal-pulmun. Il-fitness experts, dan il-periklu ma jidhrux li qed jikkunsidrawh. Jekk taħdem x’imkien lejn Tas-Sliema, ipprova itla’ bil-mixi jew bir-rota mill-Imsida sal-quċċata ta’ Rue d’Argens u tkun taf x’qed nipprova ngħid.

Ir-realtà tas-sitwazzjoni tat-traffiku fit-triqat Maltin mhux se tittaffa bil-mixi jew bir-rota. Għax dis-sistema tista’ tifgak u tagħmillek aktar ħsara mill-għoli tal-petrol u d-diesel.

More in Blogs